Thursday, June 27, 2013

Intervista ma' TREVOR ŻAHRA


1.               Trevor Żahra u l-letteratura għat-tfal. Dan jimplika mill-inqas żewġ affarijiet: l-imħabba għat-tfal u n-namra mal-kitba għat-tfal. Minn fejn joriġinaw dawn iż-żewġ imħabbiet?

Forsi aktar minn imħabba għat-tfal, inħoss li  għandi mħabba għat-tfulija. Kollox ma’ kollox naħseb li kelli tfulija ferrieħa ħafna.  Kont inħossni maħbub mill-familja u mill-qraba tiegħi.  Illum nirrealizza kemm  kont ngħix f’ambjent ikkulurit: id-dar tan-nanna u z-zija fejn kont inqatta’ jiem sħaħ, l-istejjer li kienu jirrakkontawli, il-ġardina qisha l-ġnien tal-Eden u l-kamra tal-imbarazz.  Imbagħad kien hemm id-dar t’ommi, il-ġnien kbir li kellna, il-librerija vasta fl-istudju ta’ missieri, iz-zijiet u l-kuġini ġejjin u sejrin għandna.  Dawn kollha għaġnuni, ispirawni u sabu ruħhom fil-kitba tiegħi.

2.         Matul il-karriera twila tiegħek bħala kittieb inti ktibt novelli, rumanzi, poeżiji u
       drammi. X’inhu s-sabiħ ta’ dawn il-ġeneri ta’ kitba?

F’kull ġeneru nsib xi ħaġa li tiġbidni u proprju għalhekk jiena naqbeż minn ġeneru għal ieħor.  Inħoss li meta, ngħidu aħna, min-novella ndur għall-poeżija, jew mir-rumanz indur għad-dramm, ikun qed niċċarġja l-batteriji mill-ġdid.  Inħobb inġib tixbiha mal-ikel: anki l-aktar ikel favorit tiegħek, jekk tieklu kuljum ixebbgħek. U hekk inħares lejn il-ġeneri letterarji: inkun nixtieq induq it-togħmiet differenti li joffruli.  Iżda minkejja dan kollu, tul dawn  l-aħħar snin inammrajt bil-kbir man-novella.  L-istil konċiż tagħha, l-ekonomija ta-kelma, il-pinzellati ħfief iżda sodu jkunu jeħtieġu l-karattri, inħosshom jaqblu mat-temperament tiegħi.

3.         Xi tgħid dwar il-ġeneru tal-awtobijografija?

Inħoss li ħafna awtobijografiji jbatu mill-istil.  Xi drabi jiġri li għalkemm il-persuna kkonċernata jista’ jkollha ħajja mill-aktar interessanti u unika, ma tkunx imħarrġa fl-arti tal-kitba u allura tipproduċi xogħol stilistikament medjokri.  Ma jfissirx li għax inti arkitett mill-aqwa, inti wkoll kittieb. Fi kliem ieħor, awtobijografija tajba, tkun  verament tajba, mhux għax tkun miktuba minn politiku magħruf, filmstar ċelebri jew footballer-stilla ... imma meta tkun artistika u kreattiva.  Barra minn Malta, il-biċċa l-kbira tal-awtobijografiji jgħaddu għand editur jew shadow writer, sabiex dan jieħdu f’idejh l-ewwel draft tal-awtobijografu u jittrasformaha f’kitba interessanti.

4.     Liema minn dawn it-tip ta’ kotba jintlaqgħu l-aħjar mill-qarrejja?

B’mod ġenerali, l-aktar li jimxu huma r-rumanzi; iżda minn ftit lil hawn osservajt li n-novella qed taqbad ritmu ġmielu.  Fl-istil tal-ħajja tal-lum, x’aktarx wieħed qed iħossu komdu jaqbad jaqra biċċa xogħol ta’ ftit paġni u jlestiha malajr.

5.     Minn fejn jitwieldu l-karattri li niltaqgħu magħhom f’kitbietek? Liema huma l-iktar għal qalbek?

Jiena nikteb ħafna fuq karattru li niltaqa’ magħhom ta’ kuljum, jew fuq oħrajn li fi tfulitu jkunu ħallew fuqi l-impronta tagħhom.  B’danakolu jiena qatt ma nagħmel “copy & paste” imma nieħu elementi partikolari minn diversi karattri u nagħġinhom f’karattru ġdid.  B’hekk inħoss li l-karattru jkun aktar oriġinali, interessanti ... jew bizarr.

6.     X’jagħmel karattru tajjeb?

Meta l-kittieb ikun qed jimmudella l-karattri tiegħu, jeħtieġ ikun jiskopri x’tip ta’ vuċi jkollhom, kif jimxi, kif iċaqelqu jdejhom; jiskopri l-passat tagħhom, x’tip ta’ familja għexu fiha, f’liema post ..eċċ; anki jekk dan kollu ma jkunx se jidħol fl-istorja. Xorta waħda l-kittieb jeħtieġ ikollu komoxxenza ta’ dan.    B’hekk, meta l-qarrej jiltaqa’ ma’ dawn il-karattri, iħoss li huma tridimensjonali ... ħajjin.  Jiena nemmen li rakkont jimxi ’l quddiem aktar bis-saħħa tal-karattri milli tal-plott.

7.     Spiss il-kittieb isostni li jasal żmien meta ċerti karattri bħal jieħdu rajhom f’idejhom u jsiru indipendenti mill-istess awtur. Qatt ġara lilek dan?

Iva, dan x’aktarx ikun kollu frott tal-preparazzjoni sfiqa li jkun għamel il-kittieb; ta’ kemm ikun daħal fil-fond tal-karattri tiegħu.  Kemm-il darba ġrali li f’ħalq il-karattri nibda nqiegħed kliem li ma nkunx  fassaltu qabel.  Nibda nħoss li dak il-karattru partikolali hekk ikun jeħtieġ jgħid; jew karattru li suppost kellu jkun sekondarju, bil-mod il-mod tant nibda tant insibu interessanti li nibda nżattu wisq aktar milli nkun ippjanajt; donnu ħa r-riedni f’idejh u qed jiddettali hu xi jridni nagħmel bih.


8.     Kemm hija importanti r-rabta bejn il-karattri u l-ambjent li fih jitqiegħdu fil-kitbiet tiegħek?

Meta aktar ’il fuq semmejt li waqt l-ippjanar tal-karattri tajjeb li nistudaw ukoll il-post fejh għexu, kont qed nirreferi wkoll għar-rabta tagħhom mal-ambjent fejn trabbew.  Tifel li għex u trabba mal-port x’aktarx ikollu viżjoni tal-ħajja differenti minn wieħed li trabba fi flett il-Gżira; u min, ngħidu aħna għex tfuliti kollha l-Awstralja se jkollu viżjoni differeti minn dak li għex Malta u missieru kien mekkanik, jew għalliem jew bennej.  Barra minn hekk, l-ambjent li nitrabbew fih mhuwiex biss dak fiżiku imma jinkludi wkoll il-karattri li niltaqgħu magħhom.  Min trabba mal-port s e jiltaqa’ ma’ karattri differenti minn dawk li jiltaqa’ magħhom min jitrabba s-Swieqi.

9.     Kemm huma importanti l-aspetti morali, didattiku u soċjali f’kitbietek? Kieku kellek tqiegħed dawn it-tliet aspetti f’ġerarkija kif tikklassifikahom fil-kitbiet tiegħek?

L-aspett didattiku nħoss li m’għandux postu fil-letteratura.  Din mhix qiegħda hemm biex tiddetta jew timponi, imma biss biex tipprovoka l-ħsieb.  L-aspett morali nħoss li għandu jkun aktar issuġġerit bl-aktar mod sottili, milli mistqarr. 
Issa hawnehkk irrid niddistingwi bejn kitba għat-tfal u kitba għall-adulti.  Dik għat-tfal inħoss li għandu jkollha valuri morali f’posthom. Jiġifieri jiena qatt ma jgħaddili minn moħħi li nikteb xogħol għat-tfal li fih jiena nigglorifika l-moħqrija jew fejn il-ħażin jiġi ppremjat.  Iżda meta nikteb għall-kbar nista’ nuża dawn l-istrateġiji biex nasal fejn inkun nixtieq.  L-adulti għandhom l-għodod biex janalaizzaw dak li ngħid, ma jaqblux miegħi u jikkonfrontawni.  Iżda t-tfal x’aktarx jieħdu bħala vanġelu dak kollu li jaqraw.
L-aspett soċjali huwa għal qalbi ħafna, iżda ma rridx aġendi premeditati.  Nippreferi li dan jidħol ħelu ħelu bis-saħħa tal-plott u tal-kartattri.

10.  X’differenzi jeżistu bejn il-kitba għat-tfal, dik għall-adolexxenti u dik għall-adulti? Semmi xi eżempji mill-kotba tiegħek.

Bosta drabi, id-differenza tkun aktar waħda teknika u stilistika milli tematika.  Nemmen li għat-tfal tista’ titkellem fuq kollox:  fuq is-sess, ir-reliġjon, ir-razziżmu, il-mewt, l-inġustizzja soċjali ... kollox.  Il-ktiieb irid isib il-mod u l-istrateġiji adattati kif jitkellem dwar dawn it-temi.  Naħseb li l-kitba għall-adolexxenti hija l-aktar diffiċli.  Il-kittieb jeħtieġ li mhux biss jifhem id-dinja tagħhom, iżda wkoll jitgħallem il-vokabularju tagħhom; vokabularju li jinbidel malajr.  Din toffri sfida oħra lill-ktiieb, għax vokabularju li llum ikun mill-aktar attwali u moda, wara ftit taż-żmien jista’ jibda jinħass qadim u antikwat u l-effett fuq il-qarrej ikun proprju l-maqlub ta’ dak li jkun ħadem għalih il-kittieb.  Iż-żewġ kotba tiegħi Sfidi u Sħab, l-uniċi rakkonti li ktibthom apposta għall-adolexxenti, kienu tnejn mill-aktar li sibt diffiċli,

11.  Xi tgħid dwar il-ġeneru tal-poeżija? Naf li int għamilt mill-aħjar biex tqarribha aktar lejn il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. Kif għamilt dan?

L-imħabba tiegħi lejn il-letteratura bdiet proprju mill-poeżja; mill-kitbiet ta’ Ġananton Vassallo u Dwardu Cachia li nannti kienet taf bl-amment.  L-ewwel tentattivi tiegħi fil-kitba kienu taqbiliet.  Fi tfuliti niftakarni naqra l-poeżiji ta’ Dun Karm, Pisani u Buttigieg u nieħu gost bihom bla ma nifhimhom; nissaħħar wara l-ħoss tal-kelma, tar-ritmu u r-rima.  Meta bdejt ngħallem il-Malti kont ninkedd meta narani kostrett nagħti lit-tfal poeżija li ma nkitbitx għalihom; li mhumiex mid-dinja tagħhom u li ħtija t’hekk x’aktar it-tfal se jitilgħu jobogħdu l-poeżija.  Meta mbagħad bdejt naqra dak li kien qed jinkiteb lil hinn minn xtutna minn kittieb bħal Roger Mc Gough, Michael Rose, Carol Ann Duffy, Colin Mc  Naughton u John Foster, bdejt ninduna kemm il-poeżija għat-tfal tista’ tkun għajn ta’ divertiment.   Bdejt nipprova nikteb poeżiji ferrieħa u umoristiċi u nara dawn kif se jintlaqgħu mit-tfal.  U l-feedback li rċevejt kien veramnet inkoraġġanti.  It-tfal iriduha l-ooeżija u jħobbuha ... kemm-il darba jħossuha tabilħaqq tagħhom.

12.  X’inhu r-rwol tiegħek fi ħdan Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb?

Jiena membru bħall-oħrajn kollha, u minkejja li jiena viċi-president b’għandix xi xogħol aktar jew ogħla minn sħabi.  Ħdimna kif stajtna fil-limitazzjonijiet kbar li kellna.  Ta’ min wieħed jagħmilha ċara li l-Kunsill m’għandux vot speċifikament għalih; għandu biss vot apposta għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u vot ieħor għall-Fiera. L-inizjattivi l-oħra kollha li mbarka fuqhom il-Kunsill (bħall-kampanja “Ħu ktieb miegħek ħdejn il-baħar” u l-oħra “Aqra ktieb qabel torqod” irnexxielu jagħmilhom bis-saħħa tal-sponsors li sab.  Hekk ukoll nistgħu ngħidu għas-seminars li orgaizzai u l-pubbikazzjonijiet li ħriġna.  Naf li hemm ħafna  aktar x’jista’ jsir u ċertament qatt ma konna perfetti f’dak li għamilna; imma aħna grupp ta’ nies li naħdmu bil-qalb u b’ħafna entużjażmu.


13.  Kemm hu importanti li awtur ikollu l-websajt tiegħu?

Illum ikollok timxi maż-żminijiet.  Ngħid għalija, is-sit elettroniku tiegħi nsibu komdu ħafna meta nircievi talbiet mit-tfal għal għajnuna fil-proġetti li jkollhom.  Mis-sit elettroniku tiegħi jkunu jistgħu jsibu u jniżżlu l-informazzjoni kollha li jkunu jeħtieġu.  Illum hemm ukoll il-facebook, it-twitter u mezzi oħra simili li permezz tagħhom l-awtur ikun jista’ jsemma’ leħnu u jippubbliċizza kitbietu.  Dawn huma kollha għodod li nagħmlu tajjeb nużawhom, għax il-poplu jeħtieġ jisma’ l-vuċi u l-opinjoni tal-awtur, vuċi li bosta drabi tintradam fost l-għagħa tal-politiċi u tal-midja.






Wednesday, June 26, 2013

L-Għaqda Poeti Maltin u l-Laqgħa tas-Sibt, 6 ta’ Lulju


Billi din is-sena Rużar Briffa qed ikun imfakkar fil-50 sena minn mewtu, l-Għaqda Poeti Maltin ħasbet biex matul il-laqgħa tal-ewwel Sibt tax-xahar li jmiss, jiġifieri fis-6 ta’ Lulju, ikun iddedikat ftit ħin għal dan il-poeta mill-Belt Valletta. 

Dr. Carmel Mallia se jaqra esej bil-Malti bl-isem, "Il-Poeżija tat-Tbatija f'Rużar Briffa b'referenza għall-poeta Franċiż  Alfred de Vigny." Dan l-istess studju se jkun ippubblikat fi ktejjeb ta' 24 paġna u se jkun għall-bejgħ waqt din il-laqgħa li ssir f’Dar l-Emigrant – ħdejn dħul il-Ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq – bejn l-10am u 12pm. Il-ktejjeb se jinbigħ għall-prezz ta’ €3 u l-qligħ imur għall-Għaqda Poeti Maltin. 

Il-ktejjeb dwar Rużar Briffa se jkun b'xi stampi, jagħti l-karatteristiċi tal-poeżija tat-tbatija ta' Rużar Briffa u fih Dr. Mallia jqabbel xi punti li ħareġ ma' xi karatteristiċi tal-poeta Franċiż Alfred de Vigny (1797-1863). 

Dan l-esej oriġinarjament inkiteb bl-Esperanto mill-istess Dr. Karmenu Mallia u deher flimkien ma' esejs ta' awturi esperantisti oħra fil-'Festlibro de A al B/por Andre' Albault', ippubblikat mill-Edition Iltis, Franza. 

Kulħadd huwa mistieden. Se jkun hemm ukoll ħin biex dawk preżenti jaqraw kemm poeżiji ta’ Rużar Briffa kif ukoll versi tagħhom stess.


Sunday, June 09, 2013

Poeżija għal Jum il-Missier

F’Jum il-Missier

F’dan il-Jum fix-xahar ta’ Gunju
Missier aħna nduru lejk
Biex nuruk l-istima tagħna
Xi ftit iktar niġu ħdejk.

Jixraq li matul is-sena
Lil Missier irroddu ġieħ
Huwa t-tmun minn tal-familja
Kull għajnuna nsibu fih.

Sa minn kmieni huwa jbakkar
Jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum
Għall-imħabba ta’ uliedu
Jagħmel dan kemm ħaj idum.

Xieraq illi f’dil-ġurnata
Rigal ċkejken aħna ntuk
Mill-qalb ħiereġ f’din il-għodwa
Imħabbitna b’hekk nuruk.

Dil-ġurnata ukoll tiġi
Biex insellmu lill-Missier
Illi llum telaq, ħalliena,
Seta’ kien f’saħħtu daqs plier!

Għax il-Mewt ma għandhiex ħniena
Tagħha l-minġell jaqta’ sew –
Fqar u għonja ġew u marru
Dan is-snin dejjem urew.

Jekk l-omm hija l-kolonna
Illi tirfed il-familja
Fil-missier żgur l-ulied kollha
Ta’ kull qawwa jsibu l-milja.

Nirringrazzjawk , għażiż Missier
Ilqa’ tagħna l-ħajr sinċier.

Kav Joe M Attard
11-V1-2000


Sunday, May 26, 2013

IKOMPLU L-LAQGĦAT MILL-GĦAQDA POETI MALTIN
Il-membri tal-Għ.P.M. reġgħu ltaqgħu f’Dar l-Emigrant l-ewwel Sibt ta’ Mejju bejn l-10 am u 12pm, fejn qraw poeżiji minn tagħhom. 
Okkażjoni oħra kienet dik li seħħet ukoll fl-4 ta’ Mejju, imma filgħaxija, din id-darba f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa. Hawn ukoll inqraw għadd ta’ poeżiji mill-membri. L-Għ.P.M. ippreżentat ukoll għadd ta’ kotba ppubblikati mill-membri tagħha kemm lill-Kunsill Lokali kif ukoll lill-Iskola Primarja tal-lokal. 
Nhar is-Sibt, 18 ta’ Mejju, l-Għ.P.M. organizzat ikla għall-membri tagħha f’ristorant f’Ħal Qormi

L-istess Għaqda tellgħet Lejla ta’ Poeżija u Mużika fl-24 ta’ Mejju fir-Razzett tal-Markiż, fil-Mosta, f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Il-President, Charles Magro, stieden biex dawk preżenti jisimgħu sewwa, jiflu u japprezzaw kull poeżija li kienet se tinqara, anki għax kull wieħed u waħda minn dawk preżenti setgħu jitgħallmu minn ħaddieħor. Waqt is-serata l-poeta Malti minn Sydney, l-Awstralja, ippreżenta lill-Għaqda numru ta’ kopji tal-ġabra ta’ ħajku tiegħu Qwiel minn Fomm l-Imġarrab (2010).  Louis Vassallo ppreżenta kopji tal-ktieb Infakkru l-Passat—Niċċelebraw il-Ġejjieni li jfakkar it-30 anniversarju tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti, li tagħha Vassallo hu viċi-President. Il-parti mużikali din id-darba ġiet ipprovduta mill-kitarrist bravu Ray Ellul li daqq siltiet tal-Beatles. 





Thursday, May 23, 2013

Intervistat il-Prof. Charles Briffa


Il-Professur Charles Briffa llum huwa awtur ta’ numru mdaqqas ta kotba  f’rabta mal-Lingwa u l-Letteratura Maltija, mal-Kritika Letterarja u mat-Traduzzjoni. Għallem fi skejjel tal-Knisja u ħadem fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni, il-Matsec Support Unit,u anki l-Fakultà tal-Arti fid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta. Jaħdem fid-Dipartiment tat-Traduzzjoni u tal-Interpretazzjoni fl-istess Università.

1. Xi tgħid dwar l-importanza tat-traduzzjoni u tal-għarfien ta’ ilsna differenti llum, anki f’kuntest ta’ Malta fl-Ewropa? Xi rwol għandu l-ilsien Malti f’rabta ma’ dan kollu?

It-traduzzjoni letterarja trid l-imħabba. Imma hemm it-traduzzjoni teknika wkoll.

Mill-aħħar kwart tas-seklu 20 ‘l hawn it-traduzzjoni saret dixxiplina awtonoma għax id-dinja għarfet l-importanza tagħha u għalhekk żdied l-interess fit-teorija u l-prattika tat-traduzzjoni. B’riżultat ta’ dan l-għarfien kien hemm espansjoni globali fl-attivitajiet marbutin mat-traduzzjoni bħala att fundamentali ta’ tpartit uman. Jiġifieri żdiedet sew il-ħidma tat-traduzzjoni mad-dinja kollha. Id-diversità lingwistika tal-Unjoni Ewropea kattret il-ħtieġa tat-traduzzjoni.

Fil-ġrajja Maltija nsibu li t-traduzzjoni kellha sehem ewlieni fil-qasam soċjali sa miż-żmien l-antik, imma fejn tidħol traduzzjoni għall-Malti nistgħu nsemmu (aparti l-listi ta’ kliem li xi barranin ġabru b’interess) is-sett ta’ istruzzjonijiet militari (c.1640, bit-Taljan u bil-Malti) meqjusa li huma ta’ Thezan (miet1649) u t-Tagħlim Nisrani (1752) ta’ Francesco Wzzino (1678-1767), li kien traduzzjoni tal-katekiżmu mit-Taljan għall-Malti. Fis-sekli ta’ wara l-ħidma fit-traduzzjoni żdiedet u l-akbar biċċa xogħol li wieħed jista’ jsemmi f’dan il-kuntest hija l-ħidma ta’ Saydon (1895-1971) li ttraduċa l-bibbja mill-Ebrajk, l-Aramajk, u l-Grieg għall-Malti fuq medda ta’ tletin sena (1929-1959). U saru wkoll bosta traduzzjonijiet mit-Taljan u mill-Ingliż, speċjalment fil-qasam letterarju. Ma ninsewx ukoll li fil-parti l-kbira ta’ dawn l-aħħar mitejn sena l-liġijiet tagħna kienu bilingwi. It-traduzzjoni, mela, kellha sehem kruċjali biex tassisti l-kultura bl-importazzjoni tal-ideat u l-metodi stilistiċi, u fl-aħħar kwart tas-seklu għoxrin it-traduzzjoni fil-Gżejjer Maltin imxiet mal-bqija tad-dinja biex tgħin aktar l-għarfien ta’ ħajja kontemporanja li kulma tmur bdiet tkun aktar iffragmentata. Meta fil-bidu tas-seklu 21 dħalna fl-Unjoni Ewropea, it-traduzzjoni teknika saret ħtieġa politika u sors ekonomiku għal bosta Maltin u Għawdxin.

Imma jeħtieġ inżidu li t-traduzzjoni qiegħda tgħinna wkoll biex nesportaw ix-xogħlijiet u l-ideat tagħna għax qed isir bosta xogħol biex l-awtur Malti jinqaleb għall-Ingliż ħalli d-dinja tkun tista’ tisimgħu. Għax meta, ngħidu aħna, poeżija Maltija tinqaleb għall-Ingliż ma tibqax iddur biss mal-Gżejjer tagħna imma ddur mal-globu kollu. It-traduzzjoni twessa’ fil-beraħ l-għarfien tax-xogħol li juri xi ftit kif aħna nħarsu lejn id-dinja.

Mela, bit-traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet barranin għall-Malti nkunu qegħdin inwessgħu l-potenzjalitajiet ta’ lsienna u nkattrulu r-riżorsi; u bit-traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet Maltin għal xi lingwa oħra nkunu qegħdin inwasslu l-ideat tagħna għand ħaddieħor. Inżommu f’moħħna li mingħajr it-traduzzjoni l-kittieba, il-ħassieba, u l-istudjużi ma kienx ikollhom wisq influwenza fuq id-dinja. Mill-banda l-oħra, lanqas ma kien ikun sew li kieku l-qarrejja biss ta’ lingwa partikulari kien ikollhom aċċess għall-kitbiet b’dik il-lingwa għax it-tpartit u l-krossfertilizzazzjoni tal-ideat u t-teoriji kienu jonqsu ħafna.

B’dan il-għan, it-traduzzjoni bilfors trid turi d-dinamika tat-tiswir kulturali tal-identità umana. Iddaħħal l-ilsien Malti fi djalogiżmu mal-lingwi klassiċi u ma’ lingwi barranin. Il-Malti bħala lsien jistagħna bl-interazzjoni, u f’dan il-proġett l-interazzjoni qiegħda fil-livell intellettwali u kreattiv bejn id-dinja klassika u d-dinja barranija u d-dinja Maltija tal-lum. Barra minn hekk, kull traduzzjoni titfa’ perspettiva ġdida fuq it-test sors. B’hekk qegħdin ngħidu li hemm ħtieġa għat-traduzzjoni letterarja biex tinbena l-kultura, għax bit-traduzzjoni nifhmu t-teoriji, l-opinjonijiet, u l-ġrajjiet ta’ ħassieba, skulari, u kittieba f’pajjiżi u f’iżmna oħra. Fl-istess ħin awtur ta’ żmien jew post ieħor jibqagħlu d-dritt li jibqa’ jinstema’. Nemmen bi sħiħ li t-traduttur huwa vjaġġatur li jterraq minn sors għal ieħor, u li b’ħidmietu jgħinna nsawru l-għerf tagħna fuq id-dinja – tiswir li bih narmaw ruħna sew għall-futur. 

2. Kif tirrikonċilja l-attività tiegħek ta’ kritiku letterarju ma’ dik ta’ Professur fi ħdan id-Dipartiment tat-Traduzzjoni fl-Università ta’ Malta? u/jew liema jistgħu jkunu l-punti ta’ kuntatt bejn il-qasam tal-kritika letterarja u dak tat-traduzzjoni?

Iż-żewġ oqsma tat-traduzzjoni u tal-kritika letterarja jirrikjedu studju serju għall-komunikazzjoni: qari analitiku, interpretazzjoni, riċerka, u espressjoni. It-tnejn narahom mezz ta’ medjazzjoni bejn l-awtur u l-qarrej. It-traduttur u l-kritiku huma medjaturi fit-twassil tal-messaġġi tal-awturi. U l-gost ta’ dawn iż-żewġ ħidmiet huwa li, wara li jsir l-istudju xieraq, tkun trid tinstab il-lingwa sabiex tikkomunika l-frott tar-riċerka u tal-analiżi.

Illum il-ġurnata ftit huma dawk li kapaċi jaqraw ix-xogħlijiet fl-oriġinal. Hija t-traduzzjoni li trid tressqilna s-sengħa tal-kitba fil-letteratura, fil-filosofija, u fis-suġġetti l-oħra li għandha bżonn is-soċjetà tal-lum. U t-traduzzjoni trid issolvi l-problemi kulturali kkaġunati mill-bogħod taż-żmien u tal-ġeografija: fatturi li nisslu drawwiet differenti minn tagħna. Għalhekk it-traduzzjoni xi drabi tkun approssimattiva, imma l-qawwa tat-traduttur tidher fl-istrateġiji li jsib biex jibni elementi relevanti li funzjonalment jaħdmu fit-tifsir kuntestwali tat-tieni lingwa.

Ngħidu aħna, jekk nieħdu t-traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet klassiċi nsibu ħidma li timpenja lit-tradutturi letterarji bħala forza pożittiva għas-sopravivenza tal-kitba matul iż-żmien. Il-wirt tal-ideat jinfirex u jibqa’ ħaj. Jiġifieri, it-tradutturi letterarji huma importanti għall-kontinwità kulturali. Dawn it-tradutturi huma medjaturi u interpreti interkulturali minħabba l-aspett djaloġiku. Pereżempju, it-traduttur tas-Sanskrit huwa l-medjatur tagħna li jinterpreta l-kultura Sanskrita bil-Malti li jagħżel, u biex jagħmel hekk irid jinnegoza termini ġodda fi lsienna. L-istess ngħidu fil-każ tal-Ingliż Qadim. Id-djalogiżmu jidher fil-fatt li t-traduzzjoni “timporta” u tinnaturalizza t-taħdit ta’ kulturi klassiċi bl-argumenti u t-tensjonijiet tagħhom. It-traduzzjoni titqabbel mad-djalogu ta’ kuljum bħala tpartit tal-ideat; tinnegozja l-aħjar mod biex fit-tieni lingwa t-traduzzjoni tesprimi kultura mgħoddija b’lingwa barranija. It-tpartit lingwistiku huwa djaloġiku, u fl-istess ħin hemm element ta’ innovazzjoni l-aktar minħabba li jinħolqu jew jiddaħħlu termini ġodda u jissawru sfumaturi ġodda li jingħataw lit-termini li diġà jeżistu. It-traduzzjoni hija forma ta’ komunikazzjoni u mezz ta’ kontinwità. B’hekk tassigura li test jibqa’ jgħix; jibqa’ kważi l-istess b’libsa oħra. Bit-traduzzjoni test jibqa’ jintiret. Il-komunikazzjoni ssir interkulturali u intertemporali. U t-tradutturi jagħtu forma lit-tifsir.

Nifhmu wkoll li xogħol letterarju jista’ jinqara b’mod superfiċjali jew b’mod profond. Il-kritiku letterarju jidħol jogħdos fir-ruħ tax-xogħol ħa jifhem il-moħbi u jorbtu mal-mikxuf. Dan mhux kulħadd għandu ħila jew sabar jew ħin jagħmlu, u allura l-kritiku jkun qiegħed jgħin lill-pubbliku biex jifhem aħjar. Kull biċċa xogħol letterarja tistħoqqilha l-għabiel tal-kritiku. Inħobb inħares lejn il-kritika letterarja bħala saħħara tal-qalb u l-moħħ letterarji għax ittejjeb l-għarfien ta’ biċċa xogħol hi u tgħarrex fil-ħsieb kreattiv sabiex tipprova tifhem-tfiehem mhux biexx dak li jingħaraf malajr imma wkoll dak kollu li jeħtieġ ħsieb profond u skavi li jaslu biex jippenetraw is-superfiċjali sa ma jaslu għall-qalba ta’ ruħ ix-xogħol.

Il-kritika letterarja hija differenti mill-qari tal-letteratura. Il-kritika hija diskussjoni fuq il-letteratura. Mhijiex sostitut għall-qari tax-xogħol – avolja ġieli jkun hemm min jitkellem fuq biċċa xogħol mhux għax ikun qraha imma għax ikun qara xi kritika fuqha. M’għandha ebda għan li tipprova tirriproduċi l-gost li wieħed isib fil-qari. Il-ħidma tal-kritika hija li tiskopri n-natura tal-kreattività tal-kittieb u ssib dawk l-elementi fix-xogħol letterarju li jistgħu jqanqlu diskussjoni. Il-kritiku jipprova jestendi l-medda tal-argument razzjonali dwar il-letteratura. Jiġifieri fejn hu possibbli jipprova jwessa’ l-fruntieri tal-ħsieb kemm jista’ jkun; jipprova jispjega dak li jsib, u dak li jħalli barra jħallih għax jemmen li l-effetti tiegħu ma jwassluhx għal xi argument kritiku. Il-kritika letterarja tagħti r-raġunijiet ghħall-ġudizzji tagħna. Tagħti l-valuri jew in-nuqqasijiet tal-letteratura. U b’dan il-mod allura tkun qiegħda tgħin lill-umanità.

3. Inti ktibt ukoll xogħlijiet oriġinali bħal poeżiji u novelli bil-Malti. Dan il-qasam jagħtik sodisfazzjon daqs, iktar, jew inqas miż-żewġ oqsma l-oħra li semmejna diġà?

Ir-riċerka (li jien nesponi fil-kritika letterarja u fl-istudji tal-lingwa u tat-traduzzjoni) inħobbha u l-kitba kreattiva (li jien nesponi fil-poeżiji u fin-novelli) inħobbha wkoll. It-tnejn jagħtuni sodisfazzjon differenti: tal-ewwel is-sodisfazzjoni jintrabat mal-ħeġġa tal-esploratur li jterraq f’dak li mhux magħruf ħa jagħrfu; u tat-tieni s-sodisfazzjon jintrabat mal-ħeffa tat-tajra li timraħ fil-beraħ ħieles u max-xenqa tal-artist li jrid joħloq – it-tiżwiġ tal-ħeffa max-xenqa huwa parti mill-istil mentali tiegħi.

Il-proċess analitiku tar-riċerka tiegħi huwa differenti mill-proċess artistiku tal-kreattività tiegħi. Fil-proċess analitiku meta nikteb idea nkun naf li dik l-idea nkun irbaħtilha, għax inkun sibt il-lingwa sabiex nispjegaha – jiġifieri, inkun qed nispjega xi ħaġa li ma tkunx ħarġet minni imma minn ħaddieħor. Fil-proċess artistiku meta nikteb idea nħossni li nkun ferrajt xi ħaġa minn ruħi li tkun ilha tħuf f’moħħi – jiġifieri, tkun saret parti minni. Il-proċess tat-traduzzjoni nsibu li għandu mit-tnejn: kemm mill-proċess analitiku (għax it-traduzzjoni teħtieġ ir-riċerka) u kemm mill-proċess artistiku (għax it-traduzzjoni letterarja tippermetti grad ta’ kreattività).

Fl-istudji analitiċi tiegħi x’aktarx li nipprova nuri kemm ilsienna huwa uniku; dawn l-istudji neħodhom bħala eżerċizji ta’ medjazzjoni (kif għedt) biex ngħin lill-qarrejja jifhmu aktar u japprezzaw il-potenzjalitajiet tax-xogħlijiet letterarji. Inħoss li nkun qed nagħti servizz. Kull darba li neżamina xogħol letterarju nara amalgamazzjoni tal-umanità u l-kreattività, u għalhekk nipprova nikxef xi ħaġa mill-attività, anzi aħjar mill-valenza interpersonali tal-kitba letterarja bil-Malti. Għalhekk spiss ninxteħet fl-analiżi psikostilistika. Dan kien l-għan ewlieni tiegħi f’Il-Letteratura Maltija: L-Istorja tan-Narrattiva (2008) fejn applikajt it-teorija letterarja reċenti għal xogħlijiet Maltin. L-istudji medjatriċi jgħidu: “Hekk huma l-affarijiet. X’taħseb?” Xorta jħallu l-interpretazzjoni finali f’idejn il-qarrej, imma wara ħsieb u analiżi bil-għaqal.

L-esperjenza tal-kitba kreattiva, mill-banda l-oħra, qisha bħal meta nħares lejn il-wisgħa ta’ baħar miftuħ: inkun naf li hemm żewġ ibħra quddiemi, wieħed li jhennik u jpaxxilek lill-għajnejk bil-ġmiel tiegħu, u l-ieħor li jgħajjilek dirgħajk u riġlejk biex kull qadfa tibda titqal f’għawma twila. Bħalma meta nħares lejn il-baħar ikħal ileqq fis-sebħ ix-xena tistimulali lir-ruħi ħassieba, meta nħares lejn id-djarju tiegħi (fejn inħobb inħażżeż l-ideat li jitnisslu f’moħħi) titqajjem ix-xewqa immaġinattiva profonda u jkun hemm l-għatx għas-seħer tal-kitba. Imma s-sengħa tal-kitba hija laborjuża, u negħreq l-għaraq tad-demm fiha. Fl-istess waqt hija l-iskultur li jsawwarli moħħi, u moħħi jippermettili neħles lili nnifsi minni nnifsi biex fil-proċess tal-kreattività nbexxaq possibiltajiet ġodda tiegħi nnifsi. Bħall-ispirti tal-Milied li żaru lil Scrooge: għamluh konxju tal-multipliċità tar-realtà ta’ madwaru. Bħal dawn l-ispirti, il-kitba kreattiva tiegħi tippreżentali modi ta’ awtomodifikazzjoni. Għalija l-ħelsien letterarju jintrabat mal-evoluzzjoni umana. Fl-istess ħin, il-kitba letterarja tiegħi sikwit issir djaloġika għax ma rridhiex tkun sempliċiment biċċa imbarazz mitluqa tifflowtja għal riħha f’wiċċ il-baħar tal-anonimità u bla karattru. Il-ħsieb kreattiv tiegħi għandu tendenza jissieħeb ma’ xi wħud minn dawk li ġew qabli jew dawk kontemporanji tiegħi.

4. Hemm fik ukoll l-edukatur, fil-klassi u fil-qasam tal-mezzi tax-xandir. Kemm hu importanti dan fi żmien meta donnha tispikka qatigħ il-medjokrità?

L-edukazzjoni teħtieġ ir-riċerka u l-komunikazzjoni; u x-xandir jeħtieġ ir-riċerka u l-komunikazzjoni. Mela jinxtiebhu. Nemmen li x-xandir (barra l-funzjoni tiegħi ta’ divertiment) għandu juri r-realtà u jgħallem billi jinforma. F’moħħi m’hemmx fruntieri. Jiena nħobb ngħallem mill-ftit li naf; u nħobb nitgħallem mill-istudenti tiegħi għax dawn għandhom ħafna x’jgħallmuni, tant li minn sena għal oħra dejjem inżid mal-materjal tat-tagħlim tiegħi għax kull grupp ta’ studenti huwa differenti. Ma tistax tqis lil kulħadd xorta. Għalhekk sabiħa l-edukazzjoni, għax dejjem trid tiddilja ma’ nies differenti, dejjem trid tħaddem strateġiji differenti biex tgħinhom jaslu fejn hemm bżonn. Il-ħajja ta’ għalliem għalija hija avventura kontinwa li tiddependi fuq il-psikoloġija u s-sentiment. Fl-istess ħin il-professjoni ta’ għalliem għadni nemmen li hija vokazzjoni – trid toħroġ minn ruħek bħala ħidma ta’ mħabba u dedikazzjoni.

U x-xandir (li wkoll inħobbu għax inħossni qed niddjaloga ma’ ħafna aktar nies) jagħtini ċ-ċans li nkun għalliem, riċerkatur, u kreattiv fl-istess ħin. Meta nkun live is-semmiegħa u t-telespettaturi jgħallmuni ħafna u nifhem x’bir ta’ għerf għandhom; meta jċempluli u jkellmuni fuq l-esperjenzi lingwistiċi tagħhom nieħù bosta noti biex inżidhom ma’ dak li jkolli. Meta nirrekordja l-programmi nipprova nferra’ fihom bosta tagħrif siewi u ta’ interess. Meta nkun fuq xi mezz tax-xandir, inkun konxju ta’ kull kelma li ngħid, anzi dejjem ikolli skop għaliex nuża kelma minflok oħra. Imma l-missjoni tiegħi hija dejjem l-istess: li nuri lis-semmiegħa u t-telespettaturi l-kobor tal-ġmiel ta’ lsienna. Fi lsienna hemm bir kulturali mingħajr belliegħa u mdawwal bl-ogħna ġrajjiet għax hemm ġrajja wara kull kelma Maltija – ġrajja msawra mill-antenati tagħna, ġrajja li tikxef mentalità li sawret lilna.

Il-ħidma tiegħi bħala kritiku, studjuż, riċerkatur, traduttur, kittieb kreattiv, edukatur, u xandar hija, fil-qofol tagħha, dejjem immirata sabiex inrawwem u nkabbar ir-rispett lejn il-Malti – lingwa ħajja u attwali li dejjem tikber u tisbieħ u taħżen ġo fiha għerf niesna. Għaldaqstant nipprova nagħti mill-aħjar li nista’ għalhekk nintegra l-ħidmiet tiegħi f’daqqa. Il-medjokrità x’aktarx li tiġi mix-xogħol ta’ kafkaf. Jien għadni nemmen li jekk ħidma tkun titqies siewja, għandha ssir bil-galbu u bil-għaqal biex titwassal bl-aħjar mezz possibbli lill-udjenza mixtieqa li jkun jixraqilha xogħol mill-aħjar. B’hekk inżidu r-rispett u nnaqqsu l-medjokrità.

5.Liema huwa l-ikbar sodisfazzjon għalik: dak li ġej mill-qasam strettament akkademiku jew meta tkun in kuntatt mal-poplu f’ċirkustanzi informali?

Mit-tnejn hemm x’titgħallem u fiż-żewġ aspetti l-ħsieb irid ikun meqjus. L-iktar li nħossni komdu, però, meta nkun f’qagħdiet informali għax il-ħsieb ikun aktar spontanju u naturali (imma xorta meqjus). F’ċirkustanzi akkademiċi l-ħsieb jitgħabba bl-astratt, imma anki hawn hemm is-sabiħ tiegħu għax bosta drabi l-ħsieb ikun iċċalinġjat minn oħrajn li jifhmu ħafna. Parti mill-karattru tiegħi huwa li nipprova nieħu gost kull fejn inkun, u kollox jagħtini sodisfazzjoni basta jkun hemm ir-rispett – jiġifieri, basta l-parteċipanti jirrispettaw lil xulxin u lill-ideat ta’ xulxin.

(Patrick Sammut 2013)


Sunday, May 19, 2013

A poem by Teresinka Pereira


ANGEL OR DEVIL?
 
 
Angel or Devil we are
according the state of the blood
that governs our heart.
Sometimes a harmonic light
and peaceful mood from the stars
brings us a good feeling.
Then we feel good and do good.
Sometimes there are rivers of mud
flowing in the veins of the world
and we look at the heavens
with disdain and we cry.
Evil hurts us before it goes out
to bother other human beings.
The angels have always resisted
hatred.

Teresinka Pereira

Monday, May 06, 2013

Poeżija għal JUM L-OMM


F’Jum l-Omm


Fost il-jiem kollha tas-sena
għandna wieħed għażiż wisq;
dan hu ddedikat lil ommna –
għelm ta’ barka, hena w risq.

Meta Beniamino Gigli
kien instema’ jkanta l-“Mamma”
ma’ dal-globu kompla kebbes
tal-imħabba din il-fjamma.

Għax l-omm l-akbar kreatura
li teżisti fil-ħolqien;
jekk idduru d-dinja kollha
bħalha żgur ma ssibu mkien!

Bla ma trid meta tinħasad
inti tgħajjat: “Ajma, Ma!”.
U għalkemm daqsha essenzjali,
ma ssejjaħx int lill-papà!

Żgur li hemm xi ħaġa fina
li bil-wisq torbotna magħha
bħalma l-qroqqa l-ħin kollu
tgħożż ma’ djulha l-ulied tagħha.

Wara disa’ xhur ta’ tqala
d-dinja tifraħ b’twelid ġdid;
forsi mhux l-omm responsabbli
minn dil-benna, minn dal-ġid!

Meta nħossuna morda
jew imtaqqla minn xi hemm
dlonk tarana sejrin għandha
biex infittxu ftit tal-kenn.

Bl-ebda dubju ġewwa s-sema
għandna Omm bil-wisq setgħana;
toqogħdux, immela, lura –
nersqu lejha lkoll ħerqana.

F’kelma waħda xejn ma jisboq
dan l-isem sabiħ ta’ omm –
dawn il-versi minn qiegħ qalbi,
għażiż’omm, lilek indomm.


Kav. Joe M. Attard


Sunday, April 28, 2013

EARTH DAY


The Earth
is an enormous home,
strong and renewable
where our dreams
and our utopia survive.
The Earth is recycled
as we are, beings
who live on the surface,
underground,
or in the cosmic space.
Viva the Earth
for the infinite treasure
it gives us!
Hurrah for everybody's Earth
and for the everyday Earth!


Teresinka Pereira