Saturday, June 09, 2012

Il-Premju Nosside 2012


L-AĦĦAR JIEM BIEX TIEĦU SEHEM FIL-PREMJU INTERNAZZJONALI TAL-POEŻIJA NOSSIDE 2012

L-Għ.P.M. taħdem fi sħab mal-Konkors tal-Poeżija Intenazzjonali NOSSIDE li tiegħu huwa Delegat għal Malta Patrick Sammut. Ta’ kull sena n-NOSSIDE – imwaqqaf fl-1983 - jkun miftuħ għall-poeti kollha li jixtiequ jipparteċipaw b’kull ilsien, inkluż il-Malti. In-NOSSIDE għandu ħames ilsna uffiċjali li huma l-Ingliż, il-Franċiż, l-Ispanjol, il-Portugiż u t-Taljan. Imma fih jistgħu jipparteċipaw poeżiji b’kull lingwa u djalett, basta jkunu tradotti f’wieħed minn dawn il-ħames ilsna uffiċjali. Dawn l-aħħar snin l-Għaqda kellha l-parteċipanti tagħha f’Nosside li dejjem marru tajjeb meta tqis li għal konkors bħal dan jieħdu sehem aktar minn 60 pajjiż, 61 ilsien differenti u aktar minn 350 parteċipant. Ta’ kull sena jkun hemm premjijiet sbieħ ferm. Jista’ jipparteċipa kull min għandu għal qalbu l-poeżija (miktuba, f’għamla ta’ video, u anki mużikata). Min hu interessat jipparteċipa jista’ jara r-regolamenti u ħwejjeġ oħra fis-sit www.nosside.org u għandu żmien sal-20 ta’ Ġunju 2012.
Dan huwa Premju li jlaqqa’ poeti mid-dinja kollha, mela mill-ħames kontinenti. Il-Lejla ta’ Premjazzjoni ssir fl-aħħar jiem ta’ Novembru f’Reggio. Il-poeti rebbieħa u l-menzjonati speċjali jiġu mistiedna għal numru ta’ jiem f’dil-belt, imma anki fi bliet oħra fi Sqallija, biex jaqraw il-poeżiji tagħhom f’postijiet differenti, kemm f’siti universitarji, kif ukoll f’libreriji magħrufa. Ikunu mistiedna wkoll jipparteċipaw għal programm speċjali fuq wieħed mill-istazzjonijiet televiżivi ta’ Reggio. Jiena kont wieħed minn dawn fl-2008 u kelli l-opportunità niltaqa’ ma’ poeti mill-Amerka t’Isfel, miċ-Ċina u minn pajjiżi differenti tal-Ewropa. Nittama li bħal kull sena Malta jkollha r-rappreżentanti tagħha fin-NOSSIDE tal-2012.

Patrick Sammut


No comments: