Din hija blog li tikkonċentra fuq il-letteratura kemm Maltija kif ukoll barranija. Huma inklużi wkoll aċċenni għal ħwejjeġ interessanti marbutin mal-kultura. Ara wkoll il-blog tiegħi www.pagnawarapagna.blogspot.com għal reċensjonijiet u studji dwar kotba differenti.
Wednesday, September 21, 2011
INTERNATIONAL DAY OF PEACE - 21st September
Sunday, September 18, 2011
INTERVISTA MA’ MARK A. SAMMUT, IBEN FRANS SAMMUT

1. Kif tiftakar lil missierek fi tfulitek, kemm bħala missier, kif ukoll bħala għalliem u kittieb?
Il-papà kien l-eroj tiegħi. Meta darba kelli forsi dawk il-ħames snin, sitta, żlaqt waqajt u qsamt rasi, u l-mamà ma setgħet issabbarni b'xejn għax bilfors ridt lilu. Kien l-eroj tiegħi f’kollox, u meta ħadt id-deċiżjoni li nistudja l-liġi u nsir nutar kien biex ikolli attività li l-aktar tixbaħ lil dik tiegħu: il-kitba.
Konna naraw it-televiżjoni flimkien: l-aktar Quelli della Notte u Indietro Tutta!, it-tnejn ta' Renzo Arbore. Imma mbagħad konna nilletikaw għax jien dejjem irrid nara l-films ta' Bud Spencer, u hu ma jaħmilhomx, u l-mamà tispiċċa tagħmilha ta' bejjiena!
Kont noqgħod f'ħoġru hu u jagħti l-privat, u niftakar l-ewwel darba li rajt il-ħars misruq tan-namur bejn żewġ studenti tiegħu - hi kienet xbejba l-ġmiel tagħha, xagħarha qastni kollha nemex, u hu kien ġuvnott fuq ruħu, b’par xrariet flok ħbub. Dak il-ħars, trafugat, baqa' impress f'moħħi.
Hekk kienet iż-żgħorija. Meta mbagħad daħlet iż-żgħożija, l-affarijiet inbidlu. Kien inbidel il-Gvern u saru diversi vendikazzjonijiet minnu, u bħala familja ħassejnieha lkoll.
2. Meta missierek kien ikun qed jaħdem fuq xi rumanz jew ktieb ġdid kif kien iġib ruħu d-dar, liema metodi kien iħobb juża, u wara kemm kien jasal għall-prodott finali mixtieq?
Meta jkun qed jikteb, fid-dar kien ikollu jsaltan skiet ta’ monasteru. Il-mamà kienet tattwaha dil-politika ta’ rispett assolut lejn il-ħtieġa tal-papà li ħadd ma jiddisturbah.
Kellu l-ħila jintasab jikteb u jibqa’ hemm sigħat sħaħ. Kien jinfesdaq fil-konċentrazzjoni bħalma x-xagħat jinfesdaq fil-krisalide. U mbagħad, wara l-perijodu ta’ ġestazzjoni, jitwieled il-farfett, il-kitba.
Il-kitba kienet bħal nixxiegħa... meta kiteb bl-istream of consciousness (f'Paceville ngħidu aħna) kien qed jikteb bl-aktar mod intimu, kif kien joħroġ dak li jkun hemm ġo fih, xi ftit bħalma Atena ħarġet minn ras Żews.
Il-mamà tirrakkonta li darba fuq l-iskrivanija sabitlu kaxxa tas-sulfarini b’żewġ brimbiet fiha. Staqsietu x'kienu qed jagħmlu hemm, u weġibha li ma setax jgħidilha, għax jekk jgħidilha tintilef il-maġija tal-kreazzjoni. Meta mbagħad f'xi kitba tiegħu dehret xi ħaġa dwar l-imġiba tal-brimb, qalilha: “Ara x'kont qed nistħarreġ.”
Dwar Il-Ħolma Maltija qal li kien ilu mal-25 sena jaħdem fuqu. B’dan ma riedx ifisser 25 sena jikteb u jħassar u jerġa’ jikteb – dak ir-rumanz kitbu, f’kemm? xahrejn, tlieta? U dam, għax darba, bi żball, ħassar l-ewwel żewġ kapitli jew tlieta u kellu jerġa’ jiktibhom mill-ġdid. Wara dik l-esperjenza kerha, beda jipprintja kull kapitlu li jtemm. Dam 25 sena jirriċerka u jaħseb fuqu, u jimmedeżima ruħu mal-personaġġ. B'hekk ħareġ rumanz daqstant tajjeb – tant li Fr Norbert Ellul-Vincenti, il-kritiku tat-Times, qal li ma hemm xejn tal-kobor tiegħu fil-Letteratura Maltija. Għax il-papà, naħseb jien, mexa b’teknika li fit-teatru jgħidulha La Méthode jew method acting. U l-vendikazzjonijiet politiċi għaraf jissublimahom f’arti.
3. Kemm irnexxielu Frans Sammut jgħaddilek l-imħabba tiegħu lejn l-ilsien u l-letteratura Maltija? Kif għamlu dan?
Toni Cortis darba semagħni nitkellem dwar il-Malti bħala l-veikolu għat-turija tal-imħabba lejn in-Nazzjon Maltija, u lill-papà qallu, "Dan brainwashing!" Nitbissem naħseb f’dan. Iva, naħseb jien u nikber rajt dar-rakkmu kontinwu tal-bandalori u stendardi letterarji u saġġistiċi tan-Nazzjon Maltija.
Ħalli ngħidlek kif trawwimt. Meta kont qed nagħmel it-tieni Master’s tiegħi, fit-Traduttoloġija, wasalt (bħas-soltu!) tard għal lecture u dħalt mill-ewwel bieb li sibt. Il-lecturer saqsietni, "English?” u t-tweġiba tiegħi spirtu pront kienet, “Le, Malti jien!” Naturalment, il-mistoqsija kienet jekk kontx hemm għal-lezzjoni tal-Ingliż... Wara qaltli li dik ir-risposta ma ħallitilha lanqas l-iċken dubju li dak li kellha quddiemha ma kien ħadd għajr bin Frans Sammut.
