Il-Professur Charles Briffa llum huwa awtur ta’ numru mdaqqas ta kotba f’rabta mal-Lingwa u l-Letteratura Maltija, mal-Kritika Letterarja u mat-Traduzzjoni. Għallem fi skejjel tal-Knisja u ħadem fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni, il-Matsec Support Unit,u anki l-Fakultà tal-Arti fid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta. Jaħdem fid-Dipartiment tat-Traduzzjoni u tal-Interpretazzjoni fl-istess Università.
It-traduzzjoni
letterarja trid l-imħabba. Imma hemm it-traduzzjoni teknika wkoll.
Mill-aħħar
kwart tas-seklu 20 ‘l hawn it-traduzzjoni saret dixxiplina awtonoma għax
id-dinja għarfet l-importanza tagħha u għalhekk żdied l-interess fit-teorija u
l-prattika tat-traduzzjoni. B’riżultat ta’ dan l-għarfien kien hemm espansjoni
globali fl-attivitajiet marbutin mat-traduzzjoni bħala att fundamentali ta’
tpartit uman. Jiġifieri żdiedet sew il-ħidma tat-traduzzjoni mad-dinja kollha.
Id-diversità lingwistika tal-Unjoni Ewropea kattret il-ħtieġa tat-traduzzjoni.
Fil-ġrajja
Maltija nsibu li t-traduzzjoni kellha sehem ewlieni fil-qasam soċjali sa
miż-żmien l-antik, imma fejn tidħol traduzzjoni għall-Malti nistgħu nsemmu
(aparti l-listi ta’ kliem li xi barranin ġabru b’interess) is-sett ta’
istruzzjonijiet militari (c.1640, bit-Taljan u bil-Malti) meqjusa li huma ta’
Thezan (miet1649) u t-Tagħlim Nisrani
(1752) ta’ Francesco Wzzino (1678-1767), li kien traduzzjoni tal-katekiżmu
mit-Taljan għall-Malti. Fis-sekli ta’ wara l-ħidma fit-traduzzjoni żdiedet u
l-akbar biċċa xogħol li wieħed jista’ jsemmi f’dan il-kuntest hija l-ħidma ta’
Saydon (1895-1971) li ttraduċa l-bibbja mill-Ebrajk, l-Aramajk, u l-Grieg
għall-Malti fuq medda ta’ tletin sena (1929-1959). U saru wkoll bosta
traduzzjonijiet mit-Taljan u mill-Ingliż, speċjalment fil-qasam letterarju. Ma
ninsewx ukoll li fil-parti l-kbira ta’ dawn l-aħħar mitejn sena l-liġijiet
tagħna kienu bilingwi. It-traduzzjoni, mela, kellha sehem kruċjali biex
tassisti l-kultura bl-importazzjoni tal-ideat u l-metodi stilistiċi, u fl-aħħar
kwart tas-seklu għoxrin it-traduzzjoni fil-Gżejjer Maltin imxiet mal-bqija
tad-dinja biex tgħin aktar l-għarfien ta’ ħajja kontemporanja li kulma tmur
bdiet tkun aktar iffragmentata. Meta fil-bidu tas-seklu 21 dħalna fl-Unjoni
Ewropea, it-traduzzjoni teknika saret ħtieġa politika u sors ekonomiku għal bosta
Maltin u Għawdxin.
Imma jeħtieġ
inżidu li t-traduzzjoni qiegħda tgħinna wkoll biex nesportaw ix-xogħlijiet u
l-ideat tagħna għax qed isir bosta xogħol biex l-awtur Malti jinqaleb
għall-Ingliż ħalli d-dinja tkun tista’ tisimgħu. Għax meta, ngħidu aħna,
poeżija Maltija tinqaleb għall-Ingliż ma tibqax iddur biss mal-Gżejjer tagħna
imma ddur mal-globu kollu. It-traduzzjoni twessa’ fil-beraħ l-għarfien
tax-xogħol li juri xi ftit kif aħna nħarsu lejn id-dinja.
Mela,
bit-traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet barranin għall-Malti nkunu qegħdin inwessgħu
l-potenzjalitajiet ta’ lsienna u nkattrulu r-riżorsi; u bit-traduzzjonijiet ta’
xogħlijiet Maltin għal xi lingwa oħra nkunu qegħdin inwasslu l-ideat tagħna
għand ħaddieħor. Inżommu f’moħħna li mingħajr it-traduzzjoni l-kittieba,
il-ħassieba, u l-istudjużi ma kienx ikollhom wisq influwenza fuq id-dinja.
Mill-banda l-oħra, lanqas ma kien ikun sew li kieku l-qarrejja biss ta’ lingwa
partikulari kien ikollhom aċċess għall-kitbiet b’dik il-lingwa għax it-tpartit
u l-krossfertilizzazzjoni tal-ideat u t-teoriji kienu jonqsu ħafna.
B’dan il-għan,
it-traduzzjoni bilfors trid turi d-dinamika tat-tiswir kulturali tal-identità
umana. Iddaħħal l-ilsien Malti fi djalogiżmu mal-lingwi klassiċi u ma’ lingwi barranin. Il-Malti bħala lsien jistagħna
bl-interazzjoni, u f’dan il-proġett l-interazzjoni qiegħda fil-livell
intellettwali u kreattiv bejn id-dinja klassika u d-dinja barranija u d-dinja Maltija
tal-lum. Barra minn hekk, kull traduzzjoni titfa’ perspettiva ġdida fuq it-test
sors. B’hekk qegħdin ngħidu li hemm ħtieġa għat-traduzzjoni letterarja biex
tinbena l-kultura, għax bit-traduzzjoni nifhmu t-teoriji, l-opinjonijiet, u
l-ġrajjiet ta’ ħassieba, skulari, u kittieba f’pajjiżi u f’iżmna oħra.
Fl-istess ħin awtur ta’ żmien jew post ieħor jibqagħlu d-dritt li jibqa’
jinstema’. Nemmen bi sħiħ li t-traduttur huwa vjaġġatur li jterraq
minn sors għal ieħor, u li b’ħidmietu jgħinna nsawru l-għerf tagħna fuq
id-dinja – tiswir li bih narmaw ruħna sew għall-futur.
2. Kif tirrikonċilja l-attività tiegħek ta’ kritiku
letterarju ma’ dik ta’ Professur fi ħdan id-Dipartiment tat-Traduzzjoni
fl-Università ta’ Malta? u/jew liema jistgħu jkunu l-punti ta’ kuntatt bejn
il-qasam tal-kritika letterarja u dak tat-traduzzjoni?
Iż-żewġ oqsma
tat-traduzzjoni u tal-kritika letterarja jirrikjedu studju serju
għall-komunikazzjoni: qari analitiku, interpretazzjoni, riċerka, u espressjoni.
It-tnejn narahom mezz ta’ medjazzjoni bejn l-awtur u l-qarrej. It-traduttur u
l-kritiku huma medjaturi fit-twassil tal-messaġġi tal-awturi. U l-gost ta’ dawn
iż-żewġ ħidmiet huwa li, wara li jsir l-istudju xieraq, tkun trid tinstab
il-lingwa sabiex tikkomunika l-frott tar-riċerka u tal-analiżi.
Illum
il-ġurnata ftit huma dawk li kapaċi jaqraw ix-xogħlijiet fl-oriġinal. Hija
t-traduzzjoni li trid tressqilna s-sengħa tal-kitba fil-letteratura,
fil-filosofija, u fis-suġġetti l-oħra li għandha bżonn is-soċjetà tal-lum. U
t-traduzzjoni trid issolvi l-problemi kulturali kkaġunati mill-bogħod taż-żmien
u tal-ġeografija: fatturi li nisslu drawwiet differenti minn tagħna. Għalhekk
it-traduzzjoni xi drabi tkun approssimattiva, imma l-qawwa tat-traduttur tidher
fl-istrateġiji li jsib biex jibni elementi relevanti li funzjonalment jaħdmu
fit-tifsir kuntestwali tat-tieni lingwa.
Ngħidu aħna,
jekk nieħdu t-traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet klassiċi nsibu ħidma li timpenja
lit-tradutturi letterarji bħala forza pożittiva għas-sopravivenza tal-kitba
matul iż-żmien. Il-wirt tal-ideat jinfirex u jibqa’ ħaj. Jiġifieri,
it-tradutturi letterarji huma importanti għall-kontinwità kulturali. Dawn
it-tradutturi huma medjaturi u interpreti interkulturali minħabba l-aspett
djaloġiku. Pereżempju, it-traduttur tas-Sanskrit huwa l-medjatur tagħna li
jinterpreta l-kultura Sanskrita bil-Malti li jagħżel, u biex jagħmel hekk irid
jinnegoza termini ġodda fi lsienna.
