1. Ħafna qraw dwarek f’intervisti
bħala kittieb ta’ rumanzi, novelli u l-bqija. Hawn xtaqt nistaqsik tgħid ftit
dwarek innifsek kemm bħala bħala missier u anki bħala nannu.
L-esperjenza tiegħi ta’ missier hi marbuta ma’ binti
Sara, tifla li llum hi għalliema u omm ta’ żewġt itfal li bis-saħħa tagħhom
bdejt nitgħallem x’jiġifieri tkun nannu. Fir-rumanzi It-Tfal Jiġu bil-Vapuri
u La Jibbnazza Niġi Lura pppruvajt nibni l-figura ta’ nannu u ta’ nanna,
imma sa dak iż-żmien kont għadni ma sirtx nannu. Hi esperjenza sabiħa ħafna,
mimlija tagħlim, paġna miftuħa fil-ktieb tal-misteru tal-ħajja, mixja
fiż-żmien.
2. Kif irrikonċiljajt dawn iż-żewġ rwoli ma’ dawk ta’
Professur tal-Letteratura u kittieb matul is-snin? Kif seta’ r-rwol tiegħek
bħala missier u nannu għen fil-qasam tal-kitba u anki tat-tagħlim?
Dejjem kelli liberta’
sħiħa, il-ħin kollu li kelli bżonn kuljum għall-istudju u għall-kitba, u anki
għar-riflessjoni, jiġifieri l-ħinijiet twal li ngħaddi kuljum naħseb, u mhux
biss nikteb. Il-ħajja professjonali u l-ħajja letterarja qatt ma fixkluni
fir-rwol familjari tiegħi. Anki kieku rrid, ma nistax naħli l-ħin għaliex
ix-xogħol jibda tiela’, u l-kitba tkun trid tinkiteb... Fil-qasam tal-kitba,
tar-rumanzi u tan-novelli, il-ħajja ta’ missier u ta’ nannu kienet għalija għajn
ta’ ispirazzjoni kbira. M’iniex se nitkellem fuq ix-xogħol tiegħi, imma naħseb
li kull qarrej jista’ jintebaħ li l-bijografija tħalli influwenzi qawwija.
3. Inti wieħed minn dawk il-ftit kittieba stabbiliti li
jiktbu wkoll fuq il-ġurnali dwar kwestjonijiet differenti. Insemmi fil-każ
tiegħek kitbiet fil-ġurnali dwar Malta u l-Ewropa , u anki dwar id-divorzju.
Temmen li dak li għandu jgħid il-kittieb jasal aktar permezz tar-rumanz jew
tal-ġurnal? Għaliex dan?
Ili nikteb regolarment fil-gazzetti sa mis-snin sittin. Għamilt snin twal nikteb kolonna regolari ta’ kull ġimgħa f’gazzetta jew f’oħra. Hemm imbagħad is-sensiliet ta’ programmi li għamilt fuq ir-radju,ecc. Dejjem ħassejt li kelli nagħti s-sehem tiegħi fit-tiswir tal-ħsieb Malti. Ir-rumanzi tiegħi huma mezz ta’ xandir ta’ ċerti ideat, u għalhekk huma estensjoni tal-kitba ġurnalistika. Ma nafx liema ġeneru hu l-aktar effettiv. Naf żgur li hawn Malta hawn ħafna u ħafna nies li japprezzaw, kemm ktieb u kemm artiklu. Inħossni grat immens.
4.
Min huwa l-intellettwali per eċċellenza għalik?
Kif tiddeskrivih?
Għalkemm mal-wasla
tal-Perestrojka, tal-Glasnost, il-kunċett romantiku tal-intellettwali tbiddel
jew inħela, xorta waħda jibqa’ jeżisti l-fatt li hemm persuni li s-sehem
tagħhom lis-soċjeta’ jistgħu jagħtuh l-aħjar billi jaħsbu. Hekk hu l-qasam
akkademiku, fejn għandha taħkem biss il-kompetenza, u mhux l-opinjoni faċli,
improvviżata. L-intellettwali llum, wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin, hu
l-espert, il-bniedem imħarreġ fil-ħsieb, u li jgħix il-ħin kollu jitħarreġ
fil-ħsieb. L-akbar ħsara li tista’ ssir fi żmienna hi sewwasew mill-opinjoni,
għaliex din twassalna biex naħsbu li nafu kollox fuq kollox. Intellettwali per
eċċellenza hu kull min jispeċjalizza f’suġġett fil-livell akkademiku u jkun
kapaċi japplikah għas-sitwazzjonijiet ta’ żmienu. Hu xi ħadd li jaf li jaf
ftit. L-akbar tagħlimiet tiksibhom aktar ma tikber. Hu diskors twil.
5. Xi tgħid dwar ir-rwol tar-rivisti reliġjużi lokali llum
f’rabta mal-qasam reliġjuż imma fuq kollox mal-qasam kulturali?
Ir-Reliġjon hi l-għajn ta’ kull ġid. Pajjiż li
jitlef ir-reliġjon tiegħu hu pajjiż li jkun qiegħed jipperikola s-saħħa tiegħu
stess. Ir-rivisti reliġjużi fostna huma xhieda ta’ kemm il-Maltin iħobbu
jaqraw, u l-aktar fuq il-fidi tagħhom. Malta hi pajjiż li jħobb ħafna l-qari –
ara l-kwantità ta’ materjal stampat
li joħroġ biż-żewġ ilsna – u fuq kollox iħobb jaqra fuq il-fidi tiegħu.
