Tuesday, October 04, 2011

50 sena mill-mewt tal-Poeta Nazzjonali, DUN KARM PSAILA

Il-ktieb ġdid tal-Mons. Lawrenz Cachia dwar Dun Karm Psaila.

Il-ktejjeb ippubblikat minn Karmenu Mallia biex jitfakkru żewġ anniversarji:
il-50 sena mill-mewt tal-Poeta Nazzjonali u mit-twaqqif tas-Soċjeta' tal-Esperanto f'Malta.

Il-Kappella fejn hu midfun il-Poeta Nazzjonali, f'Ħaż-Żebbuġ.

Il-monument iddedikat lil Dun Karm Psaila fil-Furjana.

Is-sena 2011 qed tfakkar il-50 sena mill-mewt tal-poeta nazzjonali, Dun Karm Psaila.

Huwa twieled fit-18 ta’ Ottubru 1871 u miet fit-13 ta’ Ottubru 1961.

Għaldaqstant bħalissa qed iseħħu bosta inizzjattivi f’rabta ma’ dan l-anniversarju importanti.

  • B'tifkira tal-50 Anniversarju mill-mewt tal-poeta nazzjonali, Dun Karm Psaila, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru organizza kunċert fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann.
    Il-kunċert, bl-isem 'Tina l-Ħlewwa' sar mill-Kor Għawdxi Laudate Pueri li b'kollox kanta tmien innijiet miktuba minn Dun Karm b'mużika ta' diversi kompożituri Maltin. Il-Kor Laudate Pueri tmexxa mid-direttur tiegħu, Dun George Frendo.
    Fil-kunċert inqraw ukoll siltiet mill-poezija ta' Dun Karm 'Il-Jien u lil Hinn Minnu' u sar diskors mill-Professur Oliver Friggieri biex ifakkar lil Dun Karm.


    Għal din l-okkażjoni tnediet ukoll CD li tinkludi 11-il innu miktub minn Dun Karm fosthom il-poeżija l-Innu ta' Ferħ li ġiet mużikata mill-Professur Joseph Vella, li għamel ukoll l-arranġamenti kollha tal-innijiet li ġew irrekordjati mill-istess Kor Laudate Pueri fil-Bażilika ta' San Ġorġ, Għawdex.

    Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, li l-attivita' saret taħt il-Patroċinju tiegħu, l-Arċisqof ta' Malta Pawlu Cremona kif ukoll bosta persuni distinti oħrajn.
  • Fil-Bibljoteka Nazzjonali, il-Belt, bħalissa hemm wirja fuq Dun Karm Psaila.

  • "Dun Karm - il-bniedem wara l-poeta" --- dokumentarju tad-Dipartiment tal-Informazzjoni fuq DVD jinsab għall-bejgħ.

  • "Dun Karm -- Il-Ħajja tal-Poeta Nazzjonali" -- ktieb ġdid fuq Dun Karm tal-Mons. Lawrenz Cachia.

  • Bejn it-13 u t-18 ta’ Ottubru, 2011, il-kappella fejn hu midfun il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila fiċ-ċimiterju Qalb ta’ Ġesu, Ħaż-Żebbuġ, se tkun miftuħa bejn id-9am u s-6.30pm. Dawk l-iskejjel u organizzazzjonijiet li jkunu jixtiequ jagħmlu żjara ta’ rispett fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-mewt ta’ Dun Karm, ikunu jistgħu jagħmlu dan fil-ħinijiet indikati. Huma ppreferuti kuruni/bukketti tar-rand jew batteriji AA biex tibqa’ tixgħel “il-Fjamma ta’ Mħabba” sal-aħħar ta’ din is-sena. Ikun hemm ukoll Ktieb tal-Viżitaturi.

  • Għall-okkażjoni ġie ppubblikat il-ktejjeb bl-isem ta’ ‘Dun Karm u Zamenhof – żewġ ilħna tewmin’, ta’ Karmenu Mallia (Malta Esperanto-Societo, 2011, 24pp. €2).

Din hi traduzzjoni bil-Malti tal-esej li Mallia originarjament kiteb bl-Esperanto u li kien deher fil-ktieb: “ Klaro kaj Elasto” (ed. Iltis, Franza, 2003) flimkien ma’ 20 esej ta’ awturi oħrajn, bħala festschrift lill-awtur esperantista Fernando de Diego f’għeluq it-80 sena tiegħu.

Fih, Mallia jqabbel żewġ poeżiji: waħda ‘Penso Printempa’ (Ħsieb għar-Rebbiegħa) l-unika poeżija li Dun Karm kiteb bl-Esperanto fl-1901, jiġifieri sentejn qabel ma beda l-moviment esperantista f’Malta, u ‘Pluvo’(Xita) ta’ Zamenhof. Dan, is-Soċjetà għamlitu biex flimkien ma’ għaqdiet oħra Maltin tfakkar il-50 sena minn mewt Dun Karm, li b’dil-poeżija tiegħu ħalla l-ewwel dokument esperantista f’Malta, u fl-istess ħin biex tfakkar il-50 sena mit-twaqqif tagħha (1961-2011). Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni mill-indirizz tal-Malta Esperanto-Societo: maltesper@hotmail.com.

  • ĊELBRAZZJONI DUN KARM - Bħala parti mill-attivitajiet li se jsiru fl-okkażjoni tal-50 sena mill-mewt tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jorganizza ĊELEBRAZZJONI DUN KARM, ġurnata ta’ preżentazzjonijiet varji fil-Lukanda Excelsior il-Furjana, nhar is-Sibt 15 ta’ Ottubru, mid-9.00 a.m. sal-4.00 p.m. F’din l-attività se jintwera filmat esklussiv dwar il-ħajja tal-poeta, jiġu ppreżentati sensiela ta’ vox-pops li nġibdu apposta, ikun hemm diskussjonijiet, poeżiji animati, kanzunetti minn Doreen u Dominic Galea, kif ukoll ikla buffet għal nofs inhar. Żgur li din se tkun okkażjoni unika li kull min għandu għal qalbu l-kultura tagħna m’għandux jitlifha. Għal aktar tagħrif u bookings ikkuntattjaw lis-Sur Joe Debattista fuq: joe.debattista@gov.mt

  • Intant anki l-Għaqda Poeti Maltin se tfakkar lill-Poeta Nazzjonali b’Lejla ta’ Poeżija f’ġieħ Dun Karm Psaila, nhar is-Sibt, 15 ta’ Ottubru, u dan fis-6.30 p.m. Il-post magħżul huwa r-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone, fil-Mosta, wara r-Rotunda. Waqt din il-Lejla se jinqraw poeżiji ta’ u dwar il-Poeta Nazzjonali. Ikun hemm ukoll xi interventi ta’ natura bijografika u kritika li jixħtu dawl fuq Dun Karm bħala bniedem u anki bħala kittieb u poeta. Kulħadd hu mistieden u d-dħul hu b’xejn.


Sunday, October 02, 2011

IL-ĦARIFA FIL-POEŻIJA -L-Ewwel Parti:

(Kumment ta’ Patrick Sammut)

Il-21 ta’ Settembru jġib miegħu l-istaġun tal-Ħarifa. Huwa żmien ta’ transizzjoni, bejn l-istaġun jaħraq u niexef tas-Sajf u l-istaġun kiesaħ u li jġib ix-xita miegħu tax-Xitwa. Il-Ħarifa ġġib magħha l-ftuħ tas-sena akkademika u l-ewwel xita (Settembru) u anki x-xhur tar-Rużarju (Ottubru) u tal-Mejtin (Novembru). Bosta poeti għandhom għal qalbhom dan l-istaġun li bħal staġuni oħra jakkwista wkoll tifsiriet simboliċi, u lil xi wħud ifakkarhom f’waqtiet jew ħsus partikolari. Hawnhekk issibu erba' poeżiji ta’ erba' poeti differenti, kollha membri tal-Għaqda Poeti Maltin.

Lil Amanda Busuttil il-Ħarifa tfakkarha fi ħlejjaq ċkejknin bħalma huma l-bebbux li joħroġ jirgħa wara kull ħalba xita. Xi drabi aħna l-bnedmin ngħaddu minn fuqu bla ma nindunaw jew bla ma nagħtu kas li nkunu qridna ħlejqa ċkejkna. Anki l-bebbuxu jħalli marka warajh bla ma nindunaw. Il-poetessa tqabblu ma’ pittur ċkejken.

Għal Carmel G. Cauchi l-Ħarifa tintrabat ma’ dak iż-żmien fil-ħajja tal-bniedem meta dan tal-aħħar ma jibqax żagħżugħ u mimli enerġija. Fih jibqgħu biss it-tifkiriet tar-rebbiegħa/żgħożija. Il-Ħarifa għalhekk hija l-istaġun li jfakkar lill-poeta li t-tmiem tal-ħajja qed joqrob dejjem iktar. Imma, ma ninsewx li anki dan huwa parti mill-ħajja!

Fuq in-naħa l-oħra, għal Charles Mifsud il-Ħarifa ġġib magħha dik iż-żiffa li ilu tant jistenna u tnissel ċertu ferħ fih mal-wasla tagħha. Il-Ħarifa jorbotha ma’ żewġ siġar tipiċi fil-gżejjer tagħna: id-dielja, li tintrabat mas-sajf li għadda (mela ħarsa lura fiż-żmien); u l-punzjetta, li bħal tfakkar li l-istaġun tal-Milied qed joqrob (mela ħarsa ’l quddiem fiż-żmien).

Anki Raymond Grech jiftakar fi ħlejqa ċkejkna li tpassi fuq il-gżejjer tagħna mal-miġja tal-Ħarifa. Dan huwa l-pitirross li jfakkru wkoll fit-tfulija tiegħu. Il-poeta jidentifika ruħu mal-pitirross għax it-tnejn iwasslu t-tama lil min tilef il-ħelsien.

L-EWWEL XITA TAL-BEBBUX

Art xotta, mitluqa

titgħewweb bil-għatx

tas-sajf tas-sulfarini

bil-foga u sħanat.

Wasal Settembru.

Kulħadd jistenna.

Min bil-biza’

li ser negħrqu.

Fi triqtu bebbuxu

ltaqa’ mal-baħar

u dan kien proprju

qtar tax-xita li nġabar!

Mar jgħid lil sħabu

biex jagħmlu festa

jiżfnu bil-weraq

bil-mappa lesta.

Bdew triqithom

lejn dinja ta’ ħdura

li fil-bitħa tagħna

jpinġulna pittura!

Kull fejn jgħaddi bebbuxu

jibqa’ marka,

il-bniedem jibqa’ għaddej

bla jħares u jġibu farka...

U ara taħseb li saret traġedja

ħlief li jgħid li ħammeġ

qiegħ iż-żarbun.

Bebbuxu ċkejken

ibża’ min-nies

agħdirhom ftit,

dawna nies bla qies!

Amanda Busuttil

11.09.2011


STAĠUNI

Ilbieraħ,

f’jum bnazzi tar-rebbiegħa,

imxejt tul in-nixxiegħa

fuq twapet tal-ħaxix

iħaddru mal-pjanura.

Illum

it-twapet tilfu l-ħdura,

mhumiex ħlief tiben niexef

itir ma’ kull buffura.

Xtaqt kieku lejn ilbieraħ

illum interraq lura…

‘Mma nixfet in-nixxiegħa

u dabet ir-rebbiegħa

u s-sajf ġa fl-aħħar siegħa.

U triqti lejn ilbieraħ

ma sibtha xejn ħafifa

… għax qorbot il-ħarifa.

Carmel G. Cauchi

RIESQA Ż-ŻIFFA TAL-ĦARIFA

Tinħass riesqa ħafifa

iż-żiffa tal-Ħarifa!

Qed titliegħeb mal-weraq tal-punzjetta,

li issa għoliet ġmielha

u qiegħda tissindika

fil-btieħi tal-ġirien.

Qiegħda tnaqqar il-weraq mid-dielja,

li issa mingħajr l-għenba,

kważi tilfet sbuħitha,

għax qiegħda titgħarwen.

Qed inħossha mit-tieqa ta’ kamarti,

riesqa lejja,

titbewwes ma’ ħaddejja,

tixtieq tkebbibni fiha,

toftomni mill-ħedla

li mtaqqal biha.

Sa fl-aħħar,

għax kien ili nistenniha,

tinħass riesqa ħafifa,

iż-żiffa tal-Ħarifa,

u jien ninsab kuntent,

nithenna biha.

Charles Mifsud

IL-PITIRROSS

Ħabt' Ottubru fil-ħarifa
lejn Novembru f’San Martin;
wara wkoll ix-xita traxxax
fuq il-ħdura w l-peprin.

Wisq għasafar Malta jpassu
kenn mill-hemm u għall-irdoss.
Psiepes, Bċieċeq u ta’ l-Għana,
magħhom jigi l-Pitirross.

Sidru aħmar, wieqaf, wieqaf,
jgħanni jtektek kullimkien,
jikkapparra post fl-imsaġar,
fuq l-għoljiet u fil-widien.

Postu jieħu qalb ħarruba
jew xi siġra tar-rummien,
ħadd ma jersaq lejn għamajru
għax jiġġieled daqs qalbien.

Tfajjel ċkejken kont nonsoblu
sabiex naqbdu bit-trabokk,
ġieli qbadtu ġieli ħarab
minn ġox-xibka għal fuq zokk.

Kelli tapp tal-luminata
b’musmar iebes ta’ l-azzar,
kont norbothom b’lastku safra
intektiklu qalb iż-żahar.

Kelli wkoll żewġ soldi lesti
inrikkibhom fuq xulxin,
b’subgħa wieħed w imbagħad bl-ieħor
inċekċiklu fl-istess hin.

Kien jismagħni w jweġibni
jiġi ħdejja jaqbeż tnejn,
jagħmel mixja jerġa’ jaqbeż
jara l-ħsejjes ġejjin mnejn.

Jekk jintebaħ dlonk bill-mansab
jerġa’ jitlaq lejn fejn kien,
jibqa’ jgħasses, jibqa’ jżebbeġ,
waqt li jgħanni ġewwa l-ġnien.

Hekk irridu jibqa’ jgħanni
jimla ’l artna bis-serħan.
Kemm fl-għelieqi w fil-kampanja
ħieles jiġri jtir ferħan.

Jiena bħalu nibqa' ngħanni
kemm bil-maħżeż u l-ilsien.
Flimkien ngħannu nwasslu t-tama
lil min tilef il-ħelsien.

Raymond Grech