Wednesday, April 02, 2014

Intervistat ANTHONY FARRUGIA, kittieb u poeta

Anthony  Farrugia  twieled iż-Żurrieq u wara li attenda l-iskola Primarja taż-Zurrieq kompla l-edukazzjoni  sekondarja fil-kulleġġ De La Salle, fejn ukoll kien ta bidu għall-karriera tiegħu bħala għalliem. Wara li fl-1971 temm b’suċċess Borża ta` Studju fil-Kummerċ u Studji  Segretarjali ġie impjegat bħala Lecturer Grade ‘B’ fil-Kulleġġ ta’ l-Arti, Xjenza uTeknoloġija. Fl-1979 Anthony Farruġia inħatar bħala Kap tal-Iskola Segretarjali, Sir Hannibal Scicluna, u baqa` jżomm din il-kariga sakemm irtira fl-1996. Wara tnax-il sena bħala Kunsillier fil-Lokal ta` Ħaż-Żabbar,  b`rikonoxximent għas-sehem tiegħu, Il-Kunsill onorah bl-għotja ĠIEĦ ĦAŻ-ZABBAR. Anthony Farruġia huwa membru tal-Għaqda Poeti Maltin kif ukoll tal-Kunsill Ċiviku ta` Haż-Żabbar. Jieħu sehem f` xogħol letterarju u qari ta` poeżiji fil-laqgħa ta` kull xahar li ssir mill-Kikkra Kuturali tal-istess belt.
   
1.               Meta u fejn twelidt? X’tiftakar l-iktar minn jiem tfulitek? Kemm kien u għadu importanti raħal twelidek f’ħajtek u f’kitbietek?

Twelidt fl-1 ta’ Ġunju 1935 fiż-Żurrieq u bqajt ngħix hemm sakemm kelli 22 sena, meta żżewwiġt lil Anġela Aġius u mort noqgħod Ħaż-Żabbar fejn għadni noqgħod sallum.

Raħal twelidi ma ninsih qatt għax fih għext l-aħjar żmien ta’ ħajti. Villaġġ fejn dak iż-żmien tista’ tgħid li kulħadd kien midħla ta’ xulxin, għax ir-residenti kienu jgħoddu biss ftit eluf u għax kien hemm nuqqas ta’ attivitajiet jew waqtiet fejn wieħed kien seta’ jheda.  Biss, biex ngħidu hekk, it-teatrin li xi kumpaniji tal-lokal kienu jtellgħu, kien iservi ta’ mezz ta’ divertiment lil individwi kif ukoll lill-familji sħaħ.

Fi żmieni, bħala  żagħżugħ, aktar kont issibni l-Mużew jew l-Azzjoni Kattolika, jew f’xi wieħed mill-każini tal-Baned.  Illum  mod ieħor, ħafna opportunitajiet ta’ attivitajiet ta’ sport, drama, politika, reliġjon, u fuq  kollox il-faxxinu tal-elettronika.

Tant ma nistax ninsa liż-Żurrieq, il-post fejn twelidt, li ma nqastx li nsemmi u anke niddeskrivi xi postijiet  partikulari fiż-żewġ Rumanzi li ppublikajt, bħal Wied-iż Zurrieq,  Wied Babu, taħt ir-raħal u naħiet oħra magħrufin għall-ġmiel naturali tagħhom.  Anke fil-poeżija  ma nqastx li nikteb poeżija fuq Filfla, u oħra fuq l-irdieden tal-ilma li għad hemm fil-post magħruf minna bħala ‘taħt ifr-raħal’.

2.               Minn fejn bdiet il-ħajra tiegħek li tikteb? X’għandek l-iktar għal qalbek: il-kitba tal-poeżija jew tan-narrattiva?

L-edukazzjoni sekondarja tiegħi bdiet fl-1947 fil-Kulleġġ De La Salle, fil-Kottonera, fejn b’xorti kbira għalija u u għal kittieba oħra ta’ stoffa, bħal ngħidu aħna, Alfred Palma u Alfred Massa, fost oħrajn, kelli bħala għalliem tal-Malti lil Bro Henry SFC.  Kienet miegħu l-ewwel darba li bdejt il-ħsus tiegħi fil-poeżija.  Niftakar kien jgħidli, ‘Taqtax qalbek, qis li din in-namra tibża’ għaliha.’  Smajt minnu sakemm domt il-Kulleġġ imbagħad iċ-ċirkostanzi tal-ħajja biddluli għal kollox dak li kelli f’moħħi li nagħmel.  Għaddejt perjodu twil ħafna li fih ma bqajtx nikteb ħlief għal xi novella ’l hawn u ’l hinn u kienu jsibu ruħhom fil-kexxun t’isfel, sa ma forsi xi darba tmisshom ix-xorti u jaraw id-dawl.  Kien meta tħabbibt sew ma’ Alfred Palma, li mill ġdid kebbes fija l-imħabba għall-kitba bil-Malti.  Għamilt l-almu tiegħi biex nitħarreġ ftit aħjar sa ma erġajt sibt ruħi nesprimi  dak li f’waqtiet rari  nħoss  f’qalbi, xhieda kemm ta’ ferħ kif ukoll ta’ sogħba.  Saħansitra rnexxieli wkoll nippubblika żewġ Rumanzi, bit-tielet wieħed ma jdumx ma jara d-dawl.

3.               Liema huma t-temi li tittratta fil-versi tiegħek? Liema huma dawk li tittrattta fin-narrattiva tiegħek?

Għalija, il-kitba tal-poeżija hija espressjoni personali, poetika, spontanja, b’sentimenti qawwija personali li jistgħu jesprimu fatti immaġinarji, patrijottiċi, erotiċi, morali, ambjentali u  oħrajn.  Hija espressjoni qawwija li toħroġ mir-ruħ ta’ min jiktibha.

4.               Liema huma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-kitba tal-poeżija u tan-narrattiva?

Nikteb biex kemm jista’ jkun il-qarrej  jifhem u jaqsam miegħi  dak li nkun qiegħed inħoss.  Għax hawn poeti li donnhom jiktbu għalihom biss. Żgur li mhux bħal Dun Karm, Anton Buttigieg, Ġorġ Pisani u poeti oħra ta’ stima kbira.

Il-proża min-naħa l-oħra tesprimi aktar fatti immaġinarji jew li tassew ġraw. Ngħid jien imbagħad li l-aqwa forma ta’ proża hi dik narrativa li tagħti ħajja lir-Rumanz.  Ir-Rumanz jista’ jiżvolġi f’atti inventat f’ambjent naturali kif ukoll f’ambjent storiku.

5.               Liema huma l-kotba li ppubblikajt s’issa? Għandek xi wieħed iktar għal qalbek minn oħrajn? Għaliex?

Fost il-kitba tiegħi hemm xi poeżiji li dehru fil-fuljett  Versi li toħroġ l-Għaqda Poeti Maltin u żewġ Rumanzi li ppubblikajt bl-isem ta’ Meta l-Imħabba ma tmutx mitbuq minn Horizons u Fjuri fir-riħ mitbuq mill-Veritas Press. L-ewwel rumanz huwa l-aktar għal qalbi għax bih dħalt b’modestja kbira mal-massa ta’ kittieba u poeti li b’ħila liema bħalha iżommu ħaj Ilsien Pajjiżna.

6.               Għal min hija mmirata l-kitba tiegħek? Xi tgħid dwar min juża lingwaġġ laxk u jikteb biex joħloq biss sensazzjoni?

S’issa ktibt għal dawk kollha li jixtiequ jkollhom f’idejhom x’jaqraw, miktub bi stil ħafif u mexxej.  Inħobb indaħħal ħafna konversazzjoni għax nemmen li l-qarrej jehda jimmaġina ruħu li jkun qiegħed jieħu sehem f’dak li jkun qiegħed jaqra.  Deskrizzjoni ta’ xi xena ta’ ġmiel naturali tal-kampanja Maltija, m’għandniex xi ngħidu, ma tonqosx. Fil-kitba tiegħ ġeneralment ma nintrabat ma’ xejn ħlief f’każijiet fejn ma tkunx tista’ taħrab mit-tiġrib personali.  Imma fil-poeżija donni bla ma rrid, nidħol f’waqtiet ta’ ferħ jew diqa meta ħsibijieti jerġgħu jagħmluni ‘tifel’.

Imbagħad hemm kittieba li jogħxew f’kitba kemxejn laxka waqt li oħrajn jħossu li għandhom jaqbżu l-limitu.  Il-qarrej għandu jkun rispettat u kull kittieb għandu d-dover li jġorr ir-responsabbiltà ta’ dak li jikteb. Il-liġi taċ-ċensura m’għadhiex li kienet, u alllura dan jista’ jagħti lok għal min kien laxk, jabbuża u jsir laxk iżjed minn qabel.  L-għażla finali ta’ x’wieħed jaqra tibqa’ tal-qarrej innifsu.

7.               Kemm huma stmati l-kittieba u l-poeti llum hawn Malta, kemm mill-pubbliku in ġenerali kif ukoll mill-pubblikaturi? Inbidel xi ħaġa mill-imgħoddi ’l hawn? X’jista’ jsir biex is-sitwazzjoni titjieb? Kemm huma importanti għalik inizzjattivi bħalma huma l-Għaqda Poeti Maltin, Kikkra Kulturali u Radju Hompesch?

Il-kittieb u l-poeta, fil-fehma tiegħi igawdi stima aktar minn qabel.  L-istandard tal-edukazzjoni kiber u allura flimkien mal-istudji post-sekondarju jgħinu biex din l-istima tibqa’ tikber.  Għaqdiet Letterarji jaraw li l-istandard ikompli jieħu volta ’l fuq u b’hekk kull kittieb u poeta, jekk mhux issa, ’il quddiem ikompli jingħata r-rispett li jistħoqqlu.

F’moħħi , malajr, malajr, jiġu l-attivitajiet kważi kull xahar u l-Konkors Nazzjonali ta’ darba fis-sena li tniedi L-Għaqda Poeti Maltin.

Xhieda oħra ta’ kemm il-pubbliku sar jinħabb mal-kitba bil-Malti hi l-attendenza tal-ħbieb tal-ktieb fl-okkażjoni tal-Fiera tal-Ktieb li ssir f’Novembru ta’ kull sena.  Ta’ min ifaħħar ukoll l-inzjattiva li ħa wieħed mill-istazzjonijiet  televiżivi lokali fejn jinqraw stejjer għall-gosti tat-tfal biex fl-istess waqt iħajruhom jaqraw dejjem aktar.




No comments: