Friday, February 05, 2010

Intervistat Joseph Sciberras u GABRA TA' LEGGENDI

1. Xi jfisser għalik li tirbaħ l-ewwel premju fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2008, kategorija Poeżija?

Din ir-rebħa għalija tfisser li l-ktieb tiegħi, Ġabra ta' Leġġendi, ingħata rikonoxximent uffiċjali. Għad li kien hemm drabi oħra meta rbaħt xi premjijiet f'għadd ta' konkorsi letterarji, dan hu l-ogħla ġieħ li qatt ingħatajt s'issa. Barra dan jiswieni wkoll ta' imbottatura biex nagħmel il-qalb u nibqa' miexi fit-triq li qbadt f'żgħożiti.

2. Din is-sena fl-istess taqsima ġew ippremjati żewġ ġabriet ta’ poeżija li jintrabtu sewwa mal-forom metriċi tradizzjonali. Xi tgħid dwar dan, anki fid-dawl li llum aktar minn qabel, qed jintużaw forom aktar ħielsa u inqas riġidi fil-poeżija?

Dan għalija jfisser li l-poeżija tradizzjonali kienet valida lbieraħ, għadha valida llum u, naħseb, li tibqa' valida għada u pitgħada wkoll. Nemmen hekk għax min jiktibha ma jkollux f'moħħu biss li jesprimi ruħu u joħroġ il-ħsus ta' qalbu, imma wkoll lill-qarrej għax jaf li, jekk bejniethom ma jinħoloqx djalogu, il-poeżiji tiegħu ftit ikollhom ċans li jkunu mifhuma u apprezzati.
Il-poeżiji li qed jinkitbu llum, għalkemm fosthom hemm dawk li huma validi u tajbin mhux bilfors ikunu aħjar mll-poeżiji tradizzjonali. Barra dan ma jogħġbux lil kulħadd. Staqsu lill-istudenti li jkunu qed jistudjawhom għall-eżamijiet fil-livelli intermedjarju u avvanzat! Wara kollox is-siwi lettararju ta' poeżija ma jiddependix mill-forma li tingħata, imma minn kemm ikun validu l-kontenut.

3. Inti u Charles Bezzina (ir-rebbieħ tat-Tieni Premju fl-istess kategorija) intom it-tnejn membri tal-Għaqda Poeti Maltin. Xi jfisser dan għalik, u x’jista’ jfisser għall-Għaqda Poeti Maltin?

Xi jfisser dan għalija? Li r-rebħa li l-ktieb tiegħi kellu, tkun ta' inċentiv għall-membri l-oħra biex jagħmlu ħilithom ħalli pass wara pass, u bis-sabar kollu jaslu biex jilħqu qċaċet għoljin. Għall-GħPM? Naħseb li l-GħPM tieħu gost li membru li għadu kemm ingħaqad magħha rebaħ dan il-premju prestġġjuż.

4. Minn xiex inhu magħmul il-ktieb rebbieħ tiegħek dwar il-leġġendi? Kif jista’ ktieb bħal dan jappella għall-qarrejja tal-preżent?

Dan il-ktieb fih ġabra ta' disa' leġġendi meħudin minn pajjiżi differenti. Kif jista' jappella għall-qarrejja tal-preżent? Billi dawn il-leġġendi huma miktubin bi ħsieb ċar, b'vokabularju ħafif u b'ritmu mexxej wieħed, wara ġurnata xogħol, ikun jista' jiftħu u jedha jaqra xi waħda jew tnejn minnhom, u wara, ma nafx għadhiex moda din, billi t-tfal iħobbu l-istejjer, ikollu xi ħaġa x'jgħidilhom. Barra dan, jekk il-ktieb jiġi f'idejn it-tfal, ngħidu aħna minn għaxar snin 'il fuq, ikunu jistgħu jaqrawhom weħedhom kemm-il darba jkunu jridu.

5. Apparti l-ktieb rebbieħ tiegħek dwar il-leġġendi, inti tikteb ukoll poeżiji. Xi tgħid dwar dan?

Il-poeżija nħobbha, tkun taħt liema forma tkun, basta ma jkunx fiha ħafna ħsibijiet astratti, tixbihat li l-awtur biss ikun jaf xi jfissru, u li biex tifhimha ma jkunx hemm għalfejn taqra l-kotba kollha li jkun qara l-awtur.

6 Żgur li Premju bħal dan jagħmillek kuraġġ biex tkompli tikteb u tinvesti fil-kreattivitá artistika tiegħek. X’parir tista’ tagħti lil dawk iż-żgħażagħ li qed jitħajru jibdew jiktbu xi versi bil-Malti?

Li, għall-ewwel, jaqraw ħafna poeżiji tradizzjonali. Wara li jkunu mdorrijin tajjeb bihom iduru għall-poeżiji tal-lum. Għandhom joqogħdu attenti li ma jħallux l-entużmażmu jiġri bihom u jaħsbu li kull kitba tagħhom tiswa mitqilha deheb u jkunu ħfief imorru għall-istampa. Kull tip ta' kitba titlob sabar, attenzjoni u kuraġġ.Is-suċċess ma jiġix bix-xejn u mil-lum għall-għada. Għandhom joqogħdu attenti li ma jħallux kliem ta' inkoraġġiment jimlielhom rashom u jaħsbu li jkunu missew is-sema b'idhom. Fuq kollox għandhom iżommu qud-diem għajnejhom il-qawl li jgħid: il-qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel.

7 Pjanijiet għall-ġejjieni?

Li sakemm inkun niflaħ naqbad biro b'idi u ntanbar fuq il-kompjuter nibqa' sejjer bil-kitba bit-tama li xi darba jirnexxili noħroġha għad-dawl tax-xemx. Għandi ħafna kitba oħra, sew proża kemm poeżija, li għadha qed tistenna li taslilha din is-siegħa.

1 comment:

Keith Azzopardi said...

Patrick, ikkuntattjani fuq keithdjazz@gmail.com jk jogħġbok. Grazzi ħafna.