Minn kull rokna
ta’ gżiritna
tiġi n-nies
fil-Katidral
hekk kif jidħol
magħna Awwissu –
żgħażagħ, xjuħ,
miżżewġa, tfal!
Is-sajf ikun
fl-aqwa tiegħu,
l-emigranti bdew
ġejjin
sabiex f’nofs
dax-xahar igawdu
l-Assunta, Omm
il-bnedmin.
Li fil-għar
ċkejken ta’ Betlem
għan-nifs sħun
ta’ baqra w ħmar
lil binha welldet
f’maxtura
bl-anġli dlonk
jagħtu l-aħbar
Li kien twieled
l-Iben t’Alla
biex jifdina u
jsalvana,
bieb il-Ġenna fis
jiftħilna
mix-xitan ħielsa
jarana.
Beltna xxidd
l-ilbies tal-festa
biex issellem lil
Marija;
baned, ferħ,
tlielaq tal-bhejjem,
mixegħla,
musketterija.
U ġewwa l-Knisja
Matriċi,
tiżjin, dwal,
funzjonijiet,
statwa li
tonqosha l-kelma,
Għaġeb
tal-għeġubijiet!
Li l-Ħamis
fl-għaxija toħroġ
b’idejha sewwa
imberrħin
sabiex hienja ġo
dirgħajha
tħaddan lilna
il-Għawdxin.
Niftakar lil Dun
Tarċisju,
lill-għażiża ommi
Lola –
Int għalihom kont
il-ġawhra,
jew tal-ġonna
l-isbaħ vjola!
Hekk kif tkun
iddur mat-toroq
merfugħa fuq
l-ispallejn,
ixħet ħarstek fuq
il-morda,
ixxuttalhom
il-ħaddejn
Mid-dmugħ illi
jnikkithom
fuq is-sodda
tal-mard tagħhom;
‘tihom il-fejqan,
il-faraġ,
u urihom l’inti
magħhom!
U lis-Soċjeta’ Leone
li tagħmel kollox
għalik,
kompli saħħaħ,
orbot, irfed,
biex foħrija żżid
ittik.
Inti kont illi
fil-Gwerra
bgħattilna konvoj
prezzjuż
illi refagħna
minn xagħarna
b’munizzjon hekk
delizzjuż.
Li mill-ġdid tana
l-forza
biex inħarsu ‘l
quddiem
u lill-għadu
nqaċċtu ‘l barra
li għakkisna għal
tant żmien.
Issa f’dan
is-seklu tagħna
la tiqafx tidħol
għalina;
Inti l-mimmi ta’
għajnejna
Int l-Assunta,
Omm ħanina!
Min ħadimlek
il-bradella
kien missieri
l-mastrudaxxa;
jiena ibnu, hawn
qudddiemek,
irrid bik dejjem
nitpaxxa.
U meta ż-żmien
jagħlaqli
‘tini l-grazzja
niġi ħdejk;
sakemm iżda għadni
hawn isfel
bla dewmien
berraħli jdejk!
Kav Joe M Attard
Victoria Għawdex
Awwissu
2013
No comments:
Post a Comment