L-imħabba tal-papà għan-Nazzjon Maltija fhimtha meta mort il-Québec, fejn hemm nazzjonaliżmu palpabbli. Li imma mhux ksenofobija u lanqas ma hu razziżmu. Imma hu dikjarazzjoni sħiħa tal-identità tal-poplu. Jiġifieri, mhux in-nazzjonaliżmu odjuż li jippinnak kontra l-Ieħor. Fl-Ewropa, minħabba fil-ħniżrijiet u l-eżasperazzjoni tan-Nażi-Faxxisti, in-nazzjonaliżmu ħareġ mill-moda (għad li qed jerġa’ jqum - l-aktar bħala reazzjoni għall-impożizzjoni mijopi tal-multikulturaliżmu li jrid iħaddan it-totalità). In-nazzjonaliżmu tal-Québec, imma, huwa l-istqarrija tal-poplu: “Jiena jien” – u mhux bħal tan-Nażi-Faxxisti (u l-Imperjalisti), “Jiena jien u rrid niekol lill-oħrajn.”
In-nazzjonaliżmu tal-kitba tal-papà jien nifhmu bil-metafora tal-orkestra. Bħalma f'orkestra kull daqqâq isib il-milja tiegħu għax qed idoqq il-biċċa waħdanija tiegħu għad li flimkien mal-oħrajn, hekk f'dan-nazzjonaliżmu kull wieħed jista' jgħid “Jiena jien” għax il-kotra kollha flimkien tgħid “Jiena jien” filwaqt li tħalli lil kull wieħed jgħix il-“jien” tiegħu f’armonija mal-oħrajn. Din l-armonija tiddependi mhux biss mil-libertà li dak li jkun jfittex it-twettiq tal-potenzjalitajiet sħaħ tiegħu, imma wkoll mill-għajnuna li min għandu jagħti lil min m’għandux. Biex Nazzjon tkun f’saħħitha, jeħtieġ li tkun mogħnija b’dil-libertà ta’ twettiq il-potenzjalitajiet minn naħa, u bir-responsabilità li wieħed jgħin lill-ieħor min-naħa l-oħra. Jiġifieri, mhux “Jiena jien” egoista, imma “Jiena jien” għax anki ħaddieħor jista’ jgħix il-“Jiena jien” tiegħu. Dawn naħseb kienu l-ideat tal-papà.
Il-papà, f'intervista li kien ta lilek Patrick fl-2007, kien tkellem favur il-globalizzazzjoni. Issa, hu magħruf li l-akbar għedewwa tal-globalizzazzjoni huma n-nazzjonalisti (m’iniex ngħid għall-PN Malti, imma għan-nazzjonalisti inġenerali, dawk favur l-Istat-Nazzjon). Din tista’ tidher bħala kontradizzjoni fil-ħsieb tal-papà, imma ma hijiex. Għax in-nazzjonaliżmu li mhux romantiku (bħal dak ta’ Vassalli), jista’ jkun favur il-globalizzazzjoni. Huma bosta l-ħassieba tax-xellug li jieħdu dil-pożizzjoni. U fl-ambitu Ewropew tieħu rilevanza akbar, aktar u aktar jekk ma rridux li l-Ewropa ssir Ewropa Ġermaniża.
Ngħidu aħna, meta kont intervistajt lill-kittieb Sqalli Andrea Camilleri, ħdax-il sena ilu ormaj, kien qalli li hu ma jridx Ewropa li tħit l-istess libsa għal kulħadd, imma li l-libsa tkun tiġi skont id-daqs ta' dak li jkun. Issa Camilleri huwa tax-xellug. Il-politiku Naplitan, ukoll tax-xellug, Francesco Compagna (1921-1982) kien ħareġ ktieb jismu L'Europa delle Regioni, li tkellem appuntu fuq l-idea li l-kejl it-tajjeb tal-politiki Ewropej hu r-reġjun mhux l-istat-nazzjon.
Issa f'Malta, kif qal il-Professur Henry Frendo f'Malta. Culture and Identity (1994), il-heimat (jiġifieri l-appartenenza għal identità partikolarista, lokalista – imma anki l-appartenanza għal art) ma huwiex bħall-bqija tal-Ewropa, u dan minħabba fiċ-ċokon tagħna. Jgħidilna Frendo: mentri fl-Ewropa tal-pajjiżi l-kbar hemm żewġ appartenenzi, dik għan-nazzjon u dik għal-lokal, f'Malta daż-żewġ appartenenzi jitwaħħdu. (Apparentement kontra dit-teżi ta’ Frendo, hemm it-teżi taħtiena għall-opera omnia tal-papà, kif aċċennaw Alfred Sant fil-kumment li kiteb fil-maltastar.com (dwar in-nazzjonaliżmu tal-papà) u l-Professur Peter Serracino Inglott fin-nekroloġju li kiteb dwaru fis-Sunday Times – l-akbar xhieda tan-nazzjonaliżmu partikolarista tal-papà huma l-kotba fuq San Filep u fuq Ħaż-Żebbuġ. Però, jien nirriżolviha dil-apparenti kontradizzjoni billi dak Żebbuġi narah bħala għamla ta' "sottoheimat". Fi kliem ieħor, il-papà għandu l-heimat fis-sens li spjegah Frendo (il-heimat sui generis Malti minħabba fiċ-ċokon ta'
In-nazzjonaliżmu fil-kitbiet tal-papà huwa nazzjonaliżmu kondiviż
Il-papà kien dejjem jisħaq li n-nazzjonaliżmu kif mifhum fin-Nord tal-Ewropa, l-Ewropa Ġermanika, hu ferm differenti
Minħabba f’dal-kunċetti tal-papà, kelli naqra ħafna dwar in-nazzjonaliżmu kemm fil-pożittiv u kemm fin-negattiv, anki dwar il-ħmerijiet li nibtu mill-eżasperazzjoni ta’ dil-emmna fl-ewwel dekadi tas-seklu 20 (ara l-kelmtejn li ktibt fid-Dizzjunarju ta’ Azopardi maħruġ mill-Għaqda tal-Malti – Università). Il-papà ma kienx Nazzjonalist romantiku – fejn hemm l-għeruq tal-Partit Nazzjonalista Malti. Kien nazzjonalista fis-sens ta’ Vassalli, pre-Romantiku. Fil-fatt naħseb li min jemmen fil-prinċipji tal-bidu tal-Partit Nazzjonalista Malti ma jistax jafferra u jagħmel tiegħu verament in-nazzjonaliżmu ta’ Vassalli. Huma żewġ tipi distinti ta’ nazzjonaliżmu. Imma nħalli f’idejn min jifhem aktar minni ħalli, b’attenzjoni, jispjega sew dawn il-kunċetti.
