Monday, March 19, 2012

Intervista ma' Joe Saliba mill-Awstralja f'rabta mal-ġabra poetika SANTWARJU (2011)


Joe Saliba twieled Birkirkara fl-1941 u emigra ma’ familtu għall-Awstralja fl-1959. Kien impjegat bħala Emergency Teacher f’Malta u skrivan fl-Awstralja. Miżewweġ b’erbat itfal. Ippubblika sitt kotba ta’ poeżiji bil-Malti, ieħor bl-Ingliż u traduzzjoni ta’ The Prophet (1971), barra mill-kontribut tiegħu f’għadd ta’ antoloġiji ewlenin. Ara l-blog: http://joesalibaaustralia.blogspot.com/
 
Is-saħħa ta’ Saliba qiegħda fil-poeżiji konċiżi. Għalkemm qosra, jieħdu ħafna iktar ħin biex wieħed jiddiġerixxihom. Iħalluk tistaqsi, tħabbel rasek, tipprova tifhem u tfittex dak li jrid jgħid il-poeta. Hemm ukoll is-sinċerità diretta ta’ Saliba li xi drabi teħtieġ ukoll kuraġġ għax taf iddarras lil ċerti qarrejja. Forsi hu minħabba f’hekk li f’Imqass jikteb, “l-agħar jien bi lsieni mqass”. Fuq kollox ma ninsewx li Joe Saliba huwa wieħed minn dawk l-ilħna li tbiegħdu kemm spazjalment kif ukoll temporalment mill-gżejjer Maltin, imma li għadhom jgħannu b’ilsien art twelidhom. SANTWARJU għalhekk huwa eżempju ħaj ieħor tal-letteratura Maltija li qed tiġi miktuba llum lil hinn minn art tweildna. Id-demm qatt ma jsir semm.” (Kument kritiku minn Patrick Sammut)


     1.      Kemm ilek ma tinżel Malta?

L-ewwel darba li nżilt kienet fl-1967 biex nippubblika t-tieni damma ta’ poeżiji tiegħi bl-isem Ferħ, Biki u Poeżija u dik il-ħabta ma kontx miżżewweġ. Qattajt sitt xhur Malta. Inzilt Malta ma’ marti għat-tieni darba fl-2006/2007 u domna hemm erba’ xhur.

     2.      X’inhu dak li jġagħlek tkompli tikteb b’ilsien art twelidek u mhux bl-ilsien tal-pajjiż li laqgħek? Jista’ din l-għażla tkun pont bejn iż-żewġ gżejjer, u anki bejn imgħoddi u preżent?

Emminni ma nafx għaliex għażilt u ddeċidejt li nibqa’ nikteb bil-Malti aktar minn bl-Ingliż. Kultant jisgħobbija li ma ndenjajtx nieħu aktar interess fil-kitba bl-Ingliż għalkemm għandi għadd ta’ poeżiji bl-Ingliż. Kont ħriġt ktejjeb ta’ poeżiji bl-Ingliż jismu Lamentations of a Happy Man (1989). Dan l-aħħar ġbart għall-gost tiegħi dawn il-poeżiji u oħrajn ġodda u semmejt dal-manuskritt Chant of the Bacchants and other Diversions. Għandi xogħlijiet oħra, manuskritti, bl-Ingliż ta’ proża, partikolarment, żewġ kollezzjonijiet ta’ esejs. Mhux bi ħsiebni nippubblikahom għaliex saħħti mhijiex kif nixtieqha.
Nikteb bil-Malti għaliex aktar inħossni komdu bih. Kif tista’ timmaġina, jiena mdawwar bil-lingwa Ingliża: ġo dari (fejn marti hija Ingliża/Awstraljana u wliedi ma jitkellmux bil-Malti) u kulfejn inkun. Ftit huma l-poeżiji tiegħi li jdoqqu u jinħassu li setgħu nkitbu minn xi ħadd Ingliż. Din hija xi ħaġa li l-poeti Maltin ġewwa Malta jridu joqogħdu attenti għaliha. Jekk jaħsbu li meta jiktbu l-versi tagħhom bl-Ingliż ikunu tassew ħarġu bi vrus li jdoqqu bl-ispirtu u t-ton verament tal-lingwa Ingliża, aktarx li jmorru żmerċ. Ir-riżultat sikwit ikun poeżija sfurzata u nieqsa mill-elementi sottili tal-ilsien Ingliż u l-espressjoni friska u mexxejja. Dan jgħodd aktar għall-poeżija milli għall-proża. Wara kollox mhumiex il-grammatika u s-sintassi tajbin li joħolqu poeżija attraenti u memorabbli.
Fuq is-suġġett li semmejtli inti tal-possibiltà fis-simbolu ta’ “pont” bejn iż-żewġ pajjiżi  u bejn il-passat u l-preżent, ngħid dan li ġej. Li bqajt nikteb bil-Malti aktar mill-Ingliż mhuwiex xi fenomenu straordinarju. Fil-każ tiegħi kienet l-imħabba u l-ġibda li dejjem kelli lejn l-ilsien sabiħ tagħna li baqgħu jmexxuni fit-triq li għażilt tal-poeżija. U meta kont student Liċeali kelli lil Karmenu Vassallo li dejjem kien iħeġġiġni biex ngħożż ilsienna. Naħseb b’dal-ħajku li ġej  nesprimi l-atteġġjament li ma nonsqux li nżommu lejn pajjiżna u l-lingwa, allavolja mal-mixja tas-snin din ir-rabta kultant tmajna (kif ġara lili f’dawn l-aħħar ħames snin) u ma tibqax l-istess:

