Saturday, September 27, 2014

INTERVISTAT MANUEL CASHA DWAR IS-CD Maltese Traditional Melodies (2013)

Twieled il-Birgu . Trabba l-Kalkara u emigra lejn l-Awstralja meta kellu 18-il sena fl-1963. Attenda l-Kulleġġ De La Salle f’Malta u Taylors College u Swinburne College of Technology fl-Awstralja. Segwa korsijiet oħrajn fil-kitba kreattiva, il-kitba tal-iskripts u l-kitba għat-teatru. Ippubblika l-ewwel ktieb tal-poeżiji tiegħu flimkien ma’ Joe Axiaq u Philip Camilleri bl-isem ta’ Bejn Vjagg u Ieħor. Il-poeżiji tiegħu dehru wkoll f’Irjieħ u Frott Ieħor. Daqq f’diversi gruppi ta’ mużika popolari bejn is-snin sittin u tmenin. Ipproduċa għadd ta’ albums mużikali għal artisti Maltin f’Melbourne u kiteb bosta kanzunetti għal artisti Maltin lokali. L-album tiegħu NEON hu magħruf qatigħ fost il-Maltin li jgħixu barra minn Malta. L-album tiegħu TILA li ħareġ flimkien mal-għannej popolari Frans Baldacchino “il-Budaj” kien l-ewwel inizjattiva komuni bejn Malta u l-Awstralja , fejn Manuel ħoloq u rrekordja  l-arranġamenti u Frans kanta l-lirika tiegħu flimkien mal-mużika. Manuel għadda dawn l-aħħar tletin sena jirriċerka dwar il-mużika indiġena tal-Għana u l-Prejjem, u ħareġ l-aħħar CD tiegħu Maltese Traditional Melodies fl-2013. Manuel ilu impenjat fi programmi tal-ilsien Malti fuq bosta radjijiet fl-Awstralja  għal dawn l-aħħar erbgħin sena.

 1.  X’ispirak biex tagħmel din il-ġabra ta’ biċċiet mużikali tradizzjonali?

Ili ngħix fl-Awstralja mis-sena 1963. Matul dan iż-żmien  kont involut fix-xena popolari lokali Awstraljana. Meta waqaft, ikkonċentrajt fuq il-Mużika Tradizzjonali Maltija.

L-ispirazzjoni li niġbor u nesprimi dawn it-temi Maltin kien mezz kif nuri, kif inwassal il-messaġġ tal-mużika Maltija f’dan il-kontinent. Imma mhux speċifikament għall-Maltin biss, għax il-wirt kulturali Malti, partikolarment il-mużika tradizzjonali tal-Għana u l-Prejjem, huwa mezz kif aħna l-Maltin nuru li aħna għandna x'noffru kulturalment u mhux biss hekk, imma l-mużika tradizzjonali tagħna fformat parti mill-iżvilupp tal-ħajja ta’ dan il-pajjiż mindu nfetħet l-emigrazzjoni mill-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija.  Aħna l-Maltin wasalna hawn bl-eluf wara li nfetħet l-emigrazzjoni għall-Awstralja u huwa importanti li nuru l-karattru kulturali tagħna flimkien ma’ nazzjonijiet oħra li ssetiljaw hawnhekk bħalna.

F'dak iż-żmien, it-taħlita multikulturali bdiet tħalli l-influwenzi tagħha għax bdew jidhru bosta tipi ta’ mużika minn kull naħa tal-Ewropa u aħna l-Maltin konna niffurmaw parti minn dan l-iżvilupp li llum biddel il-fibra tan-nazzjon Awstraljan. Imma għalkemm dawk id-dilettanti li kienu jħobbu l-kitarri Maltin flimkien mal-Għana Malti baqgħu jipprattikaw il-mużika li kienu jgħożżu fil-privazija tad-djar tagħhom, ma rnexxilniex noħorġu fil-beraħ u nuru l-wirt tagħna bħalma kienu qed jagħmlu nazzjonijiet oħra. Matul iż-żmien sar progress u llum anki għandna clubs fejn tista’ tmur tisma’ l-kitarri u l-għana imma nħoss li fix-xena mużikali popolari qatt ma rnexxielna nifirħu b'rixna, meta għanda tradizzjoni rikka u ta’ min jiftaħar biha.  

Kulma ppruvajt nagħmel fis-CD "Maltese Traditional Melodies"  huwa li nesprimi il-melodiji antiki li jeżistu fit-tradizzjoni Maltija tal-Għana u l-Prejjem u nippreżentahom f’dan il-kontinent b'mod li nispera li jappella mhux biss għalina l-Maltin imma għan-nazzjonijiet l-oħra li jħobbu l-mużika ġeneralment.

2.   Għal min hija mmirata din it-tip ta’ mużika fejn tlaqqa’ l-melodija u l-akustika? Kif tintlaqa’ mill-kbar u miż-żgħażagħ?

  Il-mużika fis-CD "Maltese Traditional Melodies" hija mmirata għal kull minn iħobb l-mużika u partikolarment il-ħoss xi ftit aktar universali u poplari tal-kitarri. Però ta’ min jgħid li dawk li jħobbu l-mużika tradizzjonali Maltija x'aktarx jindentifikaw mal-melodiji aktar, għax wara kollox apparti minn żewġ kompożizzjonijiet li għamilt bħala dedikazzjoni, il-kontenut huwa kollu ibbażat fuq melodiji fokloristiċi Maltin  partikolarment tal-Ghana u l-Prejjem. Numru ta’ Cd's jinsabu għand nies Awstraljani u nazzjonalitajiet oħra diversi għax wara kollox fit-temi tradizzjonali tagħna l-Maltin hemm influwenzi Ewropej u anki tal-Lvant Nofsani. Hawnhekk fl-Awstralja t-taħlita multikulturali hija qawwija għalhekk ma niskantax li l-appell huwa aktar universali.

Is-CD għaddejtha lill-kbar u liż-żgħażagħ. Nemmen li l-effett ta’ dawn il-melodiji fuq il-ġenerazzjojiet huwa differenti. Il-kbar japprezzaw ċerti kwalitajiet nostalġiċi li x’aktarx ifakkruhom fi żmienhom f’Malta;  allura hawn tidħol in-nostalġija, imma għaż-żagħżagħ din il-mużika toħodhom lejn l-għeruq tagħhom. Hawnhekk hawn numru ta’ kitarristi primi li twieldu f’dan il-kontinent u jħabbtuha mal-aħjar daqqaqa li kellna f’Malta. Bosta minn dawn huma wlied l-għannejja u l-kitarristi, imma dawn twieldu hawnhekk u l-influwenzi tagħhom huma tassew differenti minn dawk ta’ missirijiethom.

Lil dawn għaddejtilhom CD u għalkemm jien ikkonċentrajt li noħroġ il-qalba tal-melodiji tat-temi tal-prejjem Maltin, dawn iż-żgħażagħ kapaċi jimprovizzaw l-isbaħ prejjem li jinvolvu ċerti passaġġi tradizzjonali kumplessi. L-influwenzi ta’ dawn iż-żgħażagħ kienu influwenzati minn daqqaqa bħal Karmnu Kardona 'it-Tapp", Indri Brincat "il-Pupa", Lippu Gauci 'tal-Imqabba' u oħrajn.

Il-melodiji li użajt f’“Maltese Traditional Melodies” huma bbażati fuq id-daqq ta’ kitarristi leġġendarji li dejjem ammirajt, partikolarmet Indri Brincat "il-Pupa", imma kemm stajt ippruvajt noħroġ il-melodija għalkemm hemm ukoll xi improviżazzjoni ħafifa wkoll. Dawn m'humiex melodiji li kkomponejt jien, imma huma melodiji tradizzjonali Maltin li huma wirt kulturali tagħna. Naturalment l-arranġamenti li għamilt jesprimu d-daqq kif inħossu jien.

Rigward il-komunità Maltija ġenerali is-CD intlaqa’ tajjeb.

3.   Dik li għażilt hi mużika li tiġġenera sens qawwi ta’ nostalġija. Taħseb li hi apprezzata iktar l-Awstralja u barra minn Malta, jew Malta? Għaliex?

 Jista’ jkun li l-melodiji jiġġeneraw sens ta’ nostalġija għax jippreżentaw id-daqq nazzjonali tagħna. Nemmen li kull Malti, dilettant jew le tal-mużika tradizzjonali Maltija, iħoss ċertu tqanqil meta jisma’ l-melodija tar-"re minore", li fuqu jitkanta "l-Għana tal-Fatt". Ħafna Maltin jiftakru l-faxxikli li kienu jiġu ppubblikati fl-imgħoddi bir-rakkonti u l-fatti ta’ "L-Għarusa tal-Mosta", "Toni Bajjada" "L-Assedju l-Kbir", eċċ. Din kienet il-pop mużik ta’ dak iż-żmien. U hawn ta’ min ifakkar li l-ewwel diski li saru kienu diski tal-Ghana li kienu l-aktar mitluba f’dak iż-żmien.

Nemmen li d-daqq Malti huwa apprezzat ugwalmet, sewwa f’Malta kif ukoll barra minn Malta fejn jgħixu l-emigranti. Naturalment meta Malti jaghmel żmien ’il bogħod minn Art Twielidu t-tifsira ta’ affarijiet Maltin  issir aktar sinifikanti għalih/għaliha, imma nemmen li f’Malta l-imħabba lejn id-daqq Malti fost id-dilletanti u l-poplu ġenerali għadhom qawwija. Għalkemm għadha teżisiti ċerta stigma fis-soċjetà Maltija kontra l-Għana Malti, nemmen li l-melodiji tradizzjonali Maltin baqgħu l-aktar rappreżentattivi tal-poplu Malti. Eżempju ta’ dan kien ix-xogħol tal-maestru Charles Camilleri li ħa s-sugu tal-melodiji Maltin u pproduċihom b'temi klassiċi li sal-lum għadhom magħduda bħala kapolavur.

Ma ninsewx ukoll l-ewwel CD tal-Għana li sar f’Malta kien ta’ grupp ta’ għannejja u kitarristi Maltin, Frans Baldacchino 'il-budaj', Manwel Parnis, John Saliba 'ta’ Birżebbuġa', Karmnu Bonnici ‘il-baħri'. Dawn kienu taw numru ta’ preżentazzjonijiet f’Pariġi.

4.     Minn xiex inhu magħmul dan is-cd? Iddeskrivi fil-qosor il-biċċiet li għażilt.

Dan is-CD "Maltese Traditional Melodies" huwa ġabra ta’ bċejjeċ ta’ melodiji tradizzjonali Maltin, partikolarment meħuda mill-qasam tal-muzika tradizzjonali tal-Prejjem Maltin. Fl-espressjoni ta’ kif daqqejthom hemm numru ta’ elementi moderni, skont l-influwenzi tal-qasam ta’ minn fejn ġejt jien bħala mużiċista. Imma rigward il-melodiji Maltin, dawn huma dominanti fuq kull stil u jżommu id-dinjità tagħhom f’diversi esperessjoni u stil.

            1. FA TAN-NOFS TON: Din hija melodija li hija użata biex fuqha jitkantaw fatti u poeżiji. Anki dawk li m'humiex dilettanti tal-Għana Malti jagħrfu din il-melodija mal-ewwel noti tagħha.

            2.  RE MINORE "TAL-FATT": Din hija melodija li fuqha jitkantaw il-fatti bħal ngħidu aħna "L-Għarusa tal-Mosta". Wieħed mill-aħjar protagonisti ta’ dan l-għana kien Manwel Cilia li għad hawn records tiegħu fil-ħwienet tad-diski.

            3.  EJJA WENZU: Din hija dedika għall-għannej/kittieb/poeta/awtur Frans Baldacchino "Il-Budaj" li kien ġenju fil-qasam tal-mużika Maltija. Frans kien ħoloq karattru li kien jużah fuq il-programmi tiegħu fuq ir-radju li kien semmieh "Wenzu". Għal ċertu żmien Frans 'il-Budaj"tant kien jippreżentah b'sens realistiku li l-udjenza kienu jaħsbu li kien bniedem veru.

            Kif jaf kulħadd illum, Wenzu kien karattru fittizzju li kien ħoloq Frans 'il-Budaj". Matul iż-żmien ħloqt din il-biċċa mużika bi stil Bluegrass bħala tislima għal Wenzu. Frans il-Budaj kien ħabib u kollega. Il-memorja tiegħu tgħix miegħi għal tul ħajti.

            4.   "LANCA ĠEJJA U OĦRA SEJRA" hija melodija li llum tifforma parti mill-folkor Malti avolja    għandha influwenzi Ewropej.

            5.   PINTO LANE hija stil Country and Western u kienet it-triq li kien jgħix fiha l-kitarrist prim leggendarju Indri Brincat 'il-Pupa". Indri kien l-ispirazzjoni tiegħi għall-mużika tradizzjonali Maltija. L-ewwel darba li smajtu kelli biss seba’ snin. Wara numru ta’ snin kont iltqajt miegħu u intervistajtu għal bosta sigħat.  Indri kien l-idolu tiegħi fid-daqq tradizzjonali Malti. Kull meta kont inżur Malta kont immur bosta drabi Pinto lane fejn kien jgħix u jaħdem Indri Brincat 'il-Pupa".

            6.   LIL BAMBINU  take 1: Din hija dedika għal Mikiel Abela 'il-Bambinu" li tant ta kontribuzzjoni qawwija lill-Għana Malti permezz tal-Għana u l-Fatti tiegħu. "Il-Bambinu" kien ħare bosta diski li għadhom fl-idejn sal-lum.

            7.   L-GĦANJA TAS-SUFFARA  ħadet isimha minn għanja politika li kienet ħarġet kmieni fis-snin sittin fl-eqqel tal-battalja Politiko-Religjuża ta’ dak iż-żmien. Il-melodija kienet diġà dehret     fuq diska ta’ Manwel Mercieca 'is-Simmenza" li kien jisimha "Tifħir lil Malta" imma darba reġgħet ħarġet b’suġġett politiku fis-snin sittin, fejn l-għannej magħruf bħala "il-Papa" għanniha b'tema politika, l-għanja baqgħet magħrufa bħala "l-Għanja tas-suffara".