4. Frans Sammut u l-politika fis-sens dejjaq u wiesa’. Xi tgħid dwar dan? Kif jidher dan f’xogħlu bħala kittieb u riċerkatur?
Ħafna hemm x'nista' ngħid. Ħafna dwar l-imħuħ żgħar (li kulfejn imorru jieħdu magħhom kelb kbir tal-ġlied marbut biċ-ċinga imma bla sarima jismu Ego, li jinbaħ u saħansitra jigdem) li jabitaw id-dinja politika. Imma wkoll dwar il-ġentlomerija ta' oħrajn f’dik l-istess dinja. ’Il quddiem, meta jkun il-waqt, nista’ nitħaddtu aktar dwar dan. Għalissa ngħid biss li l-papà darba qalli li r-rispett lejn il-Letterati jisboq kull kunsiderazzjoni politika. Kellu koerenza tal-azzar.
Kollox ma’ kollox, nista’ ngħidlek li l-politika ġġib aktar dieq milli ferħ. Darba Professur ħabib tiegħi qalli, “Il-politika hi bħal mara sabiħa. Aktar ma ’ttik bil-ħarta aktar tkun tridha!” U x’aktarx qalli sew. Il-papà ħaseb li bil-politika seta’ jsib mezz kif l-ideat tiegħu, ta’ Mħabba għan-Nazzjon Maltija, iwettaqhom.
Il-verità hi li, meta titgħerwen mill-fixfixò tal-appagament tal-ego, il-ħajja pubblika żżomm lil dak li jkun ’il bogħod mill-familja, toħloq għedewwa bla bżonn, iddawrek bi ħbieb uħud veri (is-soltu joqogħdu pass lura) uħud foloz (is-soltu jiddandnu bħal pagun), u ġġib prezz għoli għall-familja.
Aħna nisimgħu spiss b'meta ġgajta daħlet fid-dar ta' politiku prominenti u kissritlu kulm'hemm. Nikkundannah bl-akbar qawwa dak l-attakk. Imma ma jmurx xi ħadd jaħseb li f’dak il-każ biss, u fuq dik in-naħa biss, kien hemm il-vjolenza. Kif darba qaltli l-poetessa Maria Ganado fuq it-taraġ tal-Università, f’Malta bħal f'kolonji oħra, wara l-indipendenza kellna gwerra ċivili - għad li tagħna mingħajr ma ġera d-demm. L-Ingliżi jaħtu ħafna għall-vjolenza li rajna fis-seklu 20. Ma ninsewx meta sparaw fuqna l-Maltin fl-1919. Rawha l-ħdura n-Nazzjonalisti fil-Gwerra meta internawlhom lill-mexxejja tagħhom, u l-Laburisti wara l-Gwerra matul it-tentattiv studjat u protratt fuq snin twal ta’ marġinalizzazzjoni mis-soċjetà ċivili, bl-użu saħansitra tal-Arċisqof – fil-vesti personali tiegħu – bħala għamla ta’ maħaraġà. Min irid jgħid mod ieħor, imur jipprietka Hyde's Park! Il-vjolenza morali u l-imrar li ġġib magħha doqnieh u ġarrabnieh fil-prima persuna.
Min-naħa l-oħra, il-papà kien immexxi mill-ideal u ma kkalkulax li kien hemm min jitmexxa mit-tir li jħaxxen butu. Ħaseb li l-ideal kien biżżejjed. Ma qisx il-mibegħda, il-għadab, is-sens ta' inġustizzja soffert minn min tkaża bil-korruzzjoni li bħal kankru ġriet mal-korp politiku li miegħu assoċja ruħu l-papà, għad li hu (il-papà jiġifieri) baqa’ dejjem nadif.
Il-papà kien – kif darba qal quddiem bosta nies avukat partikolari, qarib ministru ta’ żmien Boffa, fi Strada Mezzodì, kif kienet tgħidilna n-nanna omm missieri, il-Belt – idealist wisq biex jieħu xi ħaġa materjali mill-politika.
Inħobb niġbdilhom l-attenzjoni lill-imħuħ iż-żgħar għall-qagħda tagħhom. Għax itendu, dawn li żgħir hu l-għadd tagħhom imma kbir l-istorbju li jagħmlu, li ma jifhmuhiex l-istampa l-kbira u jagħmlu ħafna ħsara bil-ħmerijiet li jiktbu. Ma jifhmux ir-responsabilità marbuta mal-libertà tal-istampa. Jaħsbu li l-libertà hi libera, mentri fir-realtà l-libertà hi serva. Tar-responsabilità. Il-miżien tal-Ġustizzja għandu f’keffa minnhom l-użin tal-Libertà u fl-oħra l-użin tar-Responsabilità. Fl-Ingilterra, Omm id-Demokrazija u Omm il-Liberaliżmu, fl-aħħar fehmuha din: ara l-ġrajja tan-News of the World.
Il-kitba tal-papà tirriflettih bil-kbir l-impenn tiegħu fil-politika. Imma nemmen li ma kienx hemm f’moħħ il-papà linja ta’ demarkazzjoni bejn il-Politika u l-Letteratura. Il-papà kien letterat fil-politika, u għalhekk naħseb kien iqim lil Alfred Sant. Dan bħalma Guido de Marco kien dejjem avukat difensur fil-politika. (Naħseb dak hu l-messaġġ aħħari tal-awtobijografija tiegħu, Il-Politika tal-Persważjoni.) Għax – bħalma l-Professur Charles Briffa wera li l-professjoni tal-kittieb tiskula mill-pori tal-kitba tiegħu – hekk ukoll fil-politika, il-kostituzzjoni mentali msawra mill-professjoni tlewwen ħidmet il-politiku.
5. Fl-opinjoni tiegħek, Frans Sammut jibqa’ jiġi miftakar l-aktar bħala kittieb tar-rumanzi jew bħala riċerkatur? Għaliex?
Hu xtaq li jibqa’ mfakkar bħala rumanzier. Darba qalli, “Jien ma ktibtx ħafna rumanzi. Imma naf li dawk il-ftit li ktibt huma tajbin.” Naħseb li l-ġenerazzjoni ta’ żmienu hekk se tibqa’ tiftakru.
Għandu mnejn li l-ġenerazzjonijiet futuri jarawh ukoll bħala riċerkatur fin, li kellu l-ħila jinfed territorji verġni kif ukoll jgħid ħwejjeġ li ħaddieħor, minħabba fl-irbit taċ-ċirkostanzi personali tiegħu, ma setax jgħidhom. Imma ħafna milli qal, qalu qabel żmienu... irridu nistennew u naraw x’se jkun il-ġudizzju tal-ġenerazzjonijiet futuri. Sadattant, lil dal-ġenerazzjonijiet irridu nżommulhom ħajja l-imħabba lejn in-Nazzjon Maltija.
6. Naf li Frans Sammut kien iħobb ukoll jilqa’ stediniet biex jiltaqa’ mal-istudenti fl-iskejjel. X’kien ifisser dan għalih u kemm kien importanti?
Se nwieġbek b’one-liner: It-tagħlim kien dak li jagħtih il-hena li jgħix.
7. Naf li Frans Sammut ħadem ħafna fuq riċerka dwar ir-Rivoluzzjoni Franċiża. X'kienet ir-relazzjoni tal-papà tiegħek ma' ilsna oħra apparti l-Malti? Huwa bħala persuna u bħala kittieb u riċerkatur kif kien jintlaqa' mill-barranin?
Il-papà studja t-Taljan l-Italja, l-Università ta’ Peruġja. Hawn Malta studja l-Malti u l-Għarbi l-Università, u l-Ispanjol u l-Franċiż u naturalment l-Ingliż. Kien iħobb jgħid li meta jmur għall-Konferenzi fil-Mediterran kellu l-ħila jifhem tista’ tgħid kulma jingħad mingħajr il-ħtieġa ta’ interpretu. Kien iħobb jgħid ukoll li meta kien il-Kulleġġ (San Alwiġi) kull kelma ġdida li jitgħallem f’ilsien, kien ikun pront jaqlibha fl-ilsna l-oħra li jaf, f’moħħu. Jiġifieri mħabbtu għall-ilsna kienet bla qies. Dan urieh mhux biss fix-xogħol imprezzabbli li wettaq fuq il-Lexicon ta’ Vassalli, imma wkoll fl-interpretazzjoni rivoluzzjonarja li ta lil Xidew il-qada, il-kantilena ta’ Pietru Caxaru, bis-saħħa tal-għarfien li kien beda jikseb tal-Għarbi Andalus.
Il-ħakma tiegħu tal-Ingliż urieha, fost l-oħrajn, fil-monografija bilingwi li kiteb fuq The Da Vinci Code, mentri tat-Taljan narawha (nittama) ma ndumux meta joħorġu ż-żewġ kotba li kiteb b’dak l-ilsien.
Il-barranin li jiltaqa’ magħhom kienu jintrebħu mis-simpatija u mill-għarfien tiegħu. L-aħħar Professur li sar jaf bih bħala fost l-aqwa kittieba Maltin, u ried jiltaqa’ miegħu kien il-Professur Hanan Bordin, minn Ġerusalemm – li għandu l-papà kellu jmur f’dak l-istess xahar li fih miet.
Fl-istudju d-dar, hemm ittra mingħand in-Nunzju Appostoliku tas-snin ’90 li tant kien ammirah. U mbagħad, meta kien qiegħed jaħdem fuq id-dizzjunarju tal-Baruni Azopardi, kiseb l-iskannerizzazzjoni tad-dizzjunarju mill-Indiana State University tal-Istati Uniti.[1]
Naturalment, in-namra kbira tiegħu mar-Rivoluzzjoni Franċiża u l-eroj tagħha Napuljun tatu l-enerġija li jikteb mhux biss tifsira tar-Rivoluzzjoni imma l-opus magnus storiku tiegħu Napuljun f’Malta, li ġie tradott għall-Franċiż bħala Napoleon à Malte, u wassal għar-rikonoxximent tal-papà bħala skular ta’ Napuljun meta ġie elett Fellow tas-Soċjetà Napoleonika Internazzjonali. Il-ħasra hi li miskin ma kellux żmien igawdih dal-unur; miet anqas minn għaxar xhur wara.
Fil-Leħen is-Sewwa kien hemm min ikkummenta li l-monografija dwar The Da Vinci Code hija ta’ livell mondjali (fil-fatt qalgħet tifħir anki minn uffiċjali għoljin tal-Vatikan, li għad għandi l-ittri tagħhom). Jien konvint li dan il-kumment jgħodd għall-opera omnia tal-papà, li l-kitba tiegħu hija esportabbli, għax hija universalment ontoloġika.
8. Frans Sammut kien bniedem li ma jżommx ħajta fuq ilsienu, u anki bniedem b’sens ta’ umoriżmu. Xi tgħid dwar dan?
Huwa minnu li l-papà ma kellux ħajta f’ilsienu. L-abjad isejjaħlu abjad u l-iswed iswed. Bla biża’. Ħaġa rari f’Malta, il-bejta tal-beżżiegħin, fejn il-libertà tal-istampa qajla tintuża għal tiftix il-verità daqskemm għal tifrik l-opponent. Dan għax, kif qal Vernadsky jidhirli (ikkwotat minn Ġużeppi Schembri fil-ktieb tiegħu tal-1990 dwar il-Wirt Komuni tal-Umanità), huwa poplu mejjet dak li jimportahom biss l-ideat. Il-Maltin importaw barbarament l-idea tal-libertà tal-istampa, mingħajr ma fehmu l-kuntest li fih kienet żarġnet u ssajret fl-Ingilterra, fejn hemm ftehim taċitu dwar ir-regoli mhux miktubin tas-soċjetà (ara The British Constitution, 2007, ta’ Anthony S. King).
Darba l-papà qalli li f’Malta x-xeblieka tal-intelliġenza ma tħabrikx biex ixxeblek ’il fuq, imma biex tinfirex fil-mimdud, u dan għax il-Maltin għamlu tant sekli maħkumin mill-barrani. Il-ħakma tal-barrani kienet bħal pressa kbira tagħfas minn fuq ’l isfel, u allura l-magma tal-intelliġenza flok jiżbroffa ’l fuq kellu bilfors inixxi fil-ġnub.
Il-papà mhux waħdu li kellu dil-karatterstika li l-abjad abjad u l-iswed iswed. Jien ilmaħtha mill-anqas fi tnejn oħra: Guido de Marco – li darba bi qlubija qal li fit-Tieni Gwerra aħna l-Maltin issilitna spalla ma’ spalla mal-ħżiena (l-Imperjalisti) kontra l-agħar (in-Nażi-Faxxisti) – u Giuseppe Mifsud Bonnici – li fil-ktieb li ħriġna flimkien (Il-Liġi, il-Morali, u r-Raġuni, 2008) qal li hu ma jifhimx kif il-Knisja tal-lum donnha tibża’ tiddeklama twemminha, mentri hu jitla’ fuq il-bjut jħabbru (it-twemmin ta’ dik l-istess Knisja) lill-erbat irjieħ tad-dinja!
Il-papà kien mogħni b’sens ta’ umoriżmu tal-għaġeb. Staqsi lill-ħbieb tiegħu li kien iqatta’ sigħat sħaħ magħhom fuq it-telefon ifaqqa’ ċ-ċajt u jidħak... Mario Azzopardi, Alfred Sant, u oħrajn... Kien hemm żmien kien iqatta’ tant ħin mal-fotografu u ċineasta Cecil Satariano, li ħalliena xi 15-il sena ilu. Kienet l-enerġija kbira li kellu maħżuna fih, li ġie li ħarġet fil-kitba letterarja u ġie li fil-battuti spiritużi...
9. Ħafna raw lil Frans Sammut waqt il-lejla li fakkret lill-Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila, f’Ħaż-Żebbuġ, flimkien ma’ Oliver Friggieri u Peter Serracino Inglott, ftit qabel ma ħalliena. Kemm kienu importanti għalih figuri bħal Dun Karm u Mikiel Anton Vassalli, Żebbuġin bħalu?
Kienu importanti għax kienu Żebbuġin, u importanti għax Eroj Maltin. Mill-bejt tad-dar tagħna, f’Ħaż-Żebbuġ, jidher iċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù, bil-kappella li fiha hemm midfun Dun Karm (li rrestawraha dan l-aħħar l-ex-Deputat Michael Bonnici). Darba kellna mistieden barrani, u tlajna fuq il-bejt nammiraw il-panorama. Meta ħarsitna waqgħet fuq dik il-kappella, il-papà qalilina li għax kien patrijott veru, Dun Karm safa mogħti l-ġenb minn sħabu l-qassisin l-oħrajn. Ġralux l-istess Vassalli? Ġralux l-istess il-papà, li għax ra f'Dom Mintoff patrijott Malti ieħor, safa mwarrab għal xi żmien minn sħabu tal-Letteratura Maltija?
Inti semmejt lil tnejn min-nies li l-papà kien jammirahom u jħobbhom, għad illi għal xi snin kienu mbegħdin minn xulxin. Il-Professur Friggieri kien jiktiblu ittri sbieħ ta’ tifħir lill-papà, mentri Dun Peter qal fir-rubrika tiegħu fil-gazzetta li jqis lill-papà “ġenju”.
Jekk il-papà kienx tabilħaqq “ġenju”, jien dan ma nafux. Lanqas ma naf kellux raġun George Bernard Shaw dwar x'jagħmlu l-ħajja u l-mewt. (Jidhirli kien qal, Life levels all men. Death reveals the eminent.) Li naf biss hu li t-talent li kellu, il-papà ħaddmu fuq li ħaddmu, fid-dieher u anki fis-satra.
10. Fuq xiex kien qed jaħdem dan l-aħħar? Xi proġetti hemm biex dak li ma temmx jikteb jew jippubblika xi darba jara d-dawl u jkun jista’ jgawdih kull min hu interessat?
Hemm bosta xogħlijiet maturi tiegħu, u qed nippruvaw nimponu ordni fuqhom għax jinsabu sparpaljati. Hemm ktieb mitmum qiegħed fuq il-hard disk ta’ kompjuter – jekk it-tekniċi jsalvawh, noħorġuh.
Kien qiegħed jaħdem fl-aħħar fuq żewġ proġetti żgur: ktieb b’tagħrif ġdid dwar Dun Karm (kellu jinħareġ mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, imma kulma laħaq kiteb minnu kien Dħul il-Ktieb), u t-teżi dwar il-qrubija bejn l-Għarbi Andalus u l-Malti li dwarha kien qed imaħmaħ fl-aħħar ftit ta’ ħajtu, mill-anqas l-aħħar sentejn.
11. Fl-opinjoni tiegħek liema taħseb huwa x-xogħol l-aktar importanti ta’ missierek? Għaliex?
Bl-emozzjoni ngħidlek li l-aħħar xogħol tiegħu. Għax dwaru l-aktar li kien entużjast fl-aħħar ftit. Kulmin mar iżuru l-isptar fl-aħħar jiem, jiftakar kif kien qiegħed jikteb it-testment intellettwali jgħid lil kulħadd dwar it-teżi tiegħu tar-rabta bejn il-Malti u l-Għarbi Andalus, u d-demm Lhudi (Sefardi) li jiġri fil-vini tagħna l-Maltin. Allura nħoss li l-aktar xogħol importanti tiegħu kienet l-interpretazzjoni ta' Xidew il-qada ta' Caxaru.
Bir-raġuni, imma, ngħidlek li naħseb l-aktar xogħol importanti tiegħu hu – kif qal il-Professur Oliver Friggieri – it-trittiku Il-Gaġġa-Samuraj-Il-Ħolma Maltija. Dak it-trittiku huwa l-mera tal-Maltin tas-Seklu 20 u tal-bidu tas-Seklu 21. Min ma jifhimx dan, f'fehmti mhux jara sew.
Ma kienx iqis ruħu poeta. Għad li kiteb ftit poeżiji (u dehru fil-kotba li ħareġ). Ma nafx lill-mamà kienx jiktbilha poeżiji ta' mħabba meta kienu għarajjes. Avolja għandha qalbha kbira u ġeneruża bla tarf, il-mamà mara samma daqs blata, u ma titkellimx dwar ħwejjeġ li bl-Ingliż nistgħu ngħidulhom soppy... ta’ sentimentaliżmu ibleh.
Għandi reġistrazzjoni tiegħu qed jaqra xi poeżiji ta’ Achille Mizzi... dik tista’ tkun ħaġa interessanti, kulturalment...
Imma ntenni li jien naħseb li ma kienx iqis li għandu s-sensibilità tal-poeta. Ħa nkunu ċari. Lord Byron – li bħall-papà kien ammiratur ta’ Napuljun Bonaparti – kien poeta u mar jieħu sehem fit-taqbida għall-Indipendenza tal-Greċja, fejn tilef ħajtu. Imma Byron qatt ma kien fuq fomm missieri. Minflok, fuq fommu kien hemm Dun Karm, Leopardi, Achille Mizzi... poeti li naħseb kien jarahom li għandhom sensibilità differenti minn tiegħu, u anki minn ta’ Byron. Il-poeżija kien iħobb jaqraha, jirreċtaha bl-amment, imma ma jarax lilu nnifsu bħala poeta. Hu kien rumanzier.
Fil-kitba.
Fil-ħajja, kien poeta. Għex, u miet ta' poeta.
13. Frans Sammut spiss kien jikteb ukoll fil-ġurnali. Hemm xi ħsieb li xi darba dawn kitbietu jinġabru fi ktieb biex jgħinu lill-qarrej jifhem dejjem aktar il-ħsieb ta’ kittieb ewlieni bħalu?
Hija xewqa tiegħi. Imma mhux għalissa. Hemm wisq xogħlijiet tiegħu li għadhom ma ġewx stampati, li jinsabu sparpaljati. U hi biċċa xogħol mhux żgħira nsibuhom u nikkollazzjonawhom. Kważi impjieg part-time biex ma ngħidlekx full-time! Mentri jien għandi l-proġetti l-oħrajn ta' ħajti li kont ġa ppjanajt u mexjin donnu ħadu ħajja indipendenti minni u għoddni ngħix taħt id-dittatura tagħhom. Qiegħed naħdem fuq Ph.D., qed nittraduċi ktieb (diffiċilissmu) mit-Taljan għall-Ingliż, qed nikteb xi saġġi... insomma l-24 siegħa li jislifna l-Mulej kull jum m'humiex biżżejjed! U ż-żmien jaħrab... Naturalment, jekk hemm min jitħajjar jidħol għal biċċa xogħol bħal din, isib l-inkoraġġiment sħiħ min-naħa tal-familja.
[1] “The department recently received a copy of Vincenzo Azopardi’s Piccolo Dizionario Maltese-Italiano-Inglese (2009) in facsimile from Frans Sammut, who produced a scholarly introduction. The interesting thing about the facsimile is that it was produced from a digitized copy that David Vancil scanned at Mr. Sammut’s request. This was a true scholarly collaboration, as Mr. Sammut provided us with the name of the author of a book which we used to have cataloged under title.” – http://isulibrary.wordpress.com/category/books-reading/page/3/
Friday, September 09, 2011
Wednesday, September 07, 2011
A poem from Greece by Zacharoula Gaitanaki

GREEK LANDSCAPES
Landscapes of my country, full of Light and Color.
I keep in mind Memories, in my fistful some native soil.
I walk on your ways, my
I lock you up inside me.
I get across the extremity of the end.
To see the Light of your Sun and to enjoy the Sunset.
On untrodden desert islands, my steps sound
joining seabirds’ fate.
Landscape blue, Greek, beloved places.
Sea worth ships “Sophia”, “Giorgis”, “Merope”.
The waters of your rivers murmur songs.
Hymns, for you, my country, the nightingales whisper.
The humble wild flowers, that grow on your earth
scatter a soft fragrance, wayfarer, on your touch.
Basil and velvet, myrtles and lilies,
evident expression of holiday on childlike hands.
I pass and I dream, I remember and I weep
in my mind, Light and Colors I add up with generosity.
Spreads of earth of my country’ monuments of History
human destiny’s distinctive symbols.
Temples, burial vaults, ancient ornaments,
theatres, columns, stadiums,
uncultivated fields and small villages empty…
Landscapes of my country, overloaded with Memories
I balance on their moderation the rhymes of my pen.
ZACHAROULA GAITANAKI
ZONI Dimou Megalopolis 22022
e-mail: zgaitanaki@yahoo.gr
Visit www.zounati.wordpress.com and write a comment please.
Friday, September 02, 2011
My new book is out: UNEASY RITUALS - Contemporary Tales from Malta
UNEASY RITUALS - CONTEMPORARY TALES FROM MALTA is a set of 15 narrative essays which I wrote in the late 1990s. The book has two critical comments by Mario Azzopardi and Charles Flores respectively. Both are seasoned writers and journalists.
Setting and photography is by young art historian and tutor, artist and photographer, Hilary Spiteri.
The 15 narrative essays were originally written in Maltese. Poet and translator Alfred Palma has done an excellent job in translating them into English.
The book is at local bookshops or can be bought directly from the author by sending an e-mail at sammutpatrickj@yahoo.com
See also link: http://hilaryspiteri.blogspot.com/2011/09/uneasy-rituals-contemporary-tales-from.html
Tuesday, August 23, 2011
Another poem by Teresinka Pereira

Sunday, August 14, 2011
Intervista ma' Leanne Ellul, poetessa żagħżugħa

1. Minn fejn ġejja l-ħajra tiegħek li tikteb il-poeżija? U għaliex għażilt li tikteb bil-Malti?
Barra minn hekk dejjem ħassejt li għandi xi ħaġa xi ngħid. Għamilt żmien nesprimi lili nnifsi bil-lirika. Imbagħad xtaqt immur lilhinn minn hekk u għalhekk il-poeżija qatgħatli dan l-għatx. Huwa minnu illi wieħed irid jaqra, jistudja, jikteb u jqatta’ xogħlu min jaf għal kemm-il darba biex jitjiteb. Ma tqumx filgħodu u ssib li inti poeta tajjeb. Iżda nemmen illi trid titwieled bid-don tal-kitba daqskemm pittur jitwieled jaf ipinġi mbagħad jistudja biex isir aħjar.
Dik li nuża l-Malti hija għażla kemmxejn patrijottika. Minn dejjem ħassejtni kburija li l-ewwel ilsien tiegħi huwa l-Malti u minn kmieni emmint li l-ilsien Malti huwa sħiħ u għani biżżejjed biex wieħed jesprimi ruħu. Kif jgħid Cuschieri għall-ilsien Malti, “għani f’faqartek, kbir fi ċkunitek/ jaqbel ma’ qalbi, jaqbel mal-ħsieb”. Il-Malti dejjem qdieni tajjeb u jien sibt refuġju fi lsien li bih stajt ngħid kollox kif nixtieq. Din, sa ċertu punt kienet għażla inkonxja. L-għażla konxja ġiet snin wara, meta dħalt l-università, u għaraft kemm l-ilsien Malti għandu bżonn jiġi apprezzat flimkien ma’ ilsna oħra. Bil-poeżiji tiegħi nemmen li nkun qed nagħti l-kontribut tiegħi biex iseħħ dan. Fuq kollox, kont fortunata wkoll li dejjem kelli għalliema tal-Malti ddedikati li kattru fija l-ġibda għal dan l-ilsien.
2. Liema huma t-temi li tgħożż l-aktar meta tiġi biex tikteb?
It-temi l-kbar, li saħansitra wħud minnhom huma maqbuda fl-iktar poeżija bikrija li nafu biha sal-lum jibqgħu jirrepetu ruħhom. Imma l-kuluri tagħhom baqgħu jieħdu sfumaturi oħra matul is-snin kif għadhom jagħmlu sal-lum. Fil-poeżiji tiegħi jinkixfu l-isfumaturi ta’ dawn it-temi l-kbar imnebbħa minn ġrajjiet, sitwazzjonijiet u episodji tal-mument. Uħud minnhom huma ta’ interess nazzjonali bħall-abort u oħrajn huma ta’ xeħta aktar personali bħall-mewt ta’ xi qarib. Fost it-temi li ngħożż l-iktar hemm l-imħabba u ċ-ċaħda tagħha, l-imħabba opportunista u possessiva, il-mara u l-maternità, is-sesswalità, il-psikoloġija, l-isfruttament mentali u fiżiku, l-isfruttament tal-ambjent naturali u l-bdil fil-klima, l-immigrazzjoni, il-mużika u l-letteratura nnifisha.
3. Apparti l-poeżija inti tinteressa ruħek f'ġeneri letterarji oħra?
Iva. Inħobb naqra kull ġeneru letterarju, l-aktar in-novelli (u fil-verità, kull biċċa kitba li tiġi għal idejja nkun irrid naqraha). Iżda meta niġi biex nikteb l-għażliet tiegħi ngħarbilhom aktar. Minbarra l-poeżiji, nikteb ukoll in-novelli. Bħalissa qed niffinalizza għadd ta’ novelli li kont bdejt u qatt ma ħassejt li kienu tajbin biżżejjed. Illum, forsi għax għadda aktar żmien u (nittama li) immaturajt, qed nagħti struttura xierqa lil dawn in-novelli. Id-drammi joġħġbuni ħafna wkoll. Għalkemm qatt ma ktibt drammi twal, ktibt xi żewġ monologi. Għad irrid nesperimenta aktar b’dan il-ġeneru. Fil-verità, inħossni xxurtjata li l-vuċijiet ta’ ġo fija nleħħinhom kif inkun nixtieq. Xi drabi ninqeda bil-poeżija u xi drabi bin-novella.
Bniedma sempliċi u sensittiva. Ma nistħix ngħid li ta’ tnejn u għoxrin sena għadni nifraħ bix-xemx tiela’, b’karotilna mlewna, bi tbissima fuq fomm dawk għal qalbi... Togħġobni ħafna l-arti, dak kollu li hu artistiku. Picasso jgħid illi “art washes from the soul the dust of everyday life”. Nemmen illi dan it-trab jista’ jtnaddaf b’kull tip ta’ arti. Il-kitba tal-poeżija u n-novelli hija l-mezz ewlieni li bihom nagħmel dan. Dawn ukoll huma arti- l-arti tal-kelma. Iżda l-kitba għalija hi aktar minn passetemp- hi idi l-leminija, ħabiba li qatt ma titradini. Barra minn hekk nipprova nsib kemm jista’ jkun ċans biex nattendi laqgħat u attivitajiet kulturali u xi drabi nieħu sehem fihom ukoll.
Inħobb ħafna l-mużika. Snin ilu kont inkanta u nikteb il-lirika. Għad illi m’għadnix nagħmel dan ix-xewqa li nesprimi ruħi b’dan il-mod għadha ma mititx. Iż-żfin u r-reċtar huma passjonijiet oħra li tajthom il-ġenb. Għalkemm qatt ma pittirt u naqqaxt, nogħxa nara pitturi, skulturi u kif ukoll ritratti. U meta jkolli ċans nagħmel xi xogħol bl-idejn bħall-kroxet u l-ħansa. Jaffaxxinawni ħafna l-kuluri. Inħobb ħafna l-moda u l-oriġinalità f’dan il-qasam. Barra minn hekk inħobb ħafna t-tisjir. Kull x’ħin ikolli ċans nara x’riċetti sustanzjużi se nivvinta. Dan l-aħħar qed nesperimenta aktar bil-ħelu u t-tiżin tiegħu. Imbagħad inħobb immur xi mixja, inħobb naqra, inħobb nara l-films komiċi u nħobb is-safar.
Wara li gradwajt fil-BA (Unuri) Malti, din is-sena għamilt il-PGCE fil-Malti. Issa ser inkun qed ngħallem il-klassijiet tat-tielet u r-raba’ sena ġewwa St. Dorothy’s Ħaż-Żebbug. Fl-istess waqt ser inkompli nibni fuq it-teżi tal-BA (Unuri) u tal-PGCE permezz ta’ teżi li għandha twassalni għall-grad tal-Maġisteru fl-Arti ma’ Professur Mifsud.
5. X'taħseb dwar l-interess u l-involviment taż-żgħażagħ fil-qasam tal-kultura llum?
Nistqarr illi dan l-aħħar innutajt mewġa kulturali ġdida pożittiva ħafna. L-ammont ta’ studenti li qed ikomplu l-Malti l-università huwa inkoraġġanti ħafna. Żgur illi dan il-kors ser ilaqqa’ lil dawn l-istudenti ma’ oqsma kulturali li jistgħu jimirħu fihom. Prodott ta’ dan ngħidu aħna nsibu l-grupp universitarju Versatili. Anke t-teżijiet li qed jinkitbu juru interess kulturali ġenwin. U dan l-interess mhux qed jintwera biss miż-żgħażagħ li qed isegwu l-kors tal-Malti jew xi kors ieħor l-università. L-ammont ta’ żgħażagħ li jattendu attivitajiet kulturali huwa inkoraġġanti ħafna. Fuq kollox, jeħtieġ illi nsaħħu l-pedamenti biex aktar u aktar żgħażagħ jinvolvu ruħhom fil-qasam kulturali u jitħabbu mal-letteratura. Ngħidu aħna, għandna nenfasizzaw kultura li qed tinbidel. Għad illi l-karettun u l-kenur huma importanti għax kieku ma kienx għalihom ma konniex inkunu aħna, jeħtieġ illi naraw il-kultura tagħna f’qafas usa’, dak Ewropew u aktar u aktar internazzjonali. Wara li nagħmlu dan, inkunu nistgħu nużaw il-wirt kulturali tagħna bħala għodda ta’ valur. Jiġifieri, rajt progress u l-interess li qed jintwera naħseb illi jista’ jiggarantixxi futur sabiħ. Biss dan għandu jkun il-bidu. Fuq kollox, il-Maltin tal-lum għandhom il-kultura tagħhom u din iż-żgħażagħ qed jagħġnuha bil-modi ta’ għajxien tagħhom ukoll.
Għad illi dejjem nipprova ngħix ġurnata b’ġurnata, noħlom ħafna! Victor Hugo jgħid illi “The future has several names. For the weak, it is the impossible. For the fainthearted, it is the unknown. For the thoughtful and valiant, it is the ideal.” Kemm jista’ jkun nipprova noħlom għalija nnifsi futur ideali. Fil-11 t’Awwissu ser inkun qed nieħu sehem f’serata, ‘Innoċenza Mqarba’ mtella’ mill-grupp Versatili u Aġenzija Żgħażagħ. Barra minn hekk fis-17 t’Awwissu ser inkun qed nieħu sehem f’serata oħra, ‘’il barra minn fommna’, li din id-darba ser jieħdu sehem fiha kittieba nisa biss. Din hija l-ewwel serata tax-xorta tagħha. Jien ser inkun qed nagħti sehmi mas-seba’ kittieba nisa oħra- Claudia Gauci, Rita Saliba, Nadja Mifsud, Clare Azzopardi, Maria Grech Ganado, Simone Inguanez u Simone Galea- biex kull waħda minna ssemma’ l-vuċi tagħha bil-mod individwali tagħha. Barra minn hekk, qed niffinalizza xi poeżiji li ser inkun qed nieħu sehem bihom fil-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija 2011. Fuq kollox, l-akbar ħolma tiegħi bħalissa hi li nippubblika. Sandanittant nittama li l-Bambin itini s-saħħa sabiex inkompli nikteb.
Xi poeżiji ta' Leanne Ellul:
Pupa taċ-Ċarrut
Ħafna drabi, granfajt ma’ ħbub għajnejk
nixxennaq għal demgħa sabiex taħsilni.
Jien il-pupa taċ-ċarrut,
kont tbandalni bejn saqajk,
daqqa ’l linn u daqqa ‘l hawn,
ħfinti sewwa bejn dirgħajk.
Jien il-pupa taċ-ċarrut. Kont tmellisni
u kont tlibbisli lbiesi “ħelwin”.
Niċċassa lejk. Nitħawwad nifhem kif
spiċċajt f’dad-dramm li ħdimtu llum, kuljum.
Il-ħabel li r’batni miegħek ħasadni.
Narak. Tiggranfa mal-ħbub ta’ għajnejk
iċċarrat il-vini biex jinżel dmugħ
li nixef snin ilu. Issa tard wisq.
Aldo
Ħafna drabi, granfajt ma’ ħbub għajnejja.
Ġismek separju jiżżeffen mar-riħ.
Jiena ser nibqa’ dejjem miegħek,
nieħu ħsiebek, tibża’ xejn,
l’hawn jien ħadd ma jista’ jbeżżgħek,
das-siġriet midfun bejn tnejn.
Ġismek tari- metaf’ra arketipali
jiżloq minn idejja u jdub fix-xejn.
Niċċassa lejk. Niflik sew. Nifhem kif
f’dad-dramm (ripetizzjoni) jien spiċċajt (protagonist).
Il-ħabel li jorbtok nerf illi joqros.
Tgħib. Jien u niggranfa ma’ ħbub għajnejja
inċarrat il-vini biex jinżel id-dmugħ
li nixef snin ilu. Issa tard wisq.
© Leanne Ellul 2011
2013
ċanfruha, farġuha,
beżqulha, għaffġuha,
rifsuha, fetquha, sabbtuha,
ħaġġruha, sawwtuha, biċċruha
R R A B J A W H A
(Il-Poplu, 2011)
Dal-ballun tond jismu pjaneta
lagħbu bih sa ma’ qattgħuh.
Kien mimli kuluri
bi sfumaturi mxerrda ’l linn u ’l hawn.
Ftit minnhom kien jisimhom fjuri.
Illum ballun xort’oħra.
Sepja. Bit-truf mikulin.
Hekk jafu jagħmlu l-bnedmin.
© Leanne Ellul
Sushi
intelqet fuq wiċċ kiesaħ, tiċċassa.
bajda siċċa. marsusa.
ftit miġbuda- għajnejha
kaxxa make-up bla kulur.
meta ġie stednitu jersaq.
meta qam ħallietu jmur,
b’żaqqu mimlija
li ibnu se jkun, żgur.
© Leanne Ellul