L-istess ngħidu fil-każ tal-Ingliż Qadim. Id-djalogiżmu
jidher fil-fatt li t-traduzzjoni “timporta” u tinnaturalizza t-taħdit ta’
kulturi klassiċi bl-argumenti u t-tensjonijiet tagħhom. It-traduzzjoni
titqabbel mad-djalogu ta’ kuljum bħala tpartit tal-ideat; tinnegozja l-aħjar
mod biex fit-tieni lingwa t-traduzzjoni tesprimi kultura mgħoddija b’lingwa
barranija. It-tpartit lingwistiku huwa djaloġiku, u fl-istess ħin hemm element
ta’ innovazzjoni l-aktar minħabba li jinħolqu jew jiddaħħlu termini ġodda u
jissawru sfumaturi ġodda li jingħataw lit-termini li diġà jeżistu. It-traduzzjoni hija forma ta’
komunikazzjoni u mezz ta’ kontinwità. B’hekk tassigura li test jibqa’ jgħix;
jibqa’ kważi l-istess b’libsa oħra. Bit-traduzzjoni test jibqa’ jintiret. Il-komunikazzjoni
ssir interkulturali u intertemporali. U t-tradutturi jagħtu forma lit-tifsir.
Nifhmu wkoll li
xogħol letterarju jista’ jinqara b’mod superfiċjali jew b’mod profond.
Il-kritiku letterarju jidħol jogħdos fir-ruħ tax-xogħol ħa jifhem il-moħbi u
jorbtu mal-mikxuf. Dan mhux kulħadd għandu ħila jew sabar jew ħin jagħmlu, u
allura l-kritiku jkun qiegħed jgħin lill-pubbliku biex jifhem aħjar. Kull biċċa
xogħol letterarja tistħoqqilha l-għabiel tal-kritiku. Inħobb inħares lejn
il-kritika letterarja bħala saħħara tal-qalb u l-moħħ letterarji għax ittejjeb
l-għarfien ta’ biċċa xogħol hi u tgħarrex fil-ħsieb kreattiv sabiex tipprova
tifhem-tfiehem mhux biexx dak li jingħaraf malajr imma wkoll dak kollu li
jeħtieġ ħsieb profond u skavi li jaslu biex jippenetraw is-superfiċjali sa ma
jaslu għall-qalba ta’ ruħ ix-xogħol.
Il-kritika
letterarja hija differenti mill-qari tal-letteratura. Il-kritika hija
diskussjoni fuq il-letteratura. Mhijiex sostitut għall-qari tax-xogħol – avolja
ġieli jkun hemm min jitkellem fuq biċċa xogħol mhux għax ikun qraha imma għax
ikun qara xi kritika fuqha. M’għandha ebda għan li tipprova tirriproduċi l-gost
li wieħed isib fil-qari. Il-ħidma tal-kritika hija li tiskopri n-natura
tal-kreattività tal-kittieb u ssib dawk l-elementi fix-xogħol letterarju li
jistgħu jqanqlu diskussjoni. Il-kritiku jipprova jestendi l-medda tal-argument
razzjonali dwar il-letteratura. Jiġifieri fejn hu possibbli jipprova jwessa’
l-fruntieri tal-ħsieb kemm jista’ jkun; jipprova jispjega dak li jsib, u dak li
jħalli barra jħallih għax jemmen li l-effetti tiegħu ma jwassluhx għal xi
argument kritiku. Il-kritika letterarja tagħti r-raġunijiet ghħall-ġudizzji
tagħna. Tagħti l-valuri jew in-nuqqasijiet tal-letteratura. U b’dan il-mod
allura tkun qiegħda tgħin lill-umanità.
3. Inti ktibt ukoll xogħlijiet oriġinali bħal poeżiji u
novelli bil-Malti. Dan il-qasam jagħtik sodisfazzjon daqs, iktar, jew inqas
miż-żewġ oqsma l-oħra li semmejna diġà?
Ir-riċerka (li jien
nesponi fil-kritika letterarja u fl-istudji tal-lingwa u tat-traduzzjoni)
inħobbha u l-kitba kreattiva (li jien nesponi fil-poeżiji u fin-novelli)
inħobbha wkoll. It-tnejn jagħtuni sodisfazzjon differenti: tal-ewwel
is-sodisfazzjoni jintrabat mal-ħeġġa tal-esploratur li jterraq f’dak li mhux
magħruf ħa jagħrfu; u tat-tieni s-sodisfazzjon jintrabat mal-ħeffa tat-tajra li
timraħ fil-beraħ ħieles u max-xenqa tal-artist li jrid joħloq – it-tiżwiġ
tal-ħeffa max-xenqa huwa parti mill-istil mentali tiegħi.
Il-proċess
analitiku tar-riċerka tiegħi huwa differenti mill-proċess artistiku
tal-kreattività tiegħi. Fil-proċess analitiku meta nikteb idea nkun naf li dik
l-idea nkun irbaħtilha, għax inkun sibt il-lingwa sabiex nispjegaha –
jiġifieri, inkun qed nispjega xi ħaġa li ma tkunx ħarġet minni imma minn
ħaddieħor. Fil-proċess artistiku meta nikteb idea nħossni li nkun ferrajt xi
ħaġa minn ruħi li tkun ilha tħuf f’moħħi – jiġifieri, tkun saret parti minni.
Il-proċess tat-traduzzjoni nsibu li għandu mit-tnejn: kemm mill-proċess
analitiku (għax it-traduzzjoni teħtieġ ir-riċerka) u kemm mill-proċess
artistiku (għax it-traduzzjoni letterarja tippermetti grad ta’ kreattività).
Fl-istudji
analitiċi tiegħi x’aktarx li nipprova nuri kemm ilsienna huwa uniku; dawn l-istudji
neħodhom bħala eżerċizji ta’ medjazzjoni (kif għedt) biex ngħin lill-qarrejja
jifhmu aktar u japprezzaw il-potenzjalitajiet tax-xogħlijiet letterarji. Inħoss
li nkun qed nagħti servizz. Kull darba li neżamina xogħol letterarju nara
amalgamazzjoni tal-umanità u l-kreattività, u għalhekk nipprova nikxef xi ħaġa
mill-attività, anzi aħjar mill-valenza interpersonali tal-kitba letterarja
bil-Malti. Għalhekk spiss ninxteħet fl-analiżi psikostilistika. Dan kien l-għan
ewlieni tiegħi f’Il-Letteratura Maltija: L-Istorja
tan-Narrattiva (2008) fejn applikajt it-teorija letterarja reċenti għal
xogħlijiet Maltin. L-istudji medjatriċi jgħidu: “Hekk huma l-affarijiet.
X’taħseb?” Xorta jħallu l-interpretazzjoni finali f’idejn il-qarrej, imma wara
ħsieb u analiżi bil-għaqal.
L-esperjenza
tal-kitba kreattiva, mill-banda l-oħra, qisha bħal meta nħares lejn il-wisgħa
ta’ baħar miftuħ: inkun naf li hemm żewġ ibħra quddiemi, wieħed li jhennik u
jpaxxilek lill-għajnejk bil-ġmiel tiegħu, u l-ieħor li jgħajjilek dirgħajk u
riġlejk biex kull qadfa tibda titqal f’għawma twila. Bħalma meta nħares lejn
il-baħar ikħal ileqq fis-sebħ ix-xena tistimulali lir-ruħi ħassieba, meta
nħares lejn id-djarju tiegħi (fejn inħobb inħażżeż l-ideat li jitnisslu
f’moħħi) titqajjem ix-xewqa immaġinattiva profonda u jkun hemm l-għatx
għas-seħer tal-kitba. Imma s-sengħa tal-kitba hija laborjuża, u negħreq
l-għaraq tad-demm fiha. Fl-istess waqt hija l-iskultur li jsawwarli moħħi, u
moħħi jippermettili neħles lili nnifsi minni nnifsi biex fil-proċess tal-kreattività
nbexxaq possibiltajiet ġodda tiegħi nnifsi. Bħall-ispirti tal-Milied li żaru
lil Scrooge: għamluh konxju tal-multipliċità tar-realtà ta’ madwaru. Bħal dawn
l-ispirti, il-kitba kreattiva tiegħi tippreżentali modi ta’ awtomodifikazzjoni.
Għalija l-ħelsien letterarju jintrabat mal-evoluzzjoni umana. Fl-istess ħin,
il-kitba letterarja tiegħi sikwit issir djaloġika għax ma rridhiex tkun
sempliċiment biċċa imbarazz mitluqa tifflowtja għal riħha f’wiċċ il-baħar
tal-anonimità u bla karattru. Il-ħsieb kreattiv tiegħi għandu tendenza
jissieħeb ma’ xi wħud minn dawk li ġew qabli jew dawk kontemporanji tiegħi.
4. Hemm fik ukoll l-edukatur, fil-klassi u fil-qasam
tal-mezzi tax-xandir. Kemm hu importanti dan fi żmien meta donnha tispikka
qatigħ il-medjokrità?
L-edukazzjoni
teħtieġ ir-riċerka u l-komunikazzjoni; u x-xandir jeħtieġ ir-riċerka u
l-komunikazzjoni. Mela jinxtiebhu. Nemmen li x-xandir (barra l-funzjoni tiegħi
ta’ divertiment) għandu juri r-realtà u jgħallem billi jinforma. F’moħħi
m’hemmx fruntieri. Jiena nħobb ngħallem mill-ftit li naf; u nħobb nitgħallem
mill-istudenti tiegħi għax dawn għandhom ħafna x’jgħallmuni, tant li minn sena
għal oħra dejjem inżid mal-materjal tat-tagħlim tiegħi għax kull grupp ta’
studenti huwa differenti. Ma tistax tqis lil kulħadd xorta. Għalhekk sabiħa
l-edukazzjoni, għax dejjem trid tiddilja ma’ nies differenti, dejjem trid
tħaddem strateġiji differenti biex tgħinhom jaslu fejn hemm bżonn. Il-ħajja ta’
għalliem għalija hija avventura kontinwa li tiddependi fuq il-psikoloġija u
s-sentiment. Fl-istess ħin il-professjoni ta’ għalliem għadni nemmen li hija
vokazzjoni – trid toħroġ minn ruħek bħala ħidma ta’ mħabba u dedikazzjoni.
U x-xandir (li
wkoll inħobbu għax inħossni qed niddjaloga ma’ ħafna aktar nies) jagħtini ċ-ċans
li nkun għalliem, riċerkatur, u kreattiv fl-istess ħin. Meta nkun live is-semmiegħa u t-telespettaturi
jgħallmuni ħafna u nifhem x’bir ta’ għerf għandhom; meta jċempluli u jkellmuni
fuq l-esperjenzi lingwistiċi tagħhom nieħù bosta noti biex inżidhom ma’ dak li
jkolli. Meta nirrekordja l-programmi nipprova nferra’ fihom bosta tagħrif siewi
u ta’ interess. Meta nkun fuq xi mezz tax-xandir, inkun konxju ta’ kull kelma
li ngħid, anzi dejjem ikolli skop għaliex nuża kelma minflok oħra. Imma
l-missjoni tiegħi hija dejjem l-istess: li nuri lis-semmiegħa u
t-telespettaturi l-kobor tal-ġmiel ta’ lsienna. Fi lsienna hemm bir kulturali
mingħajr belliegħa u mdawwal bl-ogħna ġrajjiet għax hemm ġrajja wara kull kelma
Maltija – ġrajja msawra mill-antenati tagħna, ġrajja li tikxef mentalità li
sawret lilna.
Il-ħidma tiegħi
bħala kritiku, studjuż, riċerkatur, traduttur, kittieb kreattiv, edukatur, u
xandar hija, fil-qofol tagħha, dejjem immirata sabiex inrawwem u nkabbar
ir-rispett lejn il-Malti – lingwa ħajja u attwali li dejjem tikber u tisbieħ u
taħżen ġo fiha għerf niesna. Għaldaqstant nipprova nagħti mill-aħjar li nista’
għalhekk nintegra l-ħidmiet tiegħi f’daqqa. Il-medjokrità x’aktarx li tiġi
mix-xogħol ta’ kafkaf. Jien għadni nemmen li jekk ħidma tkun titqies siewja,
għandha ssir bil-galbu u bil-għaqal biex titwassal bl-aħjar mezz possibbli
lill-udjenza mixtieqa li jkun jixraqilha xogħol mill-aħjar. B’hekk inżidu
r-rispett u nnaqqsu l-medjokrità.
5.Liema huwa l-ikbar sodisfazzjon għalik: dak li ġej
mill-qasam strettament akkademiku jew meta tkun in kuntatt mal-poplu
f’ċirkustanzi informali?
Mit-tnejn hemm
x’titgħallem u fiż-żewġ aspetti l-ħsieb irid ikun meqjus. L-iktar li nħossni
komdu, però, meta nkun f’qagħdiet informali għax il-ħsieb ikun aktar spontanju
u naturali (imma xorta meqjus). F’ċirkustanzi akkademiċi l-ħsieb jitgħabba
bl-astratt, imma anki hawn hemm is-sabiħ tiegħu għax bosta drabi l-ħsieb ikun
iċċalinġjat minn oħrajn li jifhmu ħafna. Parti mill-karattru tiegħi huwa li
nipprova nieħu gost kull fejn inkun, u kollox jagħtini sodisfazzjoni basta jkun
hemm ir-rispett – jiġifieri, basta l-parteċipanti jirrispettaw lil xulxin u
lill-ideat ta’ xulxin.
(Patrick Sammut 2013)
No comments:
Post a Comment