            8.   IL-ĦANUT TA' DWINU: Din il-għanja meħuda mit-tema prinċipali ta’  kummiedja mużikali li kont ktibt ghall-Maltese Performing Arts Association hawn f’Melbourne. Din ġiet ippreżentata fil-Lithaunean Theatre f’Melbourne għall-ewwel darba u kienet ta’ suċċess. Aktar tard kienet reġgħet saret fil-Maltese Cultural Centre , f’Albion, għal darb'oħra b’suċċess u attendenza massima.

            9.   IŻ-ŻEJTUN: Iż-Żejtun huwa magħruf bħala l-qalba tal-Għana Malti. Dan ir-raħal ipproduċa ħafna mill-aħjar għannejja u kitarristi leġġendarji. Din hija dedika speċjali għal dan ir-raħal.
            10.   GADANZI: Gadanzi hija interpretazzjoni ta’ varjazzjonijiet fuq il-kadenzi li jintużaw fl-Għana Malti. Dawn huma kollha bbażati fuq kadenzi li smajt jindaqqu fiż-żmien li ili nirriċerka l-Għana Malti.

            11.   GĦANA BLUES: Dan hu esperiment ieħor kif il-prejjem jistgħu jintużaw f’tempi oħra barranin. F’dan il-każ esperimentajt bil-mużika Blues li hija influwenza Amerikana.

            12.   IL-BAMBINU take 2: Din hija dedika għal Mikiel Abela 'il-Bambinu" li tant ta kuntribuzzjoni qawwija lill-Għana Malti permezz tal-Għana u l-Fatti tiegħu. "Il-Bambinu" kien ħareġ bosta diski li għadhom fl-idejn sal-lum. Il-melodija hija ibbażata fuq waħda mill-melodiji  li kien jgħanni bihom.

            13.   Din hija bħal overture li tiġbor afna mill-melodiji li jinstemgħu f’dan is-CD u tirriflettihom f’ġabra ta’ temi li jagħlqu x-xogħol.

            14.   Din hija melodija b'kitarra waħda, klassika, li hija tislima speċjali għal Indri Brincat "il-Pupa" li miet fl-2010 u  li kien l-ispirazzjoni sa minn tfuliti għall-ġibda tiegħi lejn il-kitarra. Indri kien għallimni ħafna fuq il-teknika tad-daqq tal-Prejjem u s-sistema tal-Għana Malti. Huwa kien bniedem li kien ilu jdoqq u jakkumpanja l-għannejja sa minn tfulitu. Indri kien ġeneruż sal-aħħar miegħi u kien għajnuna kbira fir-riċerka tiegħi fl-Għana Malti.

5.    Kif tlaqqa’ l-mużika u l-poeżija flimkien?

Il-muċika, il-lirika u l-vers huma bħal ħoloq ta' katina b’konnessjoni mal-emozzjoni u l-ispirazzjoni u kollha marbuta ma’ ċerta spiritwalità u riflessjoni. Jekk tagħfas il-korda tar-"re minore" fis-silenzju tal-lejl, diġà għandek mitt riflessjoni li jgħaddu minn moħħok li huma ispirati mill-ħoss tal-korda minura.

Niftakar meta kont nippreżenta l-programmi tar-radju mal-qatt minsi Dr Ġużè Abela, fil-bidu tax-xandir bil-Malti f'Melbourne, huwa kien talabni biex nagħmillu sfond bil-kitarra għall-poeżiji tiegħu. Kien irrikordjahomli fi studio u smajthom darba mingħajr ma ħdimt fuqhom. Meta ġejt biex nagħmillu sfond bil-kitarra, tfajthom dirett u daħħalt ċerti noti skont kif beda jolqotni l-vers tiegħu. Dan ir-rikording għadu jintuża sal-lum fuq stazzjonijiet varji bil-Malti hawnhekk. Kull nota ta’ sfond li daqqejt kienet ispirata mil-lirika li bdejt nisma’ ta' Ġużè Abela. Il-vers u l-mużika kienu katina fl-espessjoni tal-versi.

6.  Għadek tikteb poeżiji u f’liema okkażjonijiet?

 Iva, għadni nikteb poeżija imma ma tantx għadni naqra x-xoghol tiegħi fil-pubbliku. Kultant xi waħda jew tnejn mill-poeżiji tiegħi jiġu ppubblikati f’xi ġurnal f’Malta imma b’anqas frekwenza minħabba l-fatt li l-mużika ilha ftit tiddomina l-proġetti tiegħi dan l-aħħar.

Dan iż-żmien ftit anqas prolifiku u aktar insib ruħi nnizżżel ħsibijiet a la Stream of Conciouseness.

7. Proġetti għall-ġejjieni?

Il-proġetti tiegħi ma jiqfux. Waqt li għadni kif ħriġt is-CD “Maltese Traditional Melodies” li ħadli parti kbira mill-ħin tiegħi,  bħalissa qed naħdem fuq ktieb fuq Il-Muzika Tradizzjonali Maltija tal- Għana u l-Prejjem. Dan nispera li joħroġ is-sena d-dieħla.

Nixtieq li niġbor għażla ta’ poeżiji  tiegħi minn dawn l-aħħar erba’ diċennji u nippubblikahom. Għandi wkoll dramm ġdid bl-Ingliż li jittratta fuq il-ġenerzzjoni tieghi tas-sittinijiet hawnhekk fl-Awstralja, li konna affettwati bil-gwerra tal-Vietnam. Xi wħud minn sħabi għajtulhom bil-lieva u anki servew f’din il-Gwerra. Il-play ġdida tiegħi Hello Goodbye tittratta fuq dawk iż-żminijiet. Il-play l-oħra The Last Days li kont ktibt ġiet ippreżentata minn STAG Theatre xi tliet snin ilu. Din kienet tirrifletti l-ħajja tal-emigrant li wara diċennji jgħix’ il bogħod minn art twelidu, darba jitlef is-sieħba tiegħu jiddeċiedi li jerġa’ lura f’art twelidu u jerġa’ jipprova jkompli l-ħajja li ħalla warajh 50 sena ilu. Naturalment il-konflitti huma bosta.

Matul iż-żmien li ili involut fil-komunità Maltija ktibt u rrekordjajt bosta songs bil-Malti għal artisti differenti. Kelli proġett f’moħħi fejn dawn nikwalizzahom u noħroġhom fuq double CD. Insomma xogħol u ideat għal proġetti huma bosta imma l-ħin u ż-żmiem jikkmandaw.


Patrick Sammut (Lulju 2014)

Tuesday, September 02, 2014

JOĦROĠ IL-PONT TA' SETTEMBRU 2014, NUMRU 24


Għadu kemm ħareġ IL-PONT ta' Settembru 2014, ħarġa numru 24. F'din ir-rivista letterarja online wieħed isib poeżiji b'ilsna differenti, aħbarijiet marbutin mad-dinja tal-letteratura, tagħrif dwar pubblikazzjonijiet reċenti u oħrajn inqas reċenti, kontribuzzjonijiet minn kittieba differenti, l-editorjal u iktar. 


F'din il-ħarġa qed titħabbar għall-ewwel darba il-pubblikazzjoni tal-ktieb ġdid u postumu tal-mibki Frans Sammut, ĠRAJJET IT-TAGĦLIM F'MALTA. Dan permezz ta' intervista ma' iben l-awtur Mark Sammut, intervista li wieħed jista' jaqra sħiħa fuq din l-istess blog.

Kull min jixtieq jibda jirċievi din ir-rivista online jista' jikteb direttament lill-editur f'dan l-email: sammutpatrickj@gmail.com

Ara l-ħolqa: http://www.scribd.com/doc/238458750/Settembru-2014

KTIEB ĠDID TA' FRANS SAMMUT - ĠRAJJET IT-TAGĦLIM F'MALTA Vol. 1. Intervistat ibnu, Mark Sammut

     Din l-aħbar qed tixxandar għall-ewwel darba fuq ir-rivista elettronika IL-PONT ta' Settembru 2014, ħarġa nu. 24. Patrick Sammut, editur ta' IL-PONT jintervista lil Mark Sammut dwar din il-pubblikazzjoni ġdida u postuma li se tara d-dawl għall-Fiera-Festival tal-Ktieb 2014.

 1.      Intqal li dan il-manuskritt instab b’kumbinazzjoni f’kompjuter antik li missierek kien juża għal xi snin. Kien l-uniku dokument li rnexxielkom issalvaw minn hard disk sħiħa. X’ħassejt inti u taqra dan il-manuskritt għall-ewwel darba?

Iva, meta ġie nieqes il-papà naturalment bdejna naraw ftit x’kien hemm fost il-karti tiegħu. Hu proċess li għadna għaddejjin bih, għax hemm minjiera sħiħa ta’ aktar minn 40 sena ta’ riċerka u kitbiet. Fittixna fil-kompjuters ukoll. Il-papà kien għamel żmien twil jikteb fuq Macintosh, u mbagħad qaleb għal PC. Dan il-manuskritt (Ġrajjet it-Tagħlim) sibnieh appuntu fuq il-Macintosh. Bdejna naqrawh ħija u jien, u f’ħin bla waqt mietet il-hard disk. Tista’ timmaġina l-qatgħa! Il-kompjuter ħadnieh għand tekniku, u dan il-manuskritt biss irnexxielna nsalvaw minn hard disk sħiħa. Agħar minn hekk, ma konniex ilħaqna rajna x’kien hemm iktar fuqha dik il-hard disk. It-tekniku tana diversi faljs, imma kollha kienu korrotti wisq biex taqrahom. Dal-ktieb irnexxielna naqrawh minkejja li t-test tiegħu wkoll saritlu xi korruzzjoni fid-data tiegħu, għad li ma kinitx biżżejjed biex ma naqrawhx.
Ħija u jien konna nafu li l-papà jikteb iktar minn kemm jippubblika. Dwar dan ma konniex sorpriżi. Imma naturalment, l-emozzjoni kienet kbira, għax sibna dokument li ma konniex nafu bih. Qisek erġajt tkellimt miegħu, għax hu diskors ġdid, biex ingħid hekk.

Avolja, jien għandi memorja ċara tal-papà jgħidli xi ħaġa li mbagħad sibtha f’dan il-manuskritt. Kien qalli li f’Malta taħt l-Ingliżi kien hemm żmien meta suldat Ingliż kien ittrattat aħjar minn avukat Malti. Dal-kumment laqatni ħafna, tant li kkwotajtu f’saġġ dwar il-Kodiċi Kriminali Malti li ppubblikajt f’Id-Dritt, il-ġurnal tal-GħSL fi ħdan il-Fakultà tal-Liġi, l-Università, ftit wara mewt il-papà. Il-manuskritt qrajtu xi xhur wara ... Għedt, Ara, kien qalli biha hu u jirriċerka! U għaġinhieli fil-memorja!

Bla ma trid tibda tara t-twaħħid tal-awtur tal-ħsieb fuqan mal-bniedem tal-ħajja mundana, kif ir-riċerka taqbeż il-konfini tal-istudju u tidħol fid-diskors ta’ kuljum. Il-Professur Charles Briffa għamel analiżi dwar kif il-professjoni ta’ awtur tiskula f’kitbietu. Dan hu każ bil-kontra: meta kitbet l-awtur tiskula f’ħajtu ta’ kuljum.

In-niket hu li minn dik il-hard disk ma salvajnielu xejn aktar. Is-suspett tiegħi hu li t-Tieni Volum kien għadu qed jaħdem fuqu meta ħasditu l-mewt.

      2.      Meta nkiteb bejn wieħed u ieħor?

Inkiteb, fil-fehma tiegħi, bejn l-2003 u l-2004. Ngħid hekk, għax dik l-osservazzjoni li semmejt qabel qalhieli xi għaxra, ħdax-il sena ilu. Però naħseb li kien ilu jiġma’ l-materjal. Donnu dan kien il-metodu tal-papà. Bħalmeta kien dam snin twal jiġma’ l-materjal għal Il-Ħolma Maltija.  Jien naħseb li l-materjal beda jibnih ftit ftit wara li kiteb Bonaparti f’Malta, li ħareġ fl-1997. Imbagħad beda jaħdem fuq il-Lexicon u Għajdun il-Għaqal, ta’ Vassalli, u taf kif inhi r-riċerka ... waqt li qed taħdem fuq suġġett wieħed tibda ssib il-materjal għal ħafna suġġetti oħra. Ir-riċerka mxiet bil-mod għax sadattant ħareġ żewġ kollezzjonijiet ta’ novelli (Newbiet u Ħrejjef Żminijietna) u kiteb ktieb dwar San Ġorġ Preca, ieħor ta’ attwalità, u ieħor dwar San Filep, barra milli ttraduċa ktieb dwar l-Istorja ta’ Ħaż-Żebbuġ. U naħseb dan hu li ġara anki bit-Tieni Volum. Fis-sens li jekk għandi raġun jien u l-Ewwel Volum beda jiktbu fl-1998, ħadlu 6 snin u lestieh fl-2004 għax kien għaddej b’ħafna xogħol ieħor, allura t-Tieni Volum bdieh fl-2004 jew 2005 u kien għadu għaddej jaħdem fuqu fl-2011 meta miet. Il-kobba mħabbla li ma nistax inħoll hi: fejn qiegħed it-Tieni Volum? Fit-tieni nofs tas-snin 2000, il-Macintosh ma kienx għadu jużah, għax kien reġa’ qaleb għal PC. Imma fuq il-PC ma sibna xejn. Issa għandek tkun taf li hu mhux dejjem kien jaħdem fuq il-kompjuter. Ngħidu aħna, mentri Il-Ħolma Maltija kitbu fuq PC Amstrad 512, it-traduzzjoni ta’ Għajdun il-Għaqal ta’ Vassalli kitibha b’idejh, mhux fuq il-kompjuter. Meta ħarġu, fl-2006, kellha ssir dattilografija tal-manuskritt. Jiġifieri ma rrid neskludi xejn.

    3.      Kemm kienu importanti għal missierek il-kelmiet “Storja” u “Edukazzjoni”?

L-Edukazzjoni kienet ħajtu professjonali u ħajtu passjonali. Kellu passjoni għat-tagħlim. Ix-xogħol għalih kien pjaċir, għax kienet l-għaxqa tiegħu jgħallem. Il-kitbiet tiegħu li m’humiex fiction, huma kollha xogħlijiet ta’ divulgazzjoni, ta’ tagħlim. Hemm min anki fil-fiction tiegħu jara t-tendenza lejn it-tagħlim. Ma naqbilx ma’ dan – minħabba f’dak li kienu jgħidli. Jien naħseb li x-xogħlijiet fiction kien jiktibhom b’filosofija ċara: id-divertiment, kemm tiegħu kemm tal-qarrej. Ma naħsibx li kien jipprova jkun pedagoġiku. Issa, jekk il-Professur Briffa għandu raġun f'dak li semmejna qabel, u l-professjoni tiddi tagħmel x’tagħmel, allura dik storja oħra.

L-Istorja. Minn dejjem ħabbha, u r-raġuni naħseb hi għax f’żgħoritu kien joqgħod jisma’ lin-nanna materna tiegħu, Generosa imma jgħidulha Ġanna, tirrakkonta dwar żminijiet imbegħdin. Kien jgħidli li n-“Nanna Ġanna” (li għexet aktar minn 90 sena) kienet tirrakkuntalu dwar żewġha Rafel (li kien miet qabilha) u dwar l-antenati tiegħu Martin u Ċelestin u x’ġara fi żmienhom. Darba qalli, “Jiġifieri n-Nanna Ġanna kienet taf il-ġrajjiet ta’ Żmien il-Franċiżi!"

L-impressjoni li għandi tal-bużnanna tiegħi Ġanna hi ta’ mara li kienet taf issensel ġrajja b’mod estetikament pjaċevoli filwaqt li tirrakkonta dwar dawk is-sentejn imqallbin meta ġiet fi tmiemha ħakmet il-Kavallieri u bdiet ħakmet l-Ingliżi.

      4.      Għaliex qarrej għandu jixtri dan il-ktieb bla jaħsibha darbtejn?

Għax il-ktieb jitfa’ dawl mhux biss fuq it-tagħlim per se, fuq l-Edukazzjoni, imma hu interpretazzjoni interessanti ta’ ġrajjet pajjiżna. Ma setax kien mod ieħor, għax hu u jitkellem dwar l-Edukazzjoni bilfors kellu jirrakkonta x’kien għaddej minnu pajjiżna. Mela għandek dan l-element interprettattiv. U dan hu siewi wkoll għal min mhux għalliem.

Naturalment għal min hu għalliem, il-ktieb jgħin lil dak li jkun japprezza kif kien jgħix u jaħdem għalliem Malti f’ċirkostanzi storiċi differenti u kif kienet is-sistema edukattiva f’pajjiżna fi żminijiet oħrajn. Li tkun konxju dwar l-imgħoddi hu dejjem għodda utli għall-preżent u l-ġejjieni.

      5.      Għal min hu intiż xogħol bħal dan?

L-ewwel nett għall-għalliema Maltin u Għawdxin.
Però hu intiż ukoll għal min jinteressa ruħu fl-istorja kulturali u politika ta’ Malta.

      6.      X’għandu ktieb bħal dan li kotba tal-istess xejra tematika m’għandhomx?

Il-papà kellu stil inimitabbli, naħseb jien. Kellu s-sengħa tal-għalliem-awtur li jaf jikteb b’mod li jżommok taqra waqt li qed tifhem u ssegwi dak li qed taqra. Nemmen li l-personalità tal-awtur hi fundamentali, anki għall-istess tema. Ejja nieħdu eżempju mill-mużika. Mussorgski kkompona Kwadri minn Wirja (Картинки с выставки) għall-pjanu; Ravel ittraspona dak ix-xogħol għall-orkestra; Charles Camilleri għall-orgni; u Emerson, Lake & Palmer għar-rock band. Huma kollha l-istess biċċa mużika imma fl-istess waqt huma erba’ biċċiet differenti, għax kull biċċa hi arranġament differenti. Issa għidli inti, x’għandu kull arranġament li m’għandhomx l-oħrajn, meta kollha huma dwar l-istess tema? Hekk ukoll hu x-xogħol tal-papà. Bid-differenza, m’għandniex xi ngħidu, li l-kompożizzjoni tal-mużika hi artikolazzjoni sempliċi tad-diskors aktar vast u kumpless li hu d-diskors tal-interpretazzjoni storika.

      7.      Din hi pubblikazzjoni oħra fejn missierek wera li kien riċerkatur u studjuż prim. Xi tgħid dwar dan?

Inħalli f’idejn ħaddieħor li jiġġudika. Kulma nixtieq ngħid hu li l-mibki Peter Serracino Inglott kien għamel stedina indiretta fis-Sunday Times, meta kiteb dwar il-papà ftit jiem wara mewtu. Naħseb li tkun ħaġa sabiħa għall-kultura Maltija jekk ikun hemm xi ħadd tajjeb fl-Ingliż jitħajjar jibda jittraduċi x-xogħlijiet tal-papà.

      8.      F’ċertu sens ktieb li qed jerġa’ jagħti l-ħajja lil missierek, anki permezz tal-ilsien, l-idjoma u t-teknika partikolari li kien iħobb iħaddem. Xi tgħid dwar dan?

Iva, u dan billi għall-pubbliku hu xogħol ġdid. Bħal bosta mix-xogħlijiet l-oħrajn tal-papà li ma humiex fiction, il-Malti li juża hu anqas letterarju, għax aktar jixbaħ lill-Malti ta’ kuljum. Hu għal dir-raġuni li jien nemmen li r-rumanzi u n-novelli tiegħu ma kitibhomx b’filosofija pedagoġika. B’danakollu imma, ħalli ma niftihemx ħażin, jidhirli li l-Malti ta’ Ġrajjet it-Tagħlim, avolja mhux Malti letterarju xorta hu Malti mħaddem tajjeb. Jiġifieri, għad li r-reġistru hu differenti, it-teknika xorta hi ta’ “mgħallem tas-sengħa”. Jien naħseb li l-papà kellu teknika stilistika għar-rumanzi u n-novelli (it-teknika tal-awtur) u teknika oħra għax-xogħlijiet storiċi (it-teknika tal-għalliem).

      9.      Meta se jkunu disponibbli għall-pubbliku l-ewwel u t-tieni volum ta’ Ġrajjiet it-Tagħlim f’Malta?

L-ewwel volum, jekk il-Bambin irid, joħroġ għall-Fiera tal-Ktieb, f’Novembru li ġej.
It-tieni volum, forsi jitħajjar xi ħadd ikompli fejn ħalla l-papà.


Sunday, August 31, 2014

A poem by Teresinka Pereira

ALWAYS THE SAME 


From my window I can see
very little. However,
this is my platform from which
I watch the world.
More than anything else
I see the trees covering
the buildings across the street.
I have never met my neighbors
but I know their time
to go and return from work
in colorful brand new cars.
My life is always the same
because that is how I enjoy
security and simplicity.
I see the future as a mystification
of the road we have to pass
in order to go on living.

          Teresinka Pereira


Thursday, August 21, 2014

Serata Muziko Letterarja fil-Ministeru għal Għawdex

Nhar il-Gimgħa 29 ta’ Awwissu 2014 fis-7.30pm f’ waħda mis-swali tal-Ministeru għal Għawdex ser issir Serata letterarja li fiha għadd ta’ kittieba Għawdxin, fosthom Joe Camilleri, Dun Gorg Mercieca, Charles Bezzina, l-Avukat Alfred Grech, Ganninu Cremona, Joe W Psaila, Patri Remiġ Galea Kapuċċin  (nawgurawlu minn qalbna għax dawn il-jiem qed jagħlaq 50 sena saċerdot), Anton F Attard, ser jaqraw siltiet mix-xogħlijiet tagħhom.  Se jinqara wkoll feature letterarju tal-Kav Joe M Attard, li qed jieħu din l-inizjattiva, dwar il-‘Bajjiet Għawdxin fil-Poeżija’.  Jieħdu sehem Antoinette Grech, M’Louise Attard u Maria Schembri.  Iżewqu s-serata l-pjanista u kantanta Mariella Cefai Spiteri, u s-sopran Rosebelle Pavia. Wara l-kittieba Għawdxin jkollhom il-ħin jitkellmu ma’ dawk li jattendu waqt li jieħdu ‘drink’ flimkien (grazzi lill-Ministeru għal Għawdex).

Jippresiedi l-Onor Ministru għal Għawdex l-Avukat Anton Refalo. Dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-Letteratura Maltija huma mistiedna jattendu.


Kav Joe M Attard
emarjos@hotmail.com

Tuesday, August 19, 2014

MALTA F’FESTIVAL EWLIENI TAL-POEŻIJA FIL-MAĊEDONJA



Malta se tkun rappreżentata f’wieħed mill-festivals l-aktar popolari tal-poeżija dinjija. Bejn l-20 u s-26 ta’ Awwissu, Charles Flores se jkun qed jieħu sehem fil-festival “Struga Poetry Evenings” li jsir ta’ kull sena fil-belt qadima ta’ Struga u nħawi oħra tal-Maċedonja.

“Struga Poetry Evenings” huwa esperjenza poetika li tlaqqa’ fost l-aqwa ilħna minn ħafna pajjiżi madwar id-dinja f’inħawi differenti tal-belt, mill-ġonna, l-palazzi u l-wesgħat sax-xtut u l-attrazzjonijiet naturali u arkitettoniċi madwar l-għadira sabiħa ta’ Oħrid.
Charles Flores se jkun qed jieħu sehem b’għażla personali ta’ poeżiji bil-Malti waqt li l-verżjoni bil-Franċiż tagħhom tinqara minn qarrejja professjonali li se jkunu qed jieħdu sehem fil-festival. Għall-festival, li għalih jattendu diversi personalitajiet nazzjonali u reġjonali, se jkun hemm bħala mistednin tal-unur il-poeti magħrufin internazzjonalment George Ferenczi, Byungsoon Yun, Geoffrey E. Taylor and Tziona Shamay.
L-organizzaturi tal-festival jieħdu ħsieb ukoll jippubblikaw antoloġija bix-xogħlijiet - fl-ilsien oriġinali u fil-Franċiż u fl-Ingliż - tal-poeti kollha mistiedna.
Is-sehem ta’ Malta f’dan il-festival rinomat huwa parzjalment appoġġjat mill-Malta Arts Fund.

Wednesday, August 06, 2014

LEJLA MUŻIKO-LETTERARJA F'ĠIEĦ ĠUŻÈ CHETCUTI

 Il-President tal-Għ.P.M., Charles Magro, matul id-diskors tal-ftuħ.

Nhar il-Ġimgħa, l-1 ta’ Awwissu 2014, l-Għaqda Poeti Maltin flimkien mal-Akkademja tal-Malti u l-Għaqda Filantropika Talent Mosti , tellgħu Lejla Mużiko-Letterarja f’ġieħ il-kittieb u poeta Ġużè Chetcuti li proprju din is-sena għalaq mitt sena minn twelidu. 

Carmel Bianchi, Salv Sammut u Yana Psaila waqt il-qari tal-poeżiji.

Il-ftuħ sar mill-President tal-Għ.P.M., Charles Magro, li tkellem dwar Chetcuti bħala Poeta, Rumanzier u Drammaturgu, imma anki bħala bniedem li ddedika ħajtu lill-Ilsien Malti. Saviour Camilleri ta ħjiel bijografiku ta’ Ġużè Chetcuti, filwaqt li l-Prof. Oliver Friggieri tkellem dwar il-Proża Realista ta’ Chetcuti. Patrick Sammut qara diskors bl-isem ta’ “Malta bejn il-glorja tal-imgħoddi u l-apatija u l-indifferenza tal-preżent” f’rabta mal-poeżija ta’ Chetcuti, filwaqt li Mons. Victor Grech tkellem dwar xi tifkiriet tiegħu dwar il-kittieb minn Bormla. 

Therese Pace, Jane Micallef u Charles Mifsud waqt qari tal-poeżiji ta' Chetcuti.

Waqt is-serata nqraw għadd ta’ kitbiet ta’ Ġużè Chetcuti, fosthom poeżiji bħal Hekk Hi l-Ħajja, F’Shelter, Il-Qniepen tar-Rebħa, Matul is-Snin tal-Ħajja, Id-Dawl Qed Jgħid, u Għamja, u kitbiet oħra bħal It-Testment. Il-qari sar minn Salv Sammut, Yana Psaila, Carmel Bianchi, Dr. George Farrugia, Joseph P. Borg, Rita Saliba, Jane Micallef, Charles Mifsud u Therese Pace. 

Saviour Camilleri, Rita Saliba, Joe P. Borg, Mons. Victor Grech, 
il-Prof. Oliver Friggieri u Charles Magro

Il-kantawtur Walter Micallef ipprovda l-intervalli mużikali. L-għeluq kien f’idejn is-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti, Joe P. Borg. Wara kien hemm riċeviment żgħir. Il-post fejn seħħet din is-serata kien iċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Kultura, ir-Razzett tal-Markiż Tabone fil-Mosta.

Ħajr lil Daniel Bezzina għar-ritratti li pprovdielna.

Tuesday, August 05, 2014

Diskors dwar Ġuże' Chetcuti poeta

Din huwa d-diskors li qrajt waqt il-Lejla Letterarja ddedikata lil Ġuże' Chetcuti mtellgħa mill-Akkademja tal-Malti u mill-Għaqda Poeti Maltin fir-Razett tal-Markiz fil-Mosta nhar il-Ġimgħa, l-1 ta' Awwissu fis-6.30 p.m.

Ħajr lil Daniel Bezzina għar-ritratt.

Niftaħ bi kliem David Biespiel li ftit tal-jiem ilu (21 ta’ Lulju 2014) ipprova jwieġeb il-mistoqsija “Does poetry matter?”, f’artiklu li deher fis-sit nytimes.com, bl-isem ta’ “Poems Hold the Mysteries of the Present, Dreams of the Future”: “poems [...] help us understand ourselves as a culture”, u iktar ’l isfel, “poetry connects us to our past, and poets unmask both private and civic memories, dreams, and urgencies. By harmonizing the body with the mind, serving both young and old, poetry is a guide to deliver us into a fresh engagement with our inner lives and with modernity.”

Bħala wieħed li ilu jaqra kemm id-dar kif ukoll fil-klassi l-Poeżija Maltija, inkluża dik tal-ewwel nofs tas-seklu 20, għal bosta snin, spiss flimkien mal-istudenti tiegħi nifhem li minkejja li għadda ż-żmien minn mindu għadd ta’ poeżiji nkitbu, hemm messaġġ jew leħen fihom li jakkwista dejjem iktar saħħa saħansitra fil-preżent, meta d-dinja tagħna, inklużi l-Gżejjer Maltin, għaddejja minn tibdiliet kbar. Dan huwa wkoll il-każ tal-versi ta’ Ġużè Chetcuti li fihom hemm bħal leħen li jiġbdilna l-ħin kollu l-attenzjoni biex ma ninsewx l-imgħoddi tagħna u ma nwarrbux dak li ġarrbu missirijietna.

Li għamilt hawn huwa li qbadt ftit poeżiji ta’ Ġużè Chetcuti mill-ktieb IL-POEŻIJI MIĠBURA 1930-2000 (2000) u slitt direttament minnhom biex nagħti eżempji ta’ dan il-leħen widdiebi mill-passat. Versi li jolqtu huma dawn meħuda mill-poeżija Nofs il-Lejl, li kienet tifforma parti mill-ġabra poetika Inżul u Tlajja’ tal-1964. Hawn Chetcuti jikteb:

“Nofs il-lejl:
Sant Anġlu u San Mikiel, bla ħoss u ħajja,
Reqdin fil-fond, u għalxejn qamar imċajpar
Qed jiddi w jitfa’ dawl ħafif,

Jidhru mitlufa f’raqda
Li minnha ma jqumux.” (Poeżiji Miġbura, p. 76)

Lili tolqotni ħafna l-kelma “raqda” li hawn tirreferi għall-fatt li żmien it-taqbid u l-glorja tal-imgħoddi għadda darba għal dejjem. Imma llum tista’ tirreferi wkoll għar-“raqda” li fiha jinsabu xi wħud minnha f’rabta mal-istorja ta’ pajjiżna u mal-għarfien tal-identità tagħna bħala poplu. 

Imma diġà  mis-sena 1945 u qabel dan il-leħen “fakkari” u widdiebi kien preżenti fil-versi ta’ Chetcuti. Hekk f’Villa Rumana (li tifforma parti mill-ġabra Poeżiji tal-1945) huwa jikteb:

“Għadek sabiħa, għadek l-għanja ssamma’
Fuq il-ġwienaħ tas-snin, l-għanja ħemdija
Taż-żmien...
Ismagħha rieġa’ min ġuf il-warrani
  Qawwija dik il-ġrajja...”

L-ewwel strofa hija stedina lill-qarrej biex ma jinsiex dan leħen l-imgħoddi. Imbagħad, lejn l-aħħar, Chetcuti jikteb:

“...nies, nies u nies madwari,

Toroq mimlija ħlejjaq,
Tmasħir u qerq, kulħadd b’għira qawwija,
Iġsma bla ruħ; dan li qed nara dwari.” (PM, p. 119)

Chetcuti jwiddibna li min jinsa l-imgħoddi, bil-ġrajjiet ta’ dmija u glorja, hu “ġisem bla ruħ”. Biex imbagħad ikompli,

“Hekk int, Villa sabiħa,
Tixgħel id-dawl taż-żmenijiet ewliena,
U treġġa’ f’Malta l-jiem ta’ l-isbaħ ġrajja.”

Hawn id-dawl iġib miegħu l-għarfien tal-istorja ta’ art twelidna, kontra d-dlam tat-tnessija u l-apatija.

Mill-istess ġabra – Poeżiji, 1945 – naqraw il-kwartina Dmirek:

Dmirek li tħobb lil Malta, art twelidek,
Minnha twaħħdet ir-ruħ li tħaddnet miegħek, 

Imma kif tista’ tħobbha meta Lsienha
Int ċħadt u bdilt ma’ lsien li mhuwiex tiegħek?”  (PM, p. 121)

Anki hawn għandna versi li nkitbu fl-ewwel nofs tas-seklu 20 imma s-sens u l-importanza tagħhom jakkwista iktar saħħa llum, u dan mhux biss f’rabta mal-kwistjoni tal-Ilsien Malti.

Fl-istess ġabra naqraw il-poeżija Lil Malta li silta minnha tgħid hekk:

Fittixt fil-qalb ta’ l-iżmna: rajt mġarrfa
Il-monumenti, il-wirt ta’ ġrajjiet kbar,
Smajt iċanfarni l-leħen ta’ l-imgħoddi
B’qawwa qalila: mill-ħażin għall-agħar.”

Fil-preżent b’xorti tajba m’aħniex neqsin minn monumenti u bosta bini ta’ importanza storika ġie jew qed jiġi restawrat u miftuħ għall-pubbliku biex igawdih. Jien però nistaqsi jekk din hix biss kożmetika? Jekk dan sarx biss għat-turisti jew jekk hux verament qed jgħin lilna l-Maltin, speċjalment lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, jagħrfu dak li verament huma: poplu żgħir iva, imma b’imgħoddi mill-ikbar li ta’ min niftaħru bih? Forsi l-pjanta hija ċkejkna, bonsaj, imma l-għeruq huma fondi u ġrajjietna bħala poplu jmorru lura sekli twal fiż-żmien. U dan kollu għandu jfakkarna biex ma nintremewx quddiem il-barrani saħansitra fil-preżent. Jintrema biss min m’għandux konjizzjoni jew għarfien tal-istorja u ta’ wirt art twelidu.

Ġabra poetika li għaliha jibqa’ msemmi Ġużè Chetcuti hija Melita Invicta tal-1945. Kif jikteb il-poeta stess f’rabta ma’ din il-ġabra, il-poeżiji f’Melita Invicta “huma dokument tal-aħħar gwerra li jfakkar lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna fiż-żmien l-aktar demmi u ikrah fl-istorja ta’ pajjiżna.” (PM, p. 27) Fil-poeżija Malta G.C. Chetcuti jfakkarna f’“Id-demm ta’ wliedek! It-tiġrif ta’ djarek!/ Il-ħerba, il-qerda, l-mewt, il-ġuħ, il-biża’”, u jispiċċa hekk:

“Il-ġieħ li ksibt jibqa’ jgħix dejjem miegħek,
Ma jmutx mas-snin bla ħajr, bla kliem, bla ħoss: 
Ismek minn ġidd għal ġidd jibqa’ jintiret,
Malta rebbieħa, l-Gżira tal-George Cross.”  (PM, p. 188)

Fil-versi ta’ Chetcuti hemm pont, mela kuntatt bejn hu li qed jikteb fl-imgħoddi u l-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu. Illum hawn min irid jeqred it-tifkira tal-George Cross minħabba r-rabta mal-idea ta’ Malta maħkuma mill-Ingliżi. Illum il-GC għandu jfakkar fit-tbatijiet li għaddew minnhom u l-qlubija, is-saħħa u d-determinazzjoni li wrew niesna daqs 70 sena ilu! Mela l-GC m’għandux ikun għelm ta’ mistħija jew umiljazzjoni.

Wieħed mis-sunetti miktubin minn Chetcuti matul il-gwerra hu Lill-Qalbenin: hawn naqraw dwar l-eroj li taw ħajjithom għax “Lemħu ’l bogħod id-dija/ tas-sliem u tal-ħelsien tħeġġeġ b’kull ħlewwa.” (PM, p. 208) Dawn huma d-dija, is-sliem u l-ħelsien li qed ingawdu aħna llum f’dan pajjiżna ċkejken, elementi li għandna ngħożżu ladarba l-gwerra mhix limitata għall-imgħoddi u lanqas mhi fantasija, imma realtà kontemporanja u qribna sewwa.

Poeżija oħra li nkitbet matul il-gwerra hi Għamja; inkitbet fl-1942 waqt attakk mill-ajru. L-omm u t-tfalja bintha għamja jitolbu waqt dan il-mument ikrah mistkenna fix-xelter. Twemmin u rebħa fuq l-għadu jimxu id f’id. Chetcuti stess jikteb: “Patrijottiżmu u Reliġjon huma l-ingredjenti ewlenin tal-poeżija li nkitbet tul medda ta’ l-ewwel erbgħin sena” tas-seklu 20. (PM, p. 26) It-twemmin jagħti s-saħħa lil dak li jkun u jwassal għar-rebħa u l-glorja: “Telliefa u msawta, bil-Mewt tiġri wrajhom,/ L-għedewwa dlonk ħarbu mill-art ta’ San Pawl.” (PM, p. 229) U dan biex fl-aħħar Chetcuti jerġa’ jilmaħ “tfal jaqbżu u jilagħbu,/ ... hienja, b’uċuħ daħkanin!” (PM, p. 229) L-hena u l-uċuħ daħkanin issibhom fost poplu li ma jwarrabx ġrajjiet l-imgħoddi ta’ art twelidu u ma jħaddanx it-tnessija. Din it-tnessija twassal biss għal injoranza, dlam, arroganza, ingratitudni u forsi wkoll poplu maħkum mill-barrani mill-ġdid, jew għallinqas nieqes mill-veru ħelsien f’pajjiżu stess.

F’Qatt ma Ninsew (PM, p. 236) Chetcuti jerġa’

“Maltin, ma ninsewx dak id-demm li xerridna,
id-demm illi writna mal-medda taż-żmien”

u

“Maltin, ma ninsewx kemm ġarrabna tbatija,
ġuħ doqna, w mewt rajna mal-leħħa tan-nar,
għax ħrafa jisfaw il-ġrajjiet ta’ qlubija
li ngħidu ’l uliedna fil-ħemda tad-dar!”,

u jispiċċa hekk,

“Tqabadna sa rbaħna: ’mma nżommu fi ħsiebna,
sabiex dik ir-rebħa tkun kbira ’l quddiem
irridu li ngħaddu ’l uliedna, lil ħbiebna
minn id għal id oħra, it-torċa tas-sliem.”

Fuq naħa għandna l-possibiltà ta’ ġrajjiet li seħħew verament li jisfaw ħrafa; fuq l-oħra t-torċa (dawl mill-ġdid) tas-sliem li tgħaddi minn ġenerazzjoni għal ta’ warajha. Din hi l-għażla bejn id-dlam/tnessija u l-dawl/fakra, l-apatija u t-tifkira ħajja tal-glorja tal-imgħoddi, bis-sabiħ u l-ikrah li ġġib magħha.

Fil-ġabra Poeżiji Miġbura 1930-2000 hemm ukoll taqsima jisimha POEŻIJI PATRIJOTTIĊI. Waħda minn dawn hija Swar Ħiemda (p. 375). Hawn naqraw dwar il-wirt storiko-arkitettoniku bħala tifkira ħajja, saħansitra leħen ħaj, ta’ żminijiet glorjużi. Lis-swar Chetcuti jgħidilhom:

“Intom leħen għalina: ħalla ħalla
Jgħaddi l-baħar tas-snin: tibqgħu tfakkruna
Fil-qalb ta’ min, sider ma’ sider tqabad
Mal-ġelledin li ġew biex jeqirduna.”

Poeżija oħra hija Amor Patriae (PM, p. 379), anki din bi twiddiba għalina tal-preżent:

Tinsiex l-imgħoddi, Malta. Fuq sema blu,
Hemm miktub ir-rebħ li wettqu wliedek.
Tinsiex il-ħila li wrew, it-tiġrib u t-tbatija

Li batew. Kienu huma li ħallewlna l-paċi

Li qed ingawdu llum.
Le, le, tinsiex, Malta maħbuba!”

Intenni, poplu li jagħraf u jibża’ għal ġrajjiet l-imgħoddi t’art twelidu hu poplu b’saħħtu fil-preżent u anki fil-ġejjieni, anki jekk f’konfront ma’ pajjiżi ġara huwa poplu żgħir li jgħix fuq gżejjer daqs nitfa. Dawk ta’ Ġużè Chetcuti huma versi li leħenhom jibqa’ jidwi u jirbaħ il-barriera taż-żmien u tat-tnessija. Huwa l-istess leħen li għandna nisimgħu jiġbdilna l-attenzjoni tagħna kull meta nżuru s-siti storiko-naturali fil-gżejjer tagħna. Huma siti li fihom il-Maltin għexu u ġarrbu esperjenzi differenti, mela fihom hemm għelm li qed jiġi trasmess lilna fis-skiet, sinjali li jgħinuna nifhmu dejjem iktar aħna min aħna bħala poplu u liema huma dawk il-karatteristiċi li jidentifikawna bħala poplu kemm ta’ gżira insulari, imma anki ta’ reġjun jew territorji ħafna ikbar minna, fosthom il-Mediterran, l-Afrika ta’ Fuq u l-Ewropa. Dan jorbot ma’ kliem Chetcuti stess fin-NOTA TAL-AWTUR għall-ktieb Poeżiji Miġbura 1930-2000 li jsostni li fil-versi tiegħu “nsibu wkoll aspetti oħra tal-espressjoni tagħna nazzjonali, kulturali, edukattiva, reliġjuża.” (p. 25)

Lura għal kliem David Biespiel: il-poeżija bħala kuntatt mal-imgħoddi u anki bħala ingaġġ, ġbid ta’ attenzjoni, engagement. Versi bħal dawk ta’ Ġużè Chetcuti – bħal wara kollox versi ta’ bosta poeti Maltin oħra li kitbu fl-istess kuntest soċjali u storiku tiegħu bħal Dun Karm Psaila, patri Anastasju Cuschieri, patri Ġużè Delia, Ninu Cremona, Nikol Biancardi u bosta oħrajn – jinsistu fuq ġrajjiet l-imgħoddi, imma jfakkruna li m’għandniex ngħixu fl-imgħoddi, anzi għandna ngħixu l-waqt preżenti (il-modernity ta’ Biespiel)  konxji tas-saħħa li l-poplu tagħna wera kull meta s-sitwazzjoni talbet hekk. Dawn ta’ Chetcuti huma għalhekk versi li jfakkruna li hekk biss inkunu poplu mqajjem, mhux rieqed u indifferenti, poplu li ma jarmix lilu nnifsu, poplu li ma jħalli lil ħadd, la minn ta’ ġewwa u lanqas minn ta’ barra, jagħmillu l-bżieq fuq imnieħru.


Patrick Sammut

Ħarġa ġdida tar-rivista elettronika IL-PONT

Għadha kemm ħarġet l-edizzjoni ta' Awwissu 2014, ħarġa numru 23 tar-rivista online IL-PONT.
Għal min jixtieq jaqraha jista' jara l-ħolqa: http://www.scribd.com/doc/235905943/Awwissu-2014