6. Xi tgħid dwar il-pluraliżmu fix-xandir lokali? Dan sewa
ta’ ġid jew ta’ deni rigward il-livell kulturali/edukattiv imma anki morali
tal-poplu Malti in ġenerali?
Bi pluraliżmu
nifhmu diversitajiet li jgħixu flimkien. Il-pluraliżmu jkun ta’ ġid meta jkun
ikkontrollat, meħlus mil-liġi tal-ġungla, l-uniku pajjiż fejn kulħadd jagħmel
li jrid – pajjiż ta’ inġustizzja. Ix-xandir jista’ jagħmel il-ġid daqskemm
il-ħsara. Fl-Ewropa l-pluraliżmu tax-xandir kiber wara l-waqgħa tal-ideoloġiji,
u b’hekk twieldet ideoloġija ġdida: l-opinjoniżmu. X’taf tgħid fuq kollox. Hi
fażi perikoluża, u hi inġustizzja kontra t-tfal u ż-żgħażagħ u l-vulnerabbli.
7.
Inti u l-esperjenzi tiegħek lil hinn minn xtutna
f’rabta mar-rwol tiegħek fil-qasam tal-letteratura. Hemm xi episodji li ħallew
marka fuqek u li ma tinsa qatt? Tista’ ssemmi fil-qosor tnejn jew tlieta?
Għamilt madwar tletin sena nieħu
sehem regolari f’kungressi fi bliet barranin. L-episodji huma ħafna, imma
l-aktar li niftakar hu li darba fi żmien il-komuniżmu fi Praga, kittieb ħabib
tiegħi qalli li ma kienx jemmen f’Alla għaliex il-partit ma kienx iħallih. Kont
staqsejtu, allura, jekk kienx se jiddeċiedi li jemmen kieku l-partit kien
iħallih jemmen. ‘Yes, yes, surely, I will believe.”
8. Inti għandek wara spallejk snin twal ta’ tagħlim u
kuntatt maż-żgħażagħ. X’tibdiliet innutajt għall-aħjar jew għall-agħar rigward
ir-relazzjoni żgħażagħ/għalliema/tagħlim matul dawn is-snin? Kemm taħseb li
s-sistema edukattiva attwali qed tgħin liż-żgħażagħ ikunu kritiċi fis-sens
pożittiv?
Fl-esperjenza tiegħi fit-tagħlim,
fil-livell sekondarju daqskemm terzjarju, ippruvajt ngħallem skont is-sillabu u
ħafna drabi ‘l barra mis-sillabu. Naħseb li l-edukazzjoni għandha (1) turi kemm
ninsabu fi pjaneta li ma nafuhiex; (2) turi l-bżonn tal-akbar għerf, li hu l-umiltà u s-sens tal-limitu; (3) tippreżenta l-lezzjonijiet
il-kbar tal-ħajja li huma mixtieqa quddiem Alla u quddiem il-ħolqien: imħabba,
ġentilezza, sabar.
9. X’jagħmel Oliver Friggieri meta ma jkunx medhi bil-kitba
jew bi ħwejjeġ marbutin ma’ xogħol? Liema huma dawk il-ħwejjeġ jew waqtiet li fihom issib il-veru mistrieħ?
Għaddejt ħajti nistudja u nikteb
biss. Ma nafx, illum, x’naf nagħmel aktar minn hekk. Inħossni kuntent u
sodisfatt ħafna. Ma nafx ngħidlek meta nsib il-veru mistrieħ. Naf żgur li
l-kitba mhux biss hi sfida diffiċli, imma hi wkoll sodisfazzjon kbir. Wara
ħajja ta’ aktar minn ħamsa u erbgħin sena mgħoddijin fit-tagħlim u fil-kitba,
ma nixtieq xejn aħjar minn dan. Dejjem bqajt ngħix l-istess ħajja ma’ niesi
fil-Furjana, u għalhekk qatt ma rajt li hemm xi differenza bejn il-verità tat-triq u l-verità tal-ktieb li ridt nikteb. L-ispirazzjoni hi dejjem it-triq, in-nies u
l-annimali li qegħdin ibatu. In-narrattiva tiegħi hi dejjem imnebbħa minn nies
komuni, qabelxejn minn ommi wild il-Kottonera. It-tbatija hi waħda, l-istess.
Ma hemmx verità oħra,
lanqas fl-epoka diġitali. In-natura ma timpressjona ruħha b’xejn, u x-xjenza hi
dejjem għarkobbtejha quddiemha.
10.
Personalment nara li l-modestja hija fattur
ewlieni fil-karattru tiegħek. Minkejja dan kif tixtieq li n-nies tibqa’
tiftakrek?
Nixtieq li min jibqa’ jiftakarni,
anki skont il-kotba tiegħi, ikun jista’ jgħid li jien qatt ma weġġajt lil ħadd,
la annimal u lanqas bniedem, għaliex it-tbatija hi waħda u l-istess. Hekk
nixtieq li jiftakruni: xi ħadd li kiteb il-kotba biex inaqqas l-uġigħ,
ir-regola suprema ta’ din il-pjaneta misterjuża. Nibki quddiem il-weġgħa ta’ dudu bħalma nibki
bil-weġgħa ta’ bniedem bħali. L-uġigħ iweġġa’ lil kulħadd l-istess, u Alla
jibki f’kull każ l-istess. Hu Missier wieħed.
(Patrick Sammut)
No comments:
Post a Comment