Kull tant żmien inħobb inżur blogs ta' ħbiebi l-kittieba. Wieħed minn dawn huwa l-poeta Malti-Awstraljan Joe Saliba li dan l-aħħar ippubblika ġabra oħra ta' poeżiji bl-isem ta' SANTWARJU (2011).
Ħadt gost ħafna nara dan il-link intitolat KITTIEBA MALTIN-AWSTRALJANI (QARI U MUŻIKA) f'rabta mal-Maltese Literature Group. Xi wħud minnhom iltqajt magħhom personalment hawn Malta, bħal Manwel u Josephine Cassar, Paul Vella, Lou Drofenik u Victor Sammut. Oħrajn, bħal Joe Saliba, inżommu kuntatt permezz tal-internet.
Kemm hu sabiħ tara Maltin li jgħixu eluf ta' kilometri 'l bogħod minn art twelidhom li baqgħu jgħożżu l-kultura u l-ilsien Malti! Huwa minnu li l-biċċa l-kbira tal-poeti u qarrejja li jidhru fil-vidjow huma emigranti tal-ewwel ġenerazzjoni, imma hu pjaċir ukoll tara dawk il-ftit żgħar jaqraw u jirreċtaw bil-Malti. Huwa sabiħ ukoll tara lil dawn il-Maltin-Awstraljani jaqraw jew jgħannu dal vivo l-versi tagħhom b'daqstant imħabba. Minn hawnhekk insellem lilhom kollha u nħeġġiġhom ikomplu jgħaddu l-imħabba tagħhom lejn dak
kollu li hu Malti lil uliedhom u lin-neputijiet tagħhom.
Araw il-link: http://www.youtube.com/jpasaltube
Għal min jixtieq ikun jaf x'inhu għaddej fil-komunita' Maltija fl-Awstralja jista' juża l-link tar-Radju f'Melbourne, http://www.3zzz.com.au/
SANTWARJU (2011) ta' Joe Saliba (Awstralja):
SANTWARJU (2011) ta' Joe Saliba mill-Awstralja huwa ġabra ta' 65 poeżija miktuba bi stili differenti. Għalija huwa wieħed mill-poeti Maltin-Awstraljani ewlenin li qed jiktbu versi u poeżija mill-aktar validi bħalissa u li ħaqqhom aktar pubbliċita' u rispett mill-kritika lokali.
F'Santwarju nsibu wkoll ġabra ta' 45 ħajku li dan l-aħħar qed iħajjar lil bosta poeti biex iħaddmuh bħala stil. Interessanti hija wkoll il-parti tal-aħħar fejn il-poeta jiġbor numru sabiħ ta' kummenti dwar il-versi tiegħu mill-pinna ta' kritiċi letterarji, awturi, reċensuri u ħbieb tiegħu.
Jolqtuni l-metafora li jħaddem Saliba u anki t-taħlita effettiva bejn dak li hu Malti u dak li hu Awstraljan. Ara l-blog personali tal-poeta:
Kumment aktar dettaljat dwar din il-ġabra jidher 'il quddiem fuq il-blog tiegħi:
www.pagnawarapagna.blogspot.com/
No comments:
Post a Comment