Monday, February 28, 2011

Malta' Lost Voices - X'nostalġija!!!

MALTA’S LOST VOICES 1931-1932, hija produzzjoni ta’ Andrew Alamango u bl-etiketta ta’ Filfla Records. Dan hu magħmul minn żewġ CDs li fihom jiġbru mat-tletin kanzunetta u motivi marbutin mal-perijodu ta’ bejn iż-żewġ gwerer dinjija. Alamango ħa l-biċċa xogħol ta’ sabar kbir li jfittex, jakkwista, jiġbor u fl-aħħar jaqleb il-materjal kollu minn fuq id-diski oriġinali tax-shellac li kienu jindaqqu fuq il-grammofoni ta’ dak iż-żmien għall-format diġitali. Is-CD għandu preżentazzjoni mill-aqwa u oriġinali għall-aħħar. Jiġi f’forma ta’ ktieb li jiġbor fih numru ta’ paġni li jipprovdu tagħrif addizzjonali permezz ta’ ritratti, riklami mill-ġurnali tal-epoka, u PDF bit-traduzzjoni tat-test għall-Malti. Nisimgħu siltiet bħal X’ahna sbieh min jaf jarana, Il Guerra l chbira, L’istorja ta Artura u Maria, Ix-Xudi taht it-tieka, Il mara u ix xitan, Maddaena, Hajja sabiha, Nghannu lil Cuiecheb, Rivali ta imhabba, u bosta oħrajn. Fost l-ismijiet tal-artisti mużiċisti, għannejja u kantanti, niltaqgħu ma’ Emmanuele Cilia, C. Cardona, G. Azzopardi, Colinu Grima, Rafel Muscat, E. Mercieca, Gius. Xuereb, Carlo Satariano, A. Castelletti, W. Cachia, G. Prato u oħrajn. Huma siltiet li oriġinarjament ġew irrekordjati fit-Tuneżija u anki f’Milan. Alamango jlaqqagħna mal-istorja minsija tal-mużika folk u popolari li kienet in voga fis-snin għoxrin u tletin tas-seklu 20. Nisimgħu kantati u rrakkuntati stejjer ta’ mħabba, tradimenti, siltiet umoristiċi u oħrajn li jnisslu diqa. Hemm ukoll ċerta poeżija f’bosta mis-siltiet li nisimgħu f’dan id-doppju CD. Huma kollha siltiet interessanti, varjati u mill-isbaħ, prova oħra u ċara tal-fatt li għalkemm dawn il-gżejjer tagħna huma ċkejknin fil-kobor u għalkemm l-ilsien Malti huma lsien relattivament żgħir għax mitkellem minn ftit nies, il-kultura tagħna hija fost l-iktar sinjuri fid-dinja. Il-gżejjer tagħna qatt ma naqsu milli jipproduċu artisti ta’ livell għoli f’oqsma differenti tal-kultura. MALTA’S LOST VOICES joħodna lura fi vjaġġ fl-imgħoddi u jgħinna wkoll nifhmu u napprezzaw biċċa oħra mill-wirt mill-isbaħ li għoġobhom iħallu warajhom missirijietna. Prosit tassew għal din l-inizzjattiva ta’ Andrew Alamango.

Patrick Sammut


No comments: