1. Dan huwa xogħol
estensiv dwar wieħed mill-poeti Maltin ewlenin tas-seklu 20. Kemm ħadlek żmien
xogħol bħal dan?
Ħames snin għar-riċerka u l-kitba, u
sena oħra għall-pubblikazzjoni. Ix-xogħol jinqasam fil-ġbir tal-materjal,
l-analiżi tiegħu, it-tisfija tiegħu u l-kitba.
Il-ġbir tal-materjal jieħu ħafna żmien.
Kien hemm dak li stajt immur infittex u nqalleb fl-arkivji u l-Bibljoteki. Ridt
naqra jekk jista’ jkun kulma kiteb. Sibt kitbiet bikrin tiegħu li kienu ntesew
jew mhux assoċjati miegħu peress li kien uża xi psewdonimi. Dawn ukoll fihom
battikata għax wara li tkun qallibt bosta ġurnali u gazzetti, tiskopri xi
psewdonimu li kien juża u jkollok terġa’ tibda tqalleb kollox mill-ġdid. Ma
nafx kemm-il darba kelli nqalleb mill-ġdid Il-Berka,
Il-Malti u bosta ġurnali u perjodiċi
oħra. Jien xtaqt li l-Bibljografija tkun kompluta u sħiħa kemm jista’ jkun
sabiex min ’il quddiem ikun jixtieq jistudja lil Karmenu Vassallo, isib
il-materjal kollu li kiteb jew li nkiteb fuqu.
Minbarra l-kitbiet ippubblikati,
Karmenu Vassallo kiteb ħafna ittri. L-epistolarju tiegħu fih studju fih
innifsu. Ġbart ’il fuq minn 400. Dawn ma jaqgħux mis-sema. L-ewwel irid ikollok
ħjiel ma’ min seta’ kellu korrispondenza. Imbagħad trid tikkuntattjahom, b’xi
wħud minnhom barra minn Malta. Hemm ittri daqskemm irnexxieli niġbor, li ntilfu,
fosthom ta’ patrijiet f’ordinijiet reliġjużi. Mhux kollha ħadu ħsieb jiġbru
bir-reqqa l-korrispondenza tal-patrijiet li mietu bħalma għamel Patri Ġorġ
Aquilina bl-ittri u l-kitbiet ta’ Patri Marjanu Vella. Kien bagħathomli
minnufih. Sibt diffikulatajiet bħal kull xogħol u kull bniedem ieħor u sibt
ħafna għajnuna wkoll fosthom mill-familjari tiegħu u xi ħbieb u kollegi antiki.
Dawn minbarra li tawni l-ittri għaddewli wkoll ħafna informazzjoni orali.
L-intervisti ma’ min kien midħla tiegħu kienu ta’ għajnuna kbira. Għaddewli
wkoll xi manuskritti bikrija ta’ kitbiet li qatt ma kienu ippubblikati, bħal
partijiet ta’ xi drammi. Dak iż-żmien Ġużè Cassar Pullicino kien qalli li kellu
żewġ ittri ta’ Vassallo lill-Perit Mintoff. Cassar Pullicino kien qalli li
minħabba l-kontenut li kien fihom ma setax jurihomli. Kien se jgħaddili kopja
tagħhom jekk niġi biex nippubblika ktieb. Sadanittant miet u qatt ma rnexxieli
narahom. Vassallo kellu ħabta jgħaddi ittri, manuskritti u kitbiet oħra
lill-ħbieb b’tifkira tiegħu. B’hekk għandu ħafna manuskritti mxerrda.
Pereżempju l-korrispondenza li kellu ma’ Ninu Cremona kien għaddieha lil Cassar
Pullicino li min-naħa tiegħu għeni ħafna u ħallieni nagħmel kopja tagħhom.
George J. Vella u Peter A. Caruana ukoll kellhom manuskritti ta’ Vassallo u
għaddewhomli wkoll.
Kont infittex kopji ta’ recordings.
Dawn imprezzabbli għax wieħed jista’ jisma’ lil Vassallo nnifsu jiddiskuti,
jiddibatti u jiċċara fehimtu dwar bosta temi. Kien hemm min għaddieli
intervisti privati li kien jagħmel lil Vassallo bħalma kien jagħmel Joe Saliba
tal-Awstralja. Il-Maltin tal-Awstralja għenuni ħafna wkoll. Dawn Maltin aktar
mill-Maltin li jgħixu f’Malta. Kien hemm min żamm kopja tal-intervista li kien
għamel lil Vassallo fuq ir-radju u għalhekk seta’ jgħaddili cassette.
S’hawnhekk tkun għadek lanqas bdejt.
Sempliċiment ksibt il-biċċiet biex toħloq mużajk. U xi biċċa nieqsa se ssib
ukoll iżda tibqa’ tippersisti, tfittex u ssaqsi ’l hawn u ’l hemm sakemm tikseb
l-informazzjoni.
Imbagħad trid tifli u tanalizza.
Torganizza l-materjal u l-informazzjoni kollha f’kategoriji, temi u perjodi.
L-aħħar parti hija l-kitba li trid iż-żmien tagħha wkoll. Kull kontenut għandu
bżonn forma. Wieħed irid jippreżenta xogħol akkademiku mingħajr ma jgerrex jew
jinfatam mill-qarrej reali.
2. Minn fejn bdiet
in-namra tiegħek ma’ Karmenu Vassallo?
Il-ġibda bdiet meta jiena kont għadni
l-iskola. Il-kitbiet ta’ Vassallo jibqgħu ċ-ċentru ta’ kull studju dwaru. Ġibidni
l-istil tal-kitba tiegħu, il-qawwa tal-kelma u s-sinċerità. Il-kitba tiegħu
minn dejjem kont naraha sabiħa.
Minbarra l-kitbiet tiegħu kont miġbud
ukoll lejn il-filosofija tiegħu, il-mod kif kien jibni argument, l-altruiżmu
tiegħu, u l-umiltà li kellu. Fuq kollox minn dejjem sibtu karattru uniku u
differenti. Moħħu dejjem sejjer, ma jieqaf qatt. Karattru li dejjem jagħrbel u
jiddibatti.
3. Qatt iltqajt
personalment mal-poeta tan-Nirien?
Darba meta kont tifel niftakarni
maz-ziju li kien imur jarah is-Siġġiewi iżda kont żgħir wisq. Vassallo kien
wiċċ familjari l-Belt peress li kien jaħdem hemm. Kulħadd, jew aħjar, kull min
kien midħla tal-ħajja kulturali, kien jaf min kien Karmenu Vassallo iżda meta
tkun għadek żgħir tħossok mistħi biex tmur fuq xi ħadd u taqbad tkellmu. Barra
minn hekk, fit-tfulija u ż-żgħożija ma tagħrafx il-perspettiva tal-ħajja li ’l
quddiem dik l-opportunità se tintilef.
4. Hemm xi ħaġa jew
ħwejjeġ komuni bejnek u bejn Karmenu
Vassallo?
Il-kuntest u l-kundizzjonijiet li
trabbejna fihom aħna huma differenti minn kif trabba Vassallo. Però meta kont
żagħżugħ kont ninkorla bħalu wkoll li l-bniedem ma kellu ebda għażla meta u
fejn jitwieled, biex se jimrad u jmut, jitwelidx qasir, twil, oħxon, irqieq,
sabiħ, ikreh eċċ. Min-naħa l-oħra hemm ukoll il-biża’ t’Alla. Illum jgħallmu li
Alla hu mħabba. Meta trabbejt jien, Alla kien Alla tal-biża’. Karmenu kellu
wkoll sens ta’ gratitudni, l-imħabba għall-annimali u r-rispett għal kull min
seta’ għamillu farka ġid. Bħal Vassallo nemmen li l-bniedem m’għandux għalfejn
jitkabbar għax illum jew għada nferfru tnejn u jitfgħuna ġo kaxxa – pulvis et umbra sumus.
5. Liema hija l-aktar
ħaġa li tolqtok fil-poeta mis-Siġġiewi? Liema ħaġa xtaqt tara mibdula f’rabta
mal-ħajja tal-poeta?
Vassallo hu dak li hu. Huwa uniku. Kieku kellu jkollu xi
element mibdul fih, jitlef l-awtentiċità u l-karattru tiegħu. Dejjem tgħallimt
li l-bnedmin li tħobb m’għandek qatt tipprova tibdilhom.
L-aktar ħaġa li tolqotni f’Vassallo hija l-profondità
tiegħu kemm f’kitbietu kif ukoll f’diskorsu. Ma naħsibx li hawn kittieb ieħor
Malti profond daqsu. Lanqas Dun Karm. Inġbidt lejn Vassallo għax minn ċkuniti
kont nara li s-sofferenzi tiegħu setgħu kienu l-weġgħat ta’ kulħadd. Vassallo
m’għandux limitu ġeografiku. Il-kitba ta’ Vassallo hija miktuba bil-Malti iżda
seta’ kien ġej minn kwalunkwe kontinent għax kien jibqa’ validu. Huwa poeta
dejjem u kullimkien. Vassallo huwa ċittadin tad-dinja kollha u lilhinn minnha
wkoll. Jitkellem u jiddibatti ma’ Alla bħallikieku kien qed jitkellem ma’
missieru. Vassallo jibqa’ ċittadin tal-univers.