TILQIMA
Ġo demmu l-bniedem
għandu ftit mill-allat
ta' art twelidu.

     3.      Kif jarawha lil Malta persuni bħalek  li bejnhom u art twelidhom hemm distanzi kemm fiżiċi kif ukoll temporali kbar?

Ma nistax nitkellem f’isem ħaddieħor. Naf xi Maltin li jmorru jżuru Malta regolarment. Xi wħud kull sena. Min imur iżur il-familji li ħalla warajh u min għall-imkejjen sbieħ li kien jaf hemm. Oħrajn għalihom Malta ma tfisser assulutament xejn, speċjalment għal dawk li ġew hawn meta kienu żgħar jew twieldu hawn.
Jiena ninsab f’pożizzjoni ferm differenti. Wara 52 sena li ili hawn, issa wasalt f’estremità li ma baqa’ xejn ġewwa Malta li nagħżel fuq dak li għandi u nista’ nsib hawn. Hemmhekk baqagħli xi kuġini u ħbieb li sikwit naħseb fihom. Hawn għandi l-familja, il-fulkru ta’ ħajti, u magħha nżid ir-reliġjon ġdida li ħaddant sena u nofs wara li wasalt hawn. U billi f’ħajti l-letterarura hija parti kbira, inżid ngħid, li xi kittieba Maltin li kelli fiduċja fihom urewni bi kliemhom u bl-imġieba tagħhom li mhumiex nies li nista’ nafda fihom għaliex mhumiex sinċiera. Lil dawn in-nies mgħandix x’nambihom. Pereżemju, wieħed poeta u rumanzier Malti famuż, wara li kif talabni u jiena qdejtu u bgħattlu lista ta’ kull ġurnal letterarju li għandna hawn biex forsi hu jitħajjar jikteb fihom, meta tlabtu jsibli l-ismijiet tal-pubblikaturi f’Malta, ma qdinix, anzi qalli li nista’ nsib il-lista fuq l-internet. Thanks for nothing!
Ħaġa oħra li ddarrassni. Fil-kamp letterarju u lingwistiku ġewwa Malta għal dawn l-aħħar għaxar snin innotajt  żbilanċ eżaġerat bejn il-gruppi u l-klikek ta’ kittieba li hemm. Għall-kuntrarju taż-żminijiet tal-Moviment Qawmien Letterarju, meta l-pijunieri prinċipali tiegħu ħadmu flimkien u mingħajr interessi personali, f’dawn l-aħħar ftit snin, nibtu tliet klikek ta’ kittiebu fejn kull membru jressaq in-nar lejn xawwatu. Kulħadd jaħseb biss għalih u għall-ħbieb ta’ madwaru! Dawn huma, il-klikka tal-kittieba poeti u prożaturi li jaħdmu bħala tradutturi mal-Unjoni Ewropea. Imbagħad il-grupp ta’ akkademiċi universitarji, dutturi u professuri, li jużaw imriewaħ kbar fuq sħabhom. Wara tiġi klikka oħra ta’ individwi li l-għan ewlieni tagħhom hu li jxerrdu x-xogħol tagħhom (biss) bis-saħħa ta’ traduzzjonijiet f’lingwi Ewropej. Ma’ dawn li semmejt inżid il-lingwisti li jidhru li daħħlu f’moħħhom li ftit li xejn sar qabilhom għall-ġid tal-lingwa Maltija u b’hekk warrbu jew insew l-ewwel pijunieri. U fuq kollox jemmnu u jsostnu li dak li jiddeċiedu huma fuqu huwa “is-sewwa u xejn iżjed ħlief is-sewwa!” Lil dawn ngħidilhom, kif ngħidu hawn, “Give me a break, mate.”
Mela, tgħidli x’taħti Malta? Ngħidlek li n-nies u mhux il-pajjiż li warrabt mir-reġistru ta’ dak li nħobb nimmedita fuqu. Agħtini l-Barrakka Ta’ Fuq u Marsaxlokk u ħallini nogħxa b’dawk id-dehriet relessanti u inimitabbli!

     4.      L-antoloġija poetika ta’ qabel din kienet ULURU. Din l-aktar reċenti jisimha SANTWARJU. Għaliex din l-għażla ta’ titli? X’hemm warajhom?

Il-ktieb semmejtu ULURU, l-isem tal-monolit ġgantesk f’nofs l-Awstralja, bħala simbolu tal-fatt li aħna l-Maltin fl-Awstralja għandna l-identità speċifika tagħna u bl-ebda mod ma niddependu fuq il-mexxejja Maltin li kultant jiġu jżuruna għall-kirjanza u mhux għax iħobbuna. B’hekk stajt nirriffletti fuq kif f’dawn l-aħħar ftit snin bdejt inħossni fir-rabtiet li kelli lejn Malta u dak li huwa Malti, l-aktar għaliex ħassejt li għalija kien wasal iż-żmien li naqta’ b’xi mod il-kurdun emozzjonali lejn pajjiżi b’dak kollu li beda jdejjaqni, bħall-politika, is-sens ta’ Malta  “ward u żahar”, l-isbaħ ġżira fil-Mediterran eċċetra eċċetra.
L-aħħar ktieb SANTWARJU intitolat hekk għax dejjem ħassejt li l-kitba tal-poeżija fiha nfisha tfarraġni, isserraħni, tagħtini refuġju emozzjonali u spiritwali, kif wieħed jista’ jsib dan kollu meta jidħol f’santwarju fiżiku. U r-raġuni l-oħra aktarx hi li dan huwa l-aħħar ktieb li nkun ħriġt u b’hekk inkun tajt l-aħħar tislima lill-Poeżija. 

     5.      X’differenza hemm għalik bejn li tkun reliġjuż u li tkun spiritwali? Kif tiddefenixxi lilek innifsek?

Kif nifhimha jien, ir-reliġjon, jew aħjar, parti minnha, hija damma jew lista ta’ twemmin, ftit li xejn akkademiċi, li wieħed jistudja u jitgħallem, kif konna nagħmlu aħna meta konna żgħar nitgħallmu bil-kantaliena l-katekiżmu. L-ispiritwali nsibuh fuq pjan differenti, ħwejjeġ u ħsus u esperjenzi tal-ispirtu, dak kollu li jqanqalna emozzjonalment biex nippruvaw nakkwistaw sens ta’ hena, trankwillità, sliema u barka ġewwiena fl-imħabba t’Alla.
Kif diġà għedtlek, jiena bdilt ir-reliġjon Kattolika meta kelli għoxrin sena u ħaddant  b’qalbi kollha l-istudju intensiv tal-Bibbja. Erġajt tgħammidt u bqajt nistudja.

     6.      Il-poeżija mhix biss metafora, espressjoni ta’ ħsus differenti, u logħob prestiġġjuż bil-kliem u l-ħsejjes, imma anki arma li biha tgħaddi messaġġ. Kif tirreaġizzi għal dan? Fejn tidħol il-poeżija tiegħek f’dar-rigward?

Kull poeżija li ktibt ktibtha bla ma kelli l-intenzjoni li nużaha bħala arma jew messaġġ personali. Ftit huma l-poeżiji li ktibt li qanqlu f’xi qarrejja Mużewmin sens ta’ rabja kontrija. Ftit versi ’l hemm u ’l hawn ġew interpretati bħala tmaqdir.

     7.      Mil-lat ta’ lehma x’jista’  jkun hemm f’Malta li ma ssibx fl-Awstralja, u viċi-versa?

Din tema vasta. Kull grupp ta’ nies, kull raħal jew belt, kull pajjiż jew kontinent, kollha kemm huma għandhom dak li huwa simili jew b’xi varjanti. U hemm dak li huwa ferm differenti bejniethom. U n-nies infushom li jgħixu f’dawn il-lokalitajiet issibilhom ukoll is-simili u d-differenti. Naħseb jien li l-istorja jew il-ġrajjiet tal-Awstralja u ta’ Malta huma tant differenti minn xulxin li jkun impossibli li nelenka l-effetti li dawn ħallew fiż-żewġ pajjiżi. Fattur prominenti bejn iż-żewġ lokalitajiet huwa l-wisa’, il-kobor tal-Awstralja, li jissemma’ wkoll fl-innu nazzjonali Awstraljan. L-ambjent Awstraljan huwa tant differenti minn ta’ Malta li xi poeti Maltin fl-Awstralja inkludewh fil-versi tagħhom.

