Sunday, December 09, 2012


L-Għaqda Poeti Maltin, qiegħda tniedi bidu ta’ qari ta’ poeżiji fil-kafeterija Cafè Rocher, li tinsab fuq ix-xellug kif wieħed jidħol minn Bieb il-Belt. Din se tibda tkun fl-ewwel Sibt ta’ kull xahar fl-għaxra ta’ filgħodu, minbarra meta dan il-jum jaħbat festa.

            Il-poeżiji li jinqraw jistgħu jkunu b’kull ilsien li l-kittieb iħossu komdu fih, basta l-Poeta jkun dispost biex jispjega jekk il-lingwa ma tkunx waħda minn dawk li ssoltu aħna l-Maltin aħna esposti għaliha komunement.

            Wieħed ukoll jista’ jieħu kafè jew dak li jrid mingħand Cafè Rocher (ovvjament kulħadd iħallas tiegħu biex ma jinħoloqx diżgwid). L-ewwel laqgħa se tkun nhar is-Sibt, 5 ta’ Jannar, 2013.  Il-Membri tal-Għaqda Poeti Maltin u l-pubbliku ġenerali huma mistednin biex iġibu l-poeżiji tagħhom biex jaqrawhom.  Min jippreferixxi jisma’ biss hu mistieden ukoll.

            B’dan il-mod l-Għaqda Poeti Maltin qiegħda tagħti spazju lill-kittieba Maltin tal-poeżija biex jikkomunikaw il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħhom mal-bqija tan-nies, u biex il-poeżiji  tagħhom ikunu apprezzati aħjar.  Dan isir f’atmosfera ta’ ħbiberija, bejn kikkra kafè u oħra. Għaldaqstant, inħeġġu lil kulħadd biex jibda jieħu sehem f’din l-attività.

Niltaqgħu. 

No comments: