Din hija blog li tikkonċentra fuq il-letteratura kemm Maltija kif ukoll barranija. Huma inklużi wkoll aċċenni għal ħwejjeġ interessanti marbutin mal-kultura. Ara wkoll il-blog tiegħi www.pagnawarapagna.blogspot.com għal reċensjonijiet u studji dwar kotba differenti.
Tuesday, July 12, 2011
Robert Gatt - zewg blogs godda u interessanti
Omar Seguna jniedi ġabra ta’ poeżija ġdida f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Poeti Maltin
Nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Lulju 2011, ġiet mitbugħa t-tieni ġabra ta’ poeżiji tal-poeta żagħżugħ u membru tal-Għaqda Poeti Maltin, Omar Seguna, bl-isem ta’ 24, Triq Ħad-Dwieli. Dan seħħ f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Poeti Maltin waqt Lejla apposta li saret fl-iSkola Sekondarja tas-Subien tal-Gżira fis-7.30p.m. Il-Lejla kienet immexxija mis-Segretarju tal-Għ.P.M., is-Sur Charles Magro, li fetaħ l-okkażjoni billi qara bijografija tal-poeta żagħżugħ. Huwa fakkar ukoll li din mhix l-ewwel darba li l-Għ.P.M. għenet fit-tnedija ta’ pubblikazzjonijiet miktubin minn poeti membri tagħha. Waqt is-serata nqraw apprezzamenti kritiċi dwar din il-ġabra ġdida ta’ poeżiji minn Mario Attard u Patrick Sammut, li tkellmu dwar elementi tematiċi u stilistiċi rispettivament. Waqt is-serata kien hemm ukoll siltiet ta’ mużika fuq l-accordion mill-mużiċista Jason Bugeja. 24, Triq Ħad-Dwieli huwa ktieb li ħareġ flimkien ma’ cd li fiha wieħed jista’ jaqra, jisma’ moqrija u jara akkumpanjati minn videos u ritratti attraenti, il-poeżiji li hemm fl-istess ktieb. Dan huwa kunċett ġdid li jgħin lil dawk li mhumiex ħbieb tal-ktieb joqorbu lejn il-letteratura in ġenerali u l-poeżija in partikolari b’modi aktar moderni marbutin mat-teknoloġija tal-informatika. Lejn l-aħħar tas-serata tkellem ukoll is-sur Dorian Cassar tal-“Active Promotions”, li wera lil dawk preżenti l-proċess li wassal biex 24, Triq Ħad-Dwieli jsir ukoll xorta ta’ e-book. Is-serata ngħalqet b’diskors qasir mill-istess Omar Seguna li wara tkellem ma’ dawk preżenti u ffirma kopji tal-antoloġija poetika ġdida tiegħu. Min attenda għal din il-Lejla ta’ Tnedija fl-aħħar kien mistieden għal riċeviment żgħir li matulu kien hemm il-ħin biex membri tal-Għ.P.M. u nies oħra preżenti jitkellmu bejniethom u anki ma’ Omar Seguna.
Sunday, July 10, 2011
Intervistat Frank Zammit (Awstralja)
F’rabta mal-ġabra ta’ ħajku tiegħu Qwiel minn Fomm l-Imġarrab (Pubblikazzjoni taċ-Ċentru Malti La Valette, NSW, 2010)Frank Zammit twieled Għawdex fl-1944 u trabba l-Marsa. Emigra lejn l-Awstralja fl-1965. Studja f’livell terzjarju f’oqsma bħalma huma l-amministrazzjoni u l-ġurnaliżmu u sa minn kmieni ħabrek għat-tagħlim tal-Malti, l-aktar fost it-tfal u ż-żgħażagħ. Huwa membru tal-Akkademja tal-Malti, awtur ta’ pubblikazzjoniiet differenti u ko-awtur ta’ għadd ta’ antoloġiji f’Malta u fl-Awstralja. Huwa awtur, traduttur u xandar ta’ bosta kitbiet, artikli u dokumenti governattivi fl-Awstralja, u fundatur tal-Għaqda Kulturali Maltija ta’ NSW. Għamel xi żmien jgħallem fil-Kulleġġ ta’ De La Salle fil-Kottonera u jħobb iżur lil art twelidu regolarment.
1. Frank Zammit u l-volum tal-poeżiji tiegħu Bejn Żewġ Gżejjer. Ma’ xiex jiltaqa’ l-qarrej ta’ ġabra bħal din?

Il-ġabra tal-ewwel poeżiji tiegħi (1957-1995) Bejn Żewġ Gżiriet, mhi xejn ħlief djarju ta’ dak li laqatni f’ħajti matul dak iż-żmien. Il-biċċa l-kbira kienu esperjenzi personali u l-bqija riflessjonijiet ta’ dak li kien qiegħed jiġri madwari u madwar id-dinja fl-istess żmien. Ktibt l-ewwel poeżiji meta kelli tlettax-il sena u li kien għalija dawk tal-bidu ma kontx nippubblikahom li ma kenitx l-insistenza tal-ħabib tal-qalb tiegħi, il-mibki Valentin V. Barbara, li ndenja ruħu jħejjili dan ix-xogħol ta’ seba’ mitt paġna bil-kompjuter, lest għat-tbigħ.
2. Bosta snin wara ppubblikajt il-ġabra ta’ 1100 ħajku. Minn fejn twieldet din il-ġibda lejn dan il-ġeneru?
3. X’għandu l-ħajku li l-poeżija m’għandhiex?
Għalija l-ħajku jiddifferixxi mill-biċċa l-kbira ta’ forom oħra ta’ poeżija billi jagħti aktar xogħol lill-qarrej; għaliex kull qarrej ikollu jfittex hu nnifsu x’hemm aktar wara dawk is-sbatax-il sillaba. L-awtur jagħti biss ħjiel. U aktar minn hekk, qarrejja diversi jistgħu jinterpretaw l-istess ħajku differenti minn xulxin, u kultant anki bil-maqlub ta’ dak li kellu f’moħħu l-awtur!
4. Tinħass sewwa r-rabta tiegħek ma’ Malta minkejja li ilek snin sħaħ tgħix fl-Awstralja. Xi tgħid dwar dan?
Ir-rabta ta’ Malta twieldet u trabbiet miegħi. Għalija hija ħaġa naturali li wieħed iħobb lil art twelidu. Iżda nammetti wkoll li bħala emigrant kelli l-opportunità u l-vantaġġ li nħares mill-bogħod lejn Malta u nirrifletti aktar fil-fond sakemm irrealizzajt li fiċ-ċokon tagħha, Malta, mhux m’għandhiex minn xiex tistħi, iżda għall-kuntrarju, għandha wisq biex tiftaħar, kemm storikament kif ukoll kulturalment u ġeografikament u fuq kollox għax għandha l-akbar wirt nobbli fl-ilsien ewlieni. Fix-xogħlijiet tiegħi wieħed sikwit isib kritika rigward politikanti u sistemi soċjali Maltin (u Awstraljani); iżda din mhix ġejja minn nuqqas ta’ rispett jew tmaqdir lejn art twelidi, anzi minn xewqa mħeġġa li l-qarrej jagħti sehmu biex in-nuqqasijiet jonqsu b’risq il-ġid ta’ niesi u l-ġieħ ta’ ommi Malta.
5. Liema huma dawk il-waqtiet meta tikteb il-ħajku? U fejn eżattament?
6. Temmen li l-ħajku fil-qosor tiegħu jista’ jilħaq l-universalità? X’tifhem eżattament bih terminu bħal dan?
Bil-kelma ‘universalità’ hawn nifhem ‘dwar kollox u għal kulħadd’. U hawn infakkar li ma kenitx l-intenzjoni tal-għorrief Ġappuniżi li ħalqu l-ħajku li dan jista’ jintuża għal kull suġġett; għall-kuntrarju, huma sawru lista sħiħa ta’ eċċezzjonijiet ta’ suġġetti u etika preskritta. Dawn maż-żmien twarrbu minn poeti barranin, u jien ukoll injorajthom fil-ħajku tiegħi. Iżda niddubita jekk il-ħajku hux għal kulħadd, għax jekk il-qarrej ma jkunx ippreparat jew kapaċi jipparteċipa attivament biex jimla l-vojt li ħalla l-awtur, ħafna drabi ma japprezzax il-valur tal-ħajku. Mela l-ħajku mhux għall-qarrej għażżien jew mgħaġġel.
7. Fit-titlu tal-ktieb hemm il-kelma “Qwiel”. X’għandhom in komuni l-qwiel u l-ħajku?
Il-kelma ‘qwiel’ hija l-plural ta’ ‘qawl’, li ġejja mill-verb ‘qal’. Mela ‘Qwiel’ fit-titlu tfisser x’qal Frank Zammit. Il-qwiel u l-ħajku jaqblu fil-qosor tal-espressjoni u fis-sottilità u l-metafora li sikwit jeżistu fit-tnejn. Kumbinazzjoni, Dr (Fr.) Victor Shields, MSSP, waqt li kien qiegħed iwieġeb xi mistoqsijiet mis-semmiegħa tar-Radju SBS, (billi kien għadu kif nieda żewġ DVD’s dwar il-qwiel qodma Maltin), xiħadd staqsieh kif qatt għad ħadd ma kiteb xi qwiel ġodda. Filgħaxija ċempilt lil Dr. Shields f’Melbourne u informajtu bil-ktieb ġdid fjamant tiegħi. Tgħidx kemm daħak u interessa ruħu u talabni nibgħatlu kopja. Ftit jiem wara ċempilli u qalli kemm ħa gost jaqrah u ħeġġiġni biex nikteb aktar.
8. Kemm tħoss li l-ħajku jadatta lilu nnifsu għall-ilsien Malti?
Jiena għandi fiduċja kbira fl-ilsien Malti u ma nara assolutament l-ebda żvantaġġ biex nużah għall-ħajku, anzi nazzarda ngħid li l-ħajku donnu nħalaq għall-Malti!
9. Kif laqgħu l-qarrejja tiegħek il-poeżiji tiegħek vis-a-vis il-ħajku tiegħek?
10. Tħoss li hemm rabta diretta bejn il-qosor, jew aħjar, il-konċiżjoni tal-ħajku, u d-dinja mgħaġġla tal-lum?
Naħseb li din il-mistoqsija diġà weġibtha biċċa biċċa fit-tweġibiet l-oħra t’hawn fuq. Ma naħsibx li l-ħajku huwa dak it-tip ta’ espressjoni li tista’ tagħtiha daqqa t’għajn u twarrabha, kif forsi tista’ tagħmel b’kitba oħra mingħajr ma titlef is-sens tagħha. Infatti hija proċedura internazzjonali li meta l-ħajku jinqara f’laqgħat letterarji pubbliċi, jinqara darbtejn wara xulxin, biex l-udjenza jkollha ċans tixtarr u tinterpreta l-kontenut individwalment. Mela l-fatt li l-ħajku jinkiteb f’forma konċiża, bl-ebda mod ma jfisser li dan sejjer joffri xi vantaġġ lil min m’għandux żmien ‘x’jitlef’ fil-qari! Wara kollox il-ħajku twieled fis-sittax-il seklu, meta l-ħajja ma kenitx mgħaġġla bħal-lum, speċjalment fil-Ġappun!
11. Proġetti għall-ġejjieni fil-qasam tal-kitba u l-pubblikazzjoni?
PATRICK SAMMUT
Saturday, July 09, 2011
Intervista mal-poeta żagħżugħ Stefano Farrugia

Jien u l-Kitba tal-Poeżija, Stefano Farrugia
Bijografija:
L-imħabba tiegħi lejn l-identità Maltija kibret miegħi minn ċkuniti, l-aktar l-ilsien Malti li hu l-qasam tal-istudju tiegħi, b’aċċenn fuq il-letteratura Maltija fil-firxa wiesgħa tagħha, u l-ħeġġa għall-kitba tal-poeżija kompliet ġibditni lejn din id-dinja għammiela u ħawtiela. Għalhekk ilqajt bil-ferħ l-istedina tal-Għaqda Poeti Maltin biex nissieħeb fiha, wara li kont diġà ġejt ippremjat f’żewġ edizzjonijiet tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija li hi ttella’ ta’ kull sena, permezz tal-poeżiji “Minjatura tal-Enimmi” u “Requiem għal Anġlu Martri” fl-2007 u fl-2008 rispettivament fejn kont ikklassifikat fit-tielet u t-tieni post. Xejn inqas meta ġejt aċċettat bħala membru tal-Akkademja tal-Malti aktar kmieni f’din is-sena. Fl-2009 kelli l-privileġġ li nkun ippremjat fl-ewwel u t-tieni post f’konkors ieħor imtella’ mill-istess Għaqda, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-ewwel ħarġa tal-ġurnal “it-Torċa” bil-Malti, permezz tal-poeżiji “Eliżir ta’ Mħabba Qalbiena” u “Solitarja Moribonda.” L-Għaqda għoġobha tippubblika wkoll xi xogħlijiet tiegħi fir-rivisti tagħha Versi u Leħen il-Għaqda Poeti Maltin, kif ġentilment għamlet anki L-Għaqda tal-Malti - Università li kont imsieħeb fiha, fost l-oħrajn permezz tal-ħarġa tagħha Leħen il-Malti, u għadd ta’ għaqdiet soċjali u mużikali Maltin, ewlenin fosthom iż-żewġ soċjetajiet fir-raħal tal-Imqabba li jien kburi li nifforma parti minnu għall-Istorja għanja tiegħu u l-kult kbir fit-twemmin tiegħu lejn il-grazzji tal-Madonna.
Mistoqsijiet:
1. Kif twieldet u żviluppat fik il-ġibda għall-poeżija u għall-kitba bil-Malti?
Illum meta nħares lura nirrealizza li l-poeżija kienet fija minn dejjem. Niftakarni nħarbex xi ftit versi ’l hawn u ’l hemm għal xi ġrajja li tinqala’, bħall-bidu ta’ millennju ġdid, kif ukoll għad-delizzji li kelli meta kont għadni ħafna iżgħar, bħaċ-ċelebrazzjoni ta’ festa jew oħra f’kamra fid-dar imlibbsa qisha knisja li llum nista’ biss inħares lejha mir-ritratti tal-imgħoddi. Kelli wkoll ix-xewqa li nsir naf aktar dwar il-metrika u s-sura tal-poeżija, l-aktar meta kont fis-sekondarja. Imma sa dak iż-żmien kont għadni m’iniex konxju għalkollox minn dan it-talent u kemm stajt nimraħ fih, sa ma dħalt fil-Kulleġġ De La Salle għall-istudju postsekondarju. Kien qorob il-Milied tas-sena 2002 meta wieħed mill-għalliema ddedikati li kellna ssuġġerielna niktbu storja jew poeżija qasira biex nirriflettu dwar ir-realtà tal-Milied għal nies differenti, kemm dawk li jistennewh bil-ħerqa għax iqanqlihom sentimenti sbieħ, kif ukoll dawk li jħossu ċerta diqa għax jiftakru f’xi memorji ta’ tbatija. Dak il-ħin ħassejt li dan kien il-mument li nikteb poeżija kif dejjem xtaqt u nuriha lil min seta’ japprezzaha, u l-inkoraġġiment li tawni l-għalliema u sħabi l-istudenti kien il-mutur biex inkompli nikteb bla ma nieqaf, tant li minn dak iż-żmien ma ħaristx lura u bqajt nikteb b’mod kostanti, hekk li f’dawn l-aħħar xhur bdejt ninteressa ruħi wkoll fil-kitba tal-proża, li wkoll kont ili nixtieq nindaga fiha.
2. Inti bħala kittieb żagħżugħ xi tgħid dwar ir-relazzjoni bejn iż-żgħażagħ Maltin u l-letteratura bil-Malti? X’hemm tajjeb, x’jista’ jitjieb?
Bħala kittieb żagħżugħ napprezza ferm il-kontribut ta’ persuni u entitajiet pubbliċi li qed jagħtu spazju għat-talenti tal-kittieba żgħażagħ u mhumiex fi gradi u livelli differenti permezz ta’ attivitajiet u inizjattivi ġodda. Dan hu kruċjali fid-dawl tal-fatt li Malta hi mogħnija b’nies ta’ talent f’oqsma varji tal-ħajja li jeħtieġ ikomplu jiġu megħjuna biex isarrfu l-ħiliet tagħhom bl-aħjar mod u jwasslu dak li għandhom għand kulħadd. L-arti tinsab f’kull wieħed u waħda minna, imma biex tissaqqa trid min jieħu ħsiebha u jindukraha kif inhu xieraq, u għalhekk inħoss li għad hemm lok għal aktar spazju u attenzjoni għal dawn il-friegħi, b’mod speċjali fil-mezzi tax-xandir li jistgħu jkunu ħolqa mill-aqwa biex dan l-għan jintlaħaq dejjem aktar aħjar, u b’hekk ikomplu jħeġġu aktar persuni li għandhom it-talent biex isiru konxji tiegħu u jkabbruh minn żmien għal ieħor għall-ġid tagħhom u tal-komunità kollha kemmi hi.
3. Liema huma l-forom li tħaddem u t-temi li tikteb dwarhom fil-versi tiegħek?
Il-forom li nħaddem ta’ spiss huma aktarx ta’ xeħta tradizzjonali, imma kultant inħobb nesperimenta wkoll b’forom oħra ta’ kitba biex nesprimi l-ħsibijiet tiegħi fuq it-temi li nkun qed nittratta, bħall-vers projettiv. L-aktar temi li jolqtuni huma dawk ta’ issa u hawn, jiġifieri dak li nkun għaddej minnu jien personalment, jew dak li nara u nisma’ fl-ambjent ta’ madwari fuq livell soċjali, lokali u internazzjonali. Għandi ħafna għal qalbi r-rima u l-ħsejjes tal-kliem. Għalhekk meta nikteb noqgħod b’seba’ għajnejn għal kull kelma li nuża billi nisma’ l-ħoss tagħha u nosserva kif tinstema’ fil-kuntest tal-kitba sħiħa. It-temi jvarjaw minn dawk spiritwali, reliġjużi u devozzjonali li wħud minnhom niktibhom għal festi jew avvenimenti partikulari, għal temi aktar lajki li madankollu fihom jista’ jkun hemm ukoll żerriegħa biblika jew dottrinali minħabba l-imħabba tiegħi lejn din id-dinja mimlija metafori u simboliżmu li sarraftha fit-teżijiet li għamilt fl-Università ta’ Malta għall-B.A. (Unuri) u l-M.A. bl-għajnuna tat-tuturi li ggwidawni f’kull tragward tal-ħidma tiegħi.
4 poeżiji ta’ Stefano Farrugia:
Minjatura tal-Enimmi
Qatra wara qatra, id-dmugħ iġelben
Mal-wied tal-ħajja għatxana għal elf għaliex,
Iterraq solitarju f’baħħ il-ħemda,
Jitkagħweġ f’ħalq in-nar li ma ntefiex,
U d-dmugħ iroddli l-karba mat-tifkira,
Joftomni mill-arterji marradin
Tal-ġisem-dinja, mejjet u bla sura
W għajnejja tqal iħarsu bajdanin
Lejn l-ibħra, li jkellmuni fis-silenzju,
Jgħarrfuni bit-tniġġis ta’ ruħ l-għawwiem
Li niżel jogħdos f’ħajtu misterjuża
U sab fit-trab ix-xejn li mlieh bis-sliem.
09/08/2007
Requiem għal Anġlu Martri
Tinstema’ l-protesta vibranti
f’foresta ta’ oqbra mbajdin,
tirtema fl-abbiss tax-xenxilli
fil-lejla tal-oqmra mdallmin.
Jinstema’ t-theżżiż tal-muntanji
f’ormonju li tneżża’ l-qawwiet,
jinħema fil-kenn tal-koralli
fis-sakra tat-telf tal-ħajjiet.
Qed nisma’ bħal ħoss ta’ tarbija
f’mortwarju li fetaħ dirgħajh,
ħa joħnoq żerniq mingħajr skrupli
fil-bħajra li nifed minn rajh.
U tisma’ bħal leħen ta’ mara
f’kalvarju li nesa l-qawmien,
imġiżża bil-frosta tal-ħtija
fil-kmajra li rat it-telfien.
Jinstema’ bħal għana ta’ ġenna
f’sakrarju li jdawwal l-erwieħ,
u l-anġlu meħlus mill-martirju
fis-sema jittajjar rebbieħ,
Jistenna li jħaddan lil ommu
f’xenarju li qatt ma jsib tmiem,
fejn ebda lament ma jinstema’
u l-għabex ifittex is-sliem.
23/01/2008
Solitarja Moribonda
Fuq is-sodda ta’ mewtha waħedha
qed tistenna s-sentenza bla jedd,
taħseb f’kulm’ għadda minnha f’ħajjitha
u fuq ġbinha minqux il-verdett.
Fuq is-sodda ta’ mewtha waħedha
tisma’ l-passi frakassi resqin,
ritratt kiesaħ ta’ qabar mistoħbi
jittawlilha mit-twieqi mbexxqin.
Fuq is-sodda ta’ mewtha waħedha
tħoss il-fakra fid-dawl tal-musbieħ,
ftila tnemnem taħjilha ġisimha
bla ma tista’ ssib ftit tal-mistrieħ.
Fuq is-sodda ta’ mewtha waħedha
tilmaħ ruħha stampata fi ktieb
b’paġni tqal li jidbielu w jisfaru
u jindifnu fit-tajn tal-miżieb.
Fuq is-sodda ta’ mewtha waħedha
mingħajr vjatku li jsabbar ir-ruħ,
mingħajr daqq mill-qanpiena tan-niket,
taħt għajnejha jitfannad id-dmugħ.
Fuq is-sodda ta’ mewtha waħedha,
f’kjostru-mostru min jaf kemm stenniet
li tinħareġ għall-beraħ tad-dinja,
’mma ġo qalbha lkoll siktu t-tamiet.
Fuq is-sodda ta’ mewtha waħedha,
il-kampanja li nqerdet biż-żmien,
tibqa’ biss f’moħħ mikdud ta’ poeta
krematorju li darba kien ġnien.
08/12/2008
Eliżir ta’ Mħabba Qalbiena
Ħarsitna lejn ix-xefaq madriperla
li kibes bid-demm jgħajjat tal-ulied
fi gżira tarmi l-ġmiel bħall-isbaħ perla
li tixgħel bit-tifkira tal-ġrajjiet.
Għanjitna tixhed l-għaqal ta’ dawn ħutna,
ħaddiema kemm tal-pinna, kemm tal-id
li ħadmu u ħabirku biex lil xtutna
jagħtuhom biss is-saħħa fit-taqbid.
Xeddew korazza tilma bil-qlubija,
meddew idejhom tarka għall-mestier,
rabbew ġenerazzjoni waħdanija
li sarrfet dak li wirtet b’xogħol sinċier.
Mill-ġid li xettlu fostna bi bżulithom
illum qed naħsdu frott il-għerq divin
hekk kif f’kull lotta kiefra ta’ ħajjithom
rebbħithom l-arma safja tat-twemmin.
Mix-xejn fittxew li jsawru meravilja,
ma waqfu qatt jissieltu għall-għarfien,
bil-ħila u bl-għerf tagħhom sabu l-milja
fil-kisba tant mixtieqa tal-ħelsien.
F’għemilhom tidher artna bħal bandiera
tixxejjer tul in-nhar u tul il-lej’
u demmhom jibqa’ jbaqbaq bħal f’minjiera
ħa jgħajjex lill-ulied fiż-żmien li ġej.
Niddakkru minn dawn ħutna jeħtiġilna
fl-imħabba lejn il-ġens tagħna l-Maltin
w filwaqt li nġeddu l-ħalfa li għamilna
nitolbu ’l Alla jżommna magħqudin.
07/07/2009
Saturday, June 25, 2011
Wednesday, June 15, 2011
A poem by Teresinka Pereira

Monday, June 13, 2011
Tifkira tal-poeta Rev. Mons. Amante Buontempo f’għeluq is-seba’ snin minn mewtu

Fil-21 ta’ Ġunju 2011 jitfakkar is-seba’ anniversarju mill-mewt tar-Rev. Mons. Amante Buontempo. Huwa kien il-fundatur u l-President tal-Għaqda Poeti Maltin, imwaqqfa fl-1975, u aktar tard il-President Onorarju tal-istess Għaqda. Jiena kelli x-xorti niltaqa’ miegħu xi tliet darbiet id-dar tiegħu stess fi Triq San Pawl il-Belt Valletta. Kien ikun dejjem imdawwar bil-bosta kotba li kienu tant għal qalbu u kien il-gost tiegħu jitkellem għal ħinijiet twal ma’ żgħażagħ bħali (għallinqas hekk kont dak iż-żmien!) dwar kull tip ta’ suġġett. Kien bniedem ta’ kultura vasta, ta’ prinċipji sodi u ħsibijiet ċari, anki jekk ta’ aktar minn 80 sena.
Amante Buontempo twieled l-Isla fil-15 ta’ Ottubru 1920, iżda ħa l-ewwel trobbija tiegħu f’Bormla fejn għex flimkien ma’ familtu sakemm kellu 18-il sena. Wara marru joqogħdu l-Belt Valletta u waqt il-gwerra x-Xagħra, Għawdex. Ta’ erbatax-il sena daħal is-Seminarju u aktar tard studja wkoll fil-Vatikan. Kien membru tal-Kunsill tax-Xirka għat-Tixrid tal-Ilsien Malti. Kiteb diversi poeżiji bil-Malti, bit-Taljan u bl-Ingliż li jibdew sa mill-1940, u dan għamlu biex iwassal ħsibijietu barra minn art twelidu. Il-poeżiji tiegħu dehru fil-gazzetti Maltin kollha f’kull żmien. Kiteb ukoll xi drammi żgħar u novelli bil-Malti li s’issa għadhom ma ġewx ippubblikati. Id-dramm Il-Kuraġġ ta’ Missier huwa maqsum fi tliet atti, u qisu awtobijografija tal-awtur innifsu moħbija wara bosta xbihat, episodji u ġrajjiet li huma u jinqraw jinħass li hemm ħafna verità, il-ħajja nnifisha ta’ familja li għaddiet minn bosta tiġrib u inkwiet.
Il-għalqa li fiha ħadem l-iżjed hija dik tal-poeżija. Fil-librerija personali tiegħi għandi għaxar antoloġiji poetiċi miktuba minnu fit-tliet ilsna marbuta ma’ gżiritna (fosthom Ġejt imsejjaħ - 1967, Si vis pacem cane semper - 1973, Wishful thoughts - 1975, Lacrime di speranza - 1977 u Mix-xquq ta’ qalbi - 1987), u fis-sena 2000 huwa kompla jagħni l-produzzjoni tiegħu permezz ta’ ġabra poetika oħra bl-isem ta’ Quid Retribuam? li tiġbor fiha mal-150 poeżija bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan, flimkien ma’ ittri u noti qosra li jixħtu dawl fuq il-mixja tiegħu jum wara jum l-aktar mis-Snin Disgħin ’l hawn. It-temi li nsibu fi Quid Retribuam? huma bosta: storja personali u familjari, l-aspett soċjali u storja kontemporanja ta’ Malta; fidi u reliġjon; il-mewt u l-aspett eleġijaku; il-poetika u ż-żmien.
Kiteb ħafna versi ddedikati lill-Madonna, fosthom sunett bl-isem ta’ Sultana tal-paċi u poeżija bit-Taljan Regina Apostolarum (1968). Kien il-fundatur tal-Għaqda Poeti Maltin li twieldet fl-1975. L-Għaqda hija frott tal-ħidma qawwija li wettaq l-istess Buontempo flimkien ma’ għadd ta’ nies iddedikati li ħadmu qatigħ fuq bażi volontarja. L-għanijiet tal-Għaqda għadhom sal-lum dawk li xxerred il-poeżija f’Malta u barra minn Malta, tgħin lil ħaddieħor jifhem u japprezza l-vera poeżija, bir-responsabbiltà li teduka u tuża l-poeżija bħala mezz biex ikun hemm ċittadini tajbin u kolti. L-Għaqda torganizza l-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija kull sena, u ttella’ minn żmien għal żmien attivitajiet soċjali u kulturali. Fl-imgħoddi kienet torganizza l-avveniment internazzjonali tal-Premio Città di Valletta li għandu rikonoxximent mill-ogħla Awtoritajiet Maltin u li kien jingħata kull sena lil artist Malti li jkun iddistingwa ruħu fl-għalqa artistika tiegħu flimkien ma’ numru ta’ letterati u artisti Taljani. L-Għaqda toħroġ ukoll ir-rivista Versi, u kull tant żmien kotba bħal Diwi fl-ispazju (1975-1985), Msiebaħ Mediterranji (1975-1995), Riflessi Fiddiena (2000) u Arkadja (2004). L-Għaqda torganizza wkoll Serati ta’ Ġieħ, fosthom il-lejla mużiko-letterarja li fl-1994 ingħatat b’ġieħ Ġużè Chetcuti f’għeluq it-tmenin sena tiegħu.
Amante Buontempo kiteb bosta poeżiji ta’ imħabba patrijottika u ta’ ispirazzjoni reliġjuża. Ironikament, bħal kif jiġri bosta drabi fost il-poeti, għal Buontempo żmien il-gwerra serva bħala ispirazzjoni għall-kitba tiegħu. L-ewwel żewġ kotba ta’ poeżija kienu Ġejt imsejjaħ (1967) u Irbaħt (1968). Minkejja li huwa wieħed mill-poeti Maltin li kitbu qatigħ bi tliet ilsna, rebaħ bosta premjijiet fl-Italja kollha u f’bosta pajjiżi oħra, u attenda għal bosta kungressi dinjin dwar il-poeżija, għadha qatt ma saritlu l-wirja ta’ kitbietu. Huwa kien jistqarr li huwa magħruf aktar barra minn xtutna milli f’Malta stess li qatt ma radditlu l-ġieħ li jistħoqqlu. Ħafna mill-poeżiji tiegħu għandhom sfond politiko-soċjali u dan għamlu aktar bħala qassis li jkollu qalbu muġugħa minħabba min ikun offenda b’xi mod il-Knisja. Poeżiji bħal dawn huma reazzjoni ta’ poeta għal dak li jkun qed jiġri jew jingħad madwaru.
Bħala President ad vitam tal-Għaqda Poeti Maltin Buontempo dejjem kiteb fil-fuljett Leħen il-Għaqda Poeti Maltin. F’Marzu tal-1997 appella biex il-membri tal-kumitat u l-membri ġenerali jirsistu biex jagħmlu mill-aħjar tagħhom ħalli jmexxu lill-Għaqda ’l quddiem. F’Dicembru tal-istess sena kiteb li l-poeżija “hi ikel bnin ta’ l-intellettwali, mediċina tal-morda fil-qasam soċjali, sfog u serħan tal-imdejqin... Fuq kollox il-poeżija vera tferraħ u thenni mhux biss lill-poeti li jiktbuha, imma wkoll lil dawk li mhumiex poeti, lill-mexxejja tal-popli, li għandhom bżonn l-aħjar ikel, li jżommhom ’il fuq mit-tajn u mill-ħmieġ tal-inġustizzja... Il-poeta m’għandux jorqod... hu osservatur ta’ kulma jiġri f’kull qasam tal-ħajja”. F’Settembru 1998 kiteb hekk: “Il-poeżija m’hijiex ħajja fl-istorja biss li tfakkarha, iżda wkoll f’kull poeta li għadu jista’ joħloqha, kemm illum u kemm fil-ġejjieni. JUM IL-POEŻIJA jitfakkar biex il-poeti ma jinsewx li l-poeżija għad għandha potenzjal li jista’ jtejjibha u jwassalha fi qċaċet li qatt ma jintlaħqu... Jum il-poeżija m’għandux jitwaħħad ma’ jum xi poeta, li għax twieled għad jikber u jmut, ukoll jekk jixjieħ; iżda l-poeżija ma tixjieħx u ma tmutx sakemm jibqa’ min jiktibha”. F’Versi tal-1997 kiteb hekk: “Li kieku jiddependi minni ma niffissax jum wieħed għall-poeżija, imma s-sena kollha, u flok jum kont insejjaħlu “Żmien il-Poeżija”... għax hu minnu tassew dak li jgħid Kohelet fil-Kitba Mqaddsa, meta jelenka d-diversi żminijiet tat-twelid u tal-mewt, tat-tħawwil u tal-ħsad, tal-qtil u tal-fejqan... kull wieħed minn dawn il-waqtiet hu għajn ta’ ispirazzjoni għall-poeta”.
Kitbietu f’forma ta’ poeżiji dehru wkoll regolarment fir-rivista Versi. Fosthom insibu Kieku ma żammejtnix (1996), poeżija li kiteb f’għeluq il-ħamsin anniversarju tiegħu bħala reliġjuż; Inqastek wisq, Ħabib (1998), eleġija li nqrat fi tmiem il-Quddiesa tal-funeral ta’ Br. Michael, membru onorarju ieħor tal-Għaqda; Natale 1992 (1999), poeżija msejsa fuq kwartini b’rima mqabbża; u Lil Ġorġ Pisani (wara mewtu) (1999), saffika. Poeżiji oħra ta’ Buontempo jinsabu fl-antoloġija Msiebaħ Mediterranji (1995): f’Min naqqas ġieħ il-mara? jikteb b’ċerta qawwa dwar l-abort, il-prostituzzjoni u l-kontraċettivi li waqqgħu fil-baxx ġieħ il-mara; f’Inbiddlu kollox! jikteb b’ironija dwar il-mezzi tal-komunikazzjoni li ma jwasslu xejn ħlief gideb, vjolenza sensazzjonaliżmu u aħbarijiet irħas; Xewqat bla temma hija għajta favur it-tixrid tal-“kultura tal-ħajja” u kontra l-kultura tal-gwerer, il-materjaliżmu u l-abort. Fl-aħħarnett Ipokrisija ambjentali hija poeżija b’messaġġ soċjali ieħor: Amante Buontempo jrid “ambjent nadif biex jaqdi l-bniedem”. Ir-rwol ta’ Buontempo f’dan il-ktieb kien ukoll dak ta’ traduttur mill-Malti għat-Taljan.
Xi wħud mill-aspetti li jixirfu fil-versi ta’ Buontempo.
L-aspett soċjali:
It-tema li taħkem l-aktar fi Quid Retribuam (2000) hi bla dubju dik soċjali. Hemm mill-inqas 50 poeżija li jittrattaw dan l-aspett li jista’ jinqasam fi tliet kategoriji: Malta; l-Italja; u d-dinja in ġenerali. Huwa evidenti li Amante Buontempo jsegwi regolarment dak li qed iseħħ madwaru u kważi kważi xejn ma jaħrab il-kumment analitiku tiegħu li jagħmlu permezz tal-poeżija. Għalhekk il-poeżiji tiegħu huma miżgħuda b’referenzi, ħsibijiet u kummenti dwar il-problemi li jolqtu lis-soċjetaċ moderna bħall-Aids, l-abort, id-droga li ġġib firda fil-familja, il-korruzzjoni, it-terroriżmu, il-piena kapitali, id-divorzju, il-prostituzzjoni, l-infedeltà, it-tfal li qed imutu bil-ġuħ, jew dawk mibgħuta għall-gwerra, jew il-kummerċ tal-minorenni u l-pedofilija, id-differenzi bejn il-klassijiet soċjali, il-kriminalitaċ u l-gwerra (bħal dik li għaddejja fl-Alġerija jew l-ex-gwerra ta’ Sarajevo u fl-Albanija) u t-theddida nukleari.
Ma’ dan kollu jintrabtu poeżiji bħal Massacrati in Algeria fejn Buontempo jikteb: “Le tante guerre inutili,/ che stan lasciando morti/ su terre ormai distrutte,/ spingon fratelli all’odio”; I gesuiti chiedono perdono, fejn jistaqsi: “Non sarebbe meglio/ conoscere i perché di guerre interne,/ che stanno sconvolgendo la Politica?”; f’The language of my heart jikteb kontra n-nukleari: “And saner are mad cows than many men:/ who, knowing the effects of Chernobyl,/ still keep their nuclear experiments”. F’Alle soglie del duemila joħodha qatta bla ħabel kontra dawk li, fuq ir-radju u t-televiżjoni u fil-ġurnali, bi prużunzjoni kbira jħalltu l-libertaċ mal-permessivitaċ u x-Xjenza mal-Fidi, filwaqt li f’Famine or slavery jikteb “The world is in decay”, u jistaqsi x’inhu l-aħjar, jekk hux li t-tfal imutu bil-ġuħ jew jinbiegħu bħala skjavi?
Il-qarrej tal-versi ta’ Amante Buontempo jrid jammetti li dal-poeta-qassis li għex parti kbira mill-ewwel nofs tas-seklu għoxrin u għadu jikteb sal-ġurnata tal-lum jaf ikun kontroversjali, anki għaliex ħaġa waħda mal-preċetti tal-Knisja. Basta wieħed jaqra versi bħal What a horrid world! u Min naqqas ġieħ il-mara?
Hawnhekk joħroġ b’saħħtu Buontempo bħala moralist u difensur tat-tajjeb. Dawn il-problemi kollha jnisslu vojt fil-bniedem proprju għaliex ma ħalliex post għal Alla. Hekk jikteb f’Hemm Alla llum ukoll!:
“Fittixt it-tajjeb: sibt il-ġenn tal-ħżiena!. . .
Sakemm ma nfittxux ’l Alla f’kull għemil,
insibu gwerer biss u serq u qtil!”
Anki f’We’re soldiers of true peace ixidd il-libsa ta’ dak li jiġġieled favur il-Paċi u l-Ġustizzja, filwaqt li jikteb: “’No War’ is not true Peace, but in the Arts,/ the best that come from pure and loving hearts!”. Huwa interessanti li t-tifsira ta’ dak li jrid jgħid Buontempo toħroġ aħjar fil-verżjoni Taljana tal-istess poeżija li ġġib l-isem ta’ Siamo soldati della pace vera: “’Non Guerra’ non vuol dire pace vera,/ ma i grandi artificieri della Pace/ sono i maggiori delle Belle Arti:/ i Poeti, che il mondo ascolta e tace!”. Mela huma l-poeti li jistgħu jagħtu kontribut siewi favur il-paċi.
Referenzi għal personaġġi differenti:
Dawk ta’ Buontempo m’humiex versi maqtugħin mir-realtà kif diġà ntwera hawn fuq. Huma mimlija b’referenzi għal personaġġi importanti ta’ statura internazzjonali. Il-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni huwa figura rikurrenti fil-versi tiegħu. F’Il vero paparazzo jikteb hekk dwar Lady Diana: “Fu bella e dolce ed esemplare amica/ dei poveri e malati in tutto il mondo”. Lil Gorbachov isejjaħlu “squisito sognator della ‘preistoika’” fi Questo pazzo pazzo mondo! Isemmi ukoll żewġ każi li qajmu skandlu bħal sexgate f’For heaven’s sex, u ż-żwieġ pirata tal-kardinal Milingo f’Another Church’s triumph. Personaġġi kontemporanji oħra msemmija fil-poeżiji ta’ Buontempo huma Thacher (“la donna, ahimè, di ferro”), Sgarbi (“che non vede che ignoranti/ tra ladri e mascalzoni del passato/ nel mondo dei politici presenti”), Falcone u Borsellino, żewġ maġistrati li għax għamlu xogħolhom u ġġieldu kontra l-Mafia sfaw maqtula minnha stess.
Storja personali:
Il-versi ta’ Amante Buontempo jitfgħu bosta dawl fuq l-istess ħajtu. A fugitive eternal feeling tikxef l-għarfien tal-poeta li huwa qassis (“For I was born to serve, not to be served:/ since God has made me man to be a priest”), filwaqt li My fifty years of priesthood ifakkar il-ħamsin anniversarju minn meta ordna saċerdot. Is-saċerdozju huwa ppreżentat bħala triq twila li mhux kulħadd kapaċi jterraq sal-aħħar f’Kieku ma żammejtnix. Fi Xi trid minni, Mulej? jistqarr li “Is-saċerdozju m’hux bħal kemxa flus,/ li, jekk taħbiha sew, ħadd ma jikxifha./. . .dil-għotja jew tħaddimha jew titlifha!”.
Motiv personali ieħor li jirrikorri spiss fil-versi ta’ Buontempo huwa l-għarfien li l-mewt hija qrib. Dan jidher f’poeżiji u f’versi bħal Lil Pierre William f’jum l-għerusija tiegħu, fejn jikteb, “Għedt ‘forsi’. . .għax jien xjeħt u wisq ma fadallix”; Hekk jafu jħallsu n-nies!, fejn jikteb, “Bħal ħafn’oħrajn bħal donni għext nistenna/ li l-mewt ma tasal qatt bla qatt ma nsejtha”; u Ma tlabtek xejn għalija! fejn jistqarr, “Il-mewt qed tersaq lejja b’pass imgħaġġel;/ jekk trid, imsaħli d-dmugħ qabel ma mmut”. Welcome home, holy father!, miktuba għat-tieni miġja tal-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni f’Malta, Buontempo jistqarr li hemm bosta karatteristiċi komuni bejnu u bejn il-Papa msemmi:
“Holy Father, my heart is with yours:
we were born and ordained the same years.
Both are poets, and drink from same source:
You’re the Pope, I’m the humblest of peers”.
Tagħrif awtobijografiku ieħor insibuh f’poeżiji oħra bħal Il-Kunċizzjoni ta’ Bormla fit-Tarzna, fejn jikteb hekk: “jiena l-akbar fost ħdax mill-ulied”; “kont Int/ li nebbaħtli fiċ-ċokon is-Sejħa/ għall-qdusija li biha żżejjint” (hawnhekk qed jirreferi għall-Madonna), u “Kien fit-tarzna missieri li rabba/ tant ulied”. Buontempo jikteb ukoll dwar fatt li għadu jweġġgħu sal-ġurnata tal-lum, jiġifieri l-fatt li l-Maltin ma għarfuhx bħala poeta. Dan narawh f’Lil Malta tiegħi (“qisni għarib, barrani f’dar missieri”), u f’Art twelidi m’għarfitnix fejn jikteb hekk:
“Għarfuni truf l-irkejjen tal-kittieba,
li leħħnu ħsibijiethom qalb il-ġnus;
imm’art twelidi baqgħet mal-ħassieba
ma tafx ’l hemm jien ukoll li mlejtha vrus”.
Metafora simpatika nsibuha f’Qed nilgħab l-aħħar logħba, fejn Buontempo ta’ tmenin sena jimmaġina ħajtu bħala logħba futbol fl-extra time:
“Qed nilgħab l-aħħar logħba fl-“extra time”,
Tawwalli l-ħin mingħajr ma qalli b’kemm. . .
Il-ħajja logħba: tiegħi ta’ tmenin,
mhux ta’ minuti biss, ’mma ta’ snin!”
Il-mewt u l-eleġija:
Amante Buontempo poeta ma jibżax jikteb dwar il-mewt li bħal donnha kienet sieħba regolari tiegħu u għalhekk jittrattaha b’ċerta kunfidenza. F’Il-mewt ma tbeżżagħnix kien iħoss li l-mewt hija fil-qrib, imma jsib faraġ fil-fatt li huwa poeta (“Sakemm id-dinja fl-hemm tibqa’ tismagħni,/ la jien għannejt fid-dmugħ kważi kuljum,/ ħalluni bla tfixkil immut kuntent”). Buontempo jaf li fit-twelid stess hemm iż-żerriegħa tal-mewt. Dan jiktbu fi Tħallix, Mulej!: “Sikwit ħassejtha ’l bogħod il-mewt minn ħajti,/ għalkemm hi dejjem qrib ta’ min jitwieled”, u f’The seed od death: “Since men are born, ’t is life the seed of death,/ and dying the beginning of man’s life”. Il-mewt hija mifhuma bħala “il-waqt ta’ żmien is-serħ” f’Lin-neputi tiegħi Roberto, filwaqt li hija ppreżentata bħala sabiħa meta msaħħa mit-Twemmin (ara Kemm hi sabiħa l-mewt!).
Insibu wkoll għadd sabiħ ta’ eleġiji ddedikati lil persuni differenti bħal Ġużè Aquilina (“konna fl-istess żmien,/ infittxu l-ġieħ ta’ Lsienna kullimkien/. . . Ħabib tal-Malti kbir, għalliem setgħani,/ ma barrejt qatt u mkien ilsien barrani/. . . wieħed mill-aqwa wlied ta’ dawn il-Gżejjer”); Bro. Michael Buttiġieġ (“ħabib kbir tal-Poeżija w tiiegħi. . . Il-qalb li tħobb u l-moħħ imnebbaħ bl-għana/. . . għamluh għalliem u ħabib kbir t’eluf”); Ġorġ Pisani (“Int bħal kull wild temmejt iż-żmien ta’ ħajtek,/ ‘mma jibqa’ wirtek”); u Wallace Gulia (“Għax kont poeta, kont ħabib is-Sewwa”).
Stil ta’ kitba u teknika:
Minkejja li poeta kontemporanju, Amante Buontempo ta’ Quid retribuam? stilistikament jintrabat mal-metrika u mal-prosodija tal-ewwel nofs tas-seklu 20. Ma ninsewx però illi Buontempo ħaddem ukoll il-vers ħieles f’ġabriet poetiċi oħra minn tiegħu. Bħala tul ta’ strofa taħkem il-kwartina bir-rima mqabbża u l-vers maħlul li jissejjes fuq il-vers riflessiv tal-endekasillabu. F’poeżiji oħra jħallat it-terzini mas-sestini, u l-ottavi mal-kwartini, jew il-kwartini mat-terzini biex spiss jispiċċa b’distiku finali (żewġ versi li jirrimaw bejniethom li jtemmu l-poeżija). Forom metriċi oħra mħaddma minnu huma s-sunett kemm Taljan kif ukoll Ingliż. Bħala versifikazzjoni, b’mod ġenerali, apparti l-endekasillabu jħaddem ukoll is-settenarju u d-dekasillabu. Lessikalment jixrob minn bosta għejun: minn dak morali u reliġjuż sa dak legali, xjentifiku u ġurnalistiku.
Referenza testwali li tkompli tippreżenta tajjeb lil Mons. Amante Buontempo poeta hija meħuda minn Quando non puoi dormire, fejn jiddefinixxi ruħu bħala “un vecchio malsano che ha voglia/ di vivere ancora”. Iva, minkejja l-età tiegħu Buontempo wriena biċ-ċar li baqa’ luċidu u osservatur mill-aqwa, u dan bis-saħħa taż-żagħżugħ li baqa’ jħeġġeġ ġewwa fih sal-aħħar.
Għeluq:
Il-kontribut ta’ Amante Buontempo huwa bla qies minkejja li ismu s’issa ma jidhirx fl-antoloġiji poetiċi tal-mument. Forsi għad jasal żmien meta l-folja tinqaleb u xogħlu joħroġ għad-dawl u jingħata l-ġieħ li jixraqlu.
Patrick Sammut