     8.      Minkejja l-bogħod li jifirdek minn art twelidek tinħass fi vrusek ħakma tal-ilsien Malti, l-aktar dak safi. Xi tgħid dwar dan? L-esperjenza Awstraljana kif tinfluwenzak fuq livell lingwistiku meta tiġi biex tikteb?

Dan is-suġġett tkellimna fuqu qabel. Is-safa tal-ilsien Malti li nħaddem dejjem għoddejtu normali għalija għax dejjem niftakarni nitkellem hekk. Imbagħad meta tidħol il-poeżija aktar u aktar. Twelidt Birkirkara u f’żgħożiti niftakar lil dawk ta’ madwari jitħaddtu kif nitħaddet jien issa. Wieħed minn nanniet kien bidwi u l-ieħor bennej. Ommi kienet taħdem ir-rakkmu u missieri żebbiegħ. Forsi kollha influwenzawni. L-Ingliż li nitkellem bih jien hawn huwa ftit differenti minn dak ta’ marti u wliedi. M’iniex midħla sewwa tal-kollokwaliżmi li jużaw huma. Billi sikwit nipprietka u naqra l-Bibbja għall-gongregazzjoni tal-membri tal-knisja tagħna akkwestajt esperjenza biżżejjed għall-qari tajjeb bl-Ingliż.

     9.      X’jagħmel Joe Saliba meta ma jkunx qed jikteb il-poeżija?

Nistudja l-Bibbja u mmur il-knisja. M’għadnix naqra lejl u nhar bħalma kont għax għajnejja ma jtunix. Meta ma tantx inkun magħdur inħobb immur nistad. Nieħdu daqs erba’ sigħat sewqan biex naslu. Meta nista’ nattenda wkoll għal-laqgħat letterarji tal-Maltese Literature Group. Inqatta’ ftit ħin kuljum fuq il-kompjuter. Immur inżur regolarment lil uliedna u t-tfal tagħhom, jonkella jiġu huma għandna. Insomma, dejjem sejjer b’xi ħaġa jew oħra.

     10.      Proġetti għall-ġejjieni?

Proġetti fissi mgħandix. Qed niġbor ix-xogħlijiet kollha li ħriġt, poeżija u proża, biex ma jkunux imferrxin u nżomm kopja tagħhom jew manuskritt. X’se jsir minn dawn il-kitbiet wara li niġi fix-xejn ma nafx. Tajjeb li ma nkunx nista’ nara, nisma’ jew inħoss għax il-mejjet mejjet u ma jkunx jaf x’qed jiġri madwaru kif se jiġri lili.


Poeżiji ta’ Joe Saliba: 

SEĦER, HENA u DMUGĦ
 
     Lill-imħabba ma nafx x’naqbad ngħidilha.
Mhux darba u tnejn nibbxitni
u fejn riedet ġabitni
sakemm telqet mnejn ġiet imbenġla u mtabbgħa.
Imm’għalija
se nżomm xi ftit sigrieti.
Ikkumpatuwni.
L-ittri merfugħa u r-ritratti mwarrba.
Mhumiex qegħdin fil-kxaxen jew fil-kaxex,
jew f’sejf il-bank.
Qfilthom fil-qiegħ ta’ qalbi.
Hawnhekk inżomm il-lista ta’ mħabbieti:
uċuħ li ma xjaħux kif ġara lili.
Għax fejn tistkenn l-imħabba
seħer, hena u dmugħ.

23.11.2008

EŻERĊIZZJU JUNGJAN

     Qabel ma nżilt f’ġuf ommi biex ninħema
naħseb li kont għasfur għax sikwit noħlom
li qed intir. Skont Jung dan jippreżenta
il-kollettiv fil-ħsieb ta’ dawk li jsostnu
li għandhom f’moħħhom xi missjoni għad-dinja,
u jħobbu l-fama u l’huma superjuri
fuq dawk li ma jtirux. Carl Jung hekk emmen.
Jekk hu kien hekk, jiena m’iniex, tafuni.
U jekk xi darba kont għasfur, emmnuni,
aktarx kont bilbla u mhux tajra tal-priża.

11.1.2010

No comments: