Monday, May 06, 2013

Poeżija għal JUM L-OMM


F’Jum l-Omm


Fost il-jiem kollha tas-sena
għandna wieħed għażiż wisq;
dan hu ddedikat lil ommna –
għelm ta’ barka, hena w risq.

Meta Beniamino Gigli
kien instema’ jkanta l-“Mamma”
ma’ dal-globu kompla kebbes
tal-imħabba din il-fjamma.

Għax l-omm l-akbar kreatura
li teżisti fil-ħolqien;
jekk idduru d-dinja kollha
bħalha żgur ma ssibu mkien!

Bla ma trid meta tinħasad
inti tgħajjat: “Ajma, Ma!”.
U għalkemm daqsha essenzjali,
ma ssejjaħx int lill-papà!

Żgur li hemm xi ħaġa fina
li bil-wisq torbotna magħha
bħalma l-qroqqa l-ħin kollu
tgħożż ma’ djulha l-ulied tagħha.

Wara disa’ xhur ta’ tqala
d-dinja tifraħ b’twelid ġdid;
forsi mhux l-omm responsabbli
minn dil-benna, minn dal-ġid!

Meta nħossuna morda
jew imtaqqla minn xi hemm
dlonk tarana sejrin għandha
biex infittxu ftit tal-kenn.

Bl-ebda dubju ġewwa s-sema
għandna Omm bil-wisq setgħana;
toqogħdux, immela, lura –
nersqu lejha lkoll ħerqana.

F’kelma waħda xejn ma jisboq
dan l-isem sabiħ ta’ omm –
dawn il-versi minn qiegħ qalbi,
għażiż’omm, lilek indomm.


Kav. Joe M. Attard


No comments: