Tuesday, May 11, 2010

Adrian Camilleri - Poeta zaghzugh minn Malta.

Inħoss hena ġewwiena u ċertu ottimżmu meta niskopri poeta ieħor, l-aktar fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Din id-darba mess lil Adrian Camilleri, u għandu saħansitra blog fejn wieħed jista’ jaqra l-versi tiegħu: http://muzajci.blogspot.com/ Qalli li m’huwiex ċert jekk jistax isejjaħ dawk tiegħu versi. Dan huwa żgur sinjal pożittiv ta’umiltà, virtù xejn komuni fil-gżejjer tagħna llum. Jiena serraħtlu rasu u għedtlu li bosta mill-poeti stabbiliti hekk bdew ukoll.

Minn hawnhekk nixtieq nagħmel il-kuraġġ lil Adrian Camilleri biex ikompli jaqra, jistudja u jikteb, imma anki lil bosta żgħażagħ bħalu li jitħajru jiktbu l-ħsibijiet tagħhom f’versi. Infakkarhom ukoll li f’Malta hemm l-Għaqda Poeti Maltin li ilha taħdem sa mill-1975 biex tippromwovi l-poeżija b’ilsna differenti fil-gżejjer tagħna, kemm permezz tal-bosta Lejliet ta’ Poeżija li ttella’, permezz tal-konkorsi nazzjonali tal-poeżija, kif ukoll permezz tar-rivista letterarja VERSI (stabbilita fl-1986). Għal min hu interessat fl-attivitajiet tal-Għaqda Poeti Maltin jista’ jikteb fl-e-mail ghpm@hotmail.com jew iżur is-sit www.ghpm.netfirms.com jew jara l-blog http://www.ghpm.blogspot.com/

Xi jgħid dwaru Adrian Camilleri:


Twelidt fl-1979.
Skola sekondarja kont immur il-Kulleġġ ta' San Albert, il-Belt, fejn nibtet l-imħabba għal-letteratura u l-lingwa. Ili nħażżeż versi mill-2001, iżda b'mod kostanti mill-2008.

Studjajt suġġetti varji u kelli diversi impjiegi, fosthom fil-qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni u bħala għaddas mat-turisti, filwaqt li ili mill-2006 naħdem bħala ġurnalist. Għamilt xi żmien ukoll ngħallem it-teorija tal-mużika u l-kitarra, żewġ affarijiet għal qalbi ħafna.
Fl-2007 iggradwajt BA fil-Filosofija u l-Istorja tal-Arti Viżiva u bħalissa għaddej b'Masters fil-Filosofija, b'riċerka fl-Estetika u l-Filosofija tal-Arti.
Ħafna drabi nieħu ż-żmien tiegħi biex nikteb xi ħaġa, qabel ma nippubblikaha fuq il-blog tiegħi, u, anki wara li nippubblika, ġieli anke xhur wara nibda nbiddel affarijiet 'l hemm u 'l hawn sakemm inħoss li lestejt.


Xi poeżiji ta’ Arian Camilleri:


Aħna

jiena, inti leħħa
fl-imżewqa rakkonti ta'
L-Bniedem qatra
fil-baħar imqalleb ta'
D-Dinja tikka
f'mixgħela fl-immens ta'
L-Ħalbija traba
fil-kobor bla tarf ta'
s-smewwiet

U xorta nħossu li l-ħolqien
qed idur magħna.


Kantaliena


u jitla' w jinżel,
iċ-ċafċif,
u jitla' w jinżel;

jiġu u jmorru,
il-jiem tal-ġimgħa,
jiġu u jmorru

bħall-istaġuni;
imorru w jiġu
bħall-istaġuni

u x-xemx u l-qamar;
jaħmu u jberrdu,
ix-xemx u l-qamar.

Waqgħet hi, mrammti!
W'erġ'ibni!, qallu,
w'erġ'ibni mrammti!

'mma l-knaten għasfru,
b'miljun ċafċifa,
il-knaten għasfru..

iċ-ċafċif ġarrhom;
ix-xemx kiddithom
u ċ-ċafċif ġarrhom

u baqa' r-ramel;
fejn kien it-tafal,
baqa' biss ramel

għat-taħlita.


Galassji w mewġ il-moħħ


Ir-Ramla, fix-Xitwa,
battala
‘mma fiha jitkebbsu,
ġo moħħi,
għexieren ta' ljieli
għaż-żiffa
Sajfija,
nitkellmu dwar kollox:
is-sema, l-art, l-ilma,
dwar l-ivvjaġġar bla nifs tal-kontinenti,
l-evoluzzjoni, l-ħajja, w jekk hemmx milja.

U mgħaġġba, fis-sema
nintilfu
b’għajnejna, inħufu
mal-kwiekeb,
biljuni ta’ kwiekeb
imkebbsa,
dejjiema,
jiftakru minn kollox;
u, tgħid, minjaf x’jgħidu
bejniethom, f’dak il-baħar ta’ stennija
sakemm jaslilhom, bħalna, filgħaxija?

No comments: