Sunday, September 09, 2012

Serata Letterarja f'ġieħ Alfred Massa

Nhar l-Erbgħa, il-5 ta’ Settembru, ġewwa Dar il-Kejka f'Ħal-Tarxien, L-Għaqda Poeti Maltin tellgħet serata f’ġieħ is-Sur Alfred Massa, ex-President tal-istess għaqda. Fost il-pubbliku kien hemm is-Sindku ta’ Ħal Tarxien il-Kav. Pawlu Farrugia, il-Viċi Sindku, kunsilliera u membri. Waqt din l-attivita` xi membri qraw uħud mix-xogħlijiet ta’ dan il-kittieb ... fosthom poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan u siltiet minn rumanzi u novelli. Il-President attwali, is-Sur Charles Magro, ippreżenta din is-serata u fetaħ billi għamel diskors ta’ apprezzament dwar is-Sur Massa. Il-kantawtur Walter Micallef żewwaq din l-attivita` bi kliem u mużika mill-isbaħ li ħarġu mill-pinna tiegħu stess. Alfred Massa ġie wkoll mogħti t-titlu prestiġjuż ta’ President Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin. 


 Is-Sindku u l-viċi-Sindku ta' Ħal Tarxien jirringrazzjaw lil Alfrded Massa għal ħidmetukemm fi ħdan Ħal Tarxiex kif ukoll l-Għaqda Poeti Maltin



Parti mill-pubbliku li attenda għas-serata f'ġieħ Alfred Massa



Alfred Massa fid-diskors finali tiegħu bħala President Onorarju 
tal-Għaqda Poeti Maltin

Fid-diskors tiegħu is-Sur Massa qal kif flimkien mas-Sur Amante Buontempo kienu l-ewwel pijunieri tal-Għaqda Poeti Maltin u pass wara pass u b’ħidma b’ħafna dedikazzjoni laħaq sal-ogħla kariga. Huwa qal illi jixtieq jgħaddi messaġġ lil-President il-ġdid, is-Sur Charles Magro, l-istess messaġġ illi għaxar snin qabel kien ġie mgħoddi lilu mir-Rev. Buontempo ... biex jibqa' jħobb l-Għaqda. Huwa rringrazzja lil dawk kollha preżenti, lis-Sindku u anki lill-membri tas-sehem illi taw u li qegħdin jagħtu. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas irringrazzja wkoll lis-sinjura tiegħu talli dejjem kienet ta’ għajnuna u ta' sapport matul l-impenn tiegħu fi ħdan l-Għaqda Poeti Maltin. Is-Sindku, il-Kav. Pawlu Farrugia, faħħar lis-Sur Massa għax-xogħol metikoluż tiegħu u ta’ ħidmietu mhux biss fl-Għaqda Poeti Maltin imma wkoll għax-xogħol li jwettaq għall-parroċċa ta’ Ħal Tarxien, li tant iħobb. Is-Sur Massa ingħata wkoll tifkiriet għall-okkażjoni.

